14.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 302/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fis-6 ta’ Lulju 2015 – María Pilar Planes Bresco vs Comunidad Autónoma de Aragón

(Kawża C-334/15)

(2015/C 302/27)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: María Pilar Planes Bresco

Konvenuta: Comunidad Autónoma de Aragón

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 43 u 44 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (1), tad-29 ta’ Settembru 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-kategorija ta’ ettari eliġibbli s-superfiċi kollha ta’ mergħat permanenti ddikjarati minn bidwi li jeċċedu s-superfiċi li preċedentement kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ drittijiet normali dovuti lilu, li tissuġġetta l-inklużjoni tal-imsemmija superfiċi, u għalhekk is-sostituzzjoni ta’ artijiet ta’ koltivazzjoni b’mergħat għall-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ikunu effettivament iddedikati għat-trobbija tal-annimali matul is-sena li fiha l-bidwi jixtieq jibbenefika mid-dritt li jirċievi l-għajnuna?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv,

2)

L-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jeskludi l-pagamenti taħt l-iskemi ta’ għajnuna lill-istess benefiċjarji tagħhom “li jinstabu li ħolqu artifiċjalment il-kondizzjonjiet mitluba biex jakkwistaw tali pagamenti bl-intenzjoni li jiksbu vantaġġ kontra l-għanijiet ta’ dik l-iskema ta’ appoġġ”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet ġenerali li jnaqssu n-numru ta’ “ettari eliġibbli” (ta’ mergħat permanenti), billi jiddefinixxi oġġettivament sitwazzjonijiet ġenerali li fihom jitqies li l-benefiċjarju ħoloq kundizzjonijiet b’mod artifiċjali sabiex jikseb il-pagament mingħajr ma jkun wera b’mod konkret u b’rabta ma’ bidwi speċifiku, l-attività mwettqa mill-imsemmi bidwi u l-aġir ta’ dan tal-aħħar?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).