5.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/2


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-320/15)

(2015/C 328/02)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Zavvos u E. Manhaeve)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika Ellenika naqset miilli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva 91/271/KEE (1), dwar it-trattament tal-ilma urban mormi;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tispeċifika l-impjanti ta’ ċerti agglomerazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva, jew għaliex l-impjanti neċessarji ma nbnewx b’mod xieraq jew ma ġewx immodernizzati b’mod xieraq (agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista) u konsegwentement l-ilma urban mormi ta’ dawn l-agglomerazzjonijiet, qabel ma jintrema, ma jiġix sottomess għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, jew inkella għaliex il-kampjuni meħuda (agglomerazzjonijiet ta’ Desfina, Polychrono u Chanioti) jirrilevaw li l-operat tal-impjant ma jissodisfax il-rekwiżiti tad-direttiva.

2.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271/KEE, l-ilma urban mormi (agglomerazzjonijiet b’ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 2  000) li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir għandu, qabel ma jintrema, ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti; barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3), dan ir-rimi għandu jissodisfa l-kriterji rilevanti tal-Anness I.B (wieħed minnhom huwa li kampjuni rappreżentattivi tal-ilma mormi li jkun dieħel u l-effluwent ittrattat jinkisbu qabel ir-rimi fl-ilma riċeventi).

3.

Skont il-Kummissjoni, sabiex jitqies li jissodisfa l-obbligi tad-direttva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, l-Istat Membru għandu jipprovdi data soddisfaċenti dwar il-kwalità tal-ilma mormi wara t-trattament. Barra minn hekk, sabiex tinkiseb evawazzjoni affidabbli tal-kwalità tal-iskart ta’ agglomerazzjoni skont id-direttiva u, għaldaqstant, trattament ta’ dan l-iskart li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4, l-Istati Membri huma obbligati jippreżentaw riżultati soddisfaċenti għal perijodu ta’ sena u nofs wara li t-tagħmir jibda jintuża u dan, permezz tat-teħid ta’ kampjuni, skont il-metodoloġija prevista bid-Direttiva 91/271/KEE.

Α)   Agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani (ekwivalenti ta’ popolazzjoni 5882), Doxato (EA 3815), Eleftheroupoli (EH 4934), Vagia (EH 4509) u Galatista (EH 2974)

4.

Il-Kummissjoni tqis li, perss li l-ilma urban mormi ta’ erbgħa mill-agglomerazzjonijiet (Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli u Vagia) ma jiġux suġġetti, qabel ma jintremew, għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, hemm ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva. Mill-bqija, l-awtoritajiet Elleniċi jirrikonoxxu huma stess li dawn l-agglomerazzjonijiet ser jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva biss ladarba l-proġetti kofinanzjati jitlestew. Skont il-Kummissjoni, minkejja li l-proġetti neċessarji diġà ġew inkluzi fl-assi prijoritarju “02 – Protezzjoni u ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma” tal-programm operattiv “Ambjent u żvilupp sostenibbli”, dawn ma għandhomx jitlestew qabel tmiem is-sena 2014 għall-agglomerazzjonijiet ta’ Eleftheroupoli u ta’ Prosotsani u l-awtoritajiet Elleniċi ma taw ebda data preċiża ta’ tlestija għall-agglomerazzjonijiet ta’ Vagia u ta’ Doxato. Mir-risposti tal-awtoritajiet Elleniċi jirriżulta li l-operat tal-impjant ta’ Galatista huwa problematiku u li dan għandu jittejjeb sabiex ir-rekwiżiti tad-direttiva jiġu ssodisfatti.

Β)   Agglomerazzjonijiet ta’ Desfina (E.P. 2024), Polychronos (E.P. 10,443) u Chanioti (E.P. 9000)

5.

F’dak li jikkonċerna dawn it-tliet agglomerazzjonijiet (Desfina, Polychrono u Chanioti), minkejja li l-awtoritajiet Griegi bagħtu r-riżultati tad-diversi kampjuni meħuda mill-impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi, il-Kummissjoni tqis li dawn il-kampjuni juru li dawn it-tliet impjanti ma humiex qegħdin jiġu operati b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-direttiva.

Agglomerazzjoni ta’ Polychronos

6.

Il-Kummissjoni tindika li n-numru ta’ kampjuni mhux konformi, kemm fl-2012 kif ukoll fl-2013, jaqbeż in-numru awtoritzzat u li la ttieħdu kampjuni suffiċjent għas-sena 2012 u lanqas għas-sena 2013.

Agglomerazzjoni ta’ Chanioti

7.

Il-kampjuni li ntbagħtu lill-Kummissjoni għal din l-agglomerazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi u bħala li ttieħdu f’intervalli regolari, peress li ebda kampjun ma ttieħed bejn Jannar u April 2012 u ebda kampjun għas-sena 2013 ma ntbagħat għal din l-agglomerazzjoni.

Agglomerazzjoni ta’ Desfina

8.

Peress li n-numru ta’ kampjuni meħuda fl-2012 u fl-2013 ma kienx suffiċjenti, għaldaqstant dawn ma setgħux jittieħdu f’intervalli regolari, bħalma teħtieġ id-Direttiva (żewġ kampjuni biss meħuda fl-2012 minflok tnax, li jfisser li għaxar xhur ma ġewx koperti, tmien kampjuni meħuda fl-2013, li minnhom tnejn jikkonċernaw ix-xahar ta’ Lulju, li jfisser li ħames xhur ma ġewx koperti).


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.