14.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 302/22


Appell ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2015 minn Steinbeck GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-30 ta’ April 2015 fil-Kawżi T-707/13 u T-709/13, Steinbeck GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-346/15 P)

(2015/C 302/28)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Steinbeck GmbH (rappreżentanti: M. Heinrich u M. Fischer, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Alfred Sternjakob GmbH & Co. KG

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2015 fil-Kawżi magħquda T-707/13 u T-709/13;

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Skont l-appellanti, is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) għar-raġunijiet li ġejjin:

1.

Il-Qorti Ġenerali tindika bħala waħda mir-raġunijiet għall-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark “BE HAPPY” il-fatt li din tista’ tiġi pperċepita bħala slogan ta’ reklamar. Dan huwa f’kontradizzjoni diretta mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea peress li skont din il-ġurisprudenza dan waħdu ma huwiex biżżejjed għaċ-ċaħda tal-karattru distintiv.

2.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma sabet l-ebda relazzjoni speċifika bejn it-trade mark “BE HAPPY” u l-prodotti li għalihom saret ir-reġistrazzjoni, li ma jeħtiġux minimu ta’ interpretazzjoni mill-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, inħolqot konnessjoni arbitrarja bejn il-prodotti u s-sinjali, li, anki kieku kienet korretta, kienet teħtieġ sforz fl-interpretazzjoni mill-pubbliku rilevanti.

3.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark “BE HAPPY”.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).