20.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 236/31


Appell ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2015 minn Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-17 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-89/09, Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-246/15 P)

(2015/C 236/42)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG (rappreżentanti: J. Heithecker, J. Ylinen, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Land Hessen

Talbiet

tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn dan jiċħad it-tielet motiv relatat mas-sussidju għall-investiment u mal-bejgħ ta’ art pubblika;

tannulla l-punti 3 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tikkundanna lill-Kummissjoni u lil-Land Hessen għall-ispejjeż.

Tilqa’, barra minn hekk, it-talbiet tal-appellanti fl-ewwel istanza, sa fejn hija titlob,

l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6017 finali, tal-21 ta’ Ottubru 2008, Għajnuna mill-Istat Nru 512/2007 – Il-Ġermanja, Abalon Hardwood Hessen GmbH, sa fejn din tikkonstata li l-għajnuna reġjonali nnotifikata tikkostitiwixxi għajnana eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999;

l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6017 finali, tal-21 ta’ Ottubru 2008, Għajnuna mill-Istat Nru 512/2007 – Il-Ġermanja, Abalon Hardwood Hessen GmbH, sa fejn din tikkonstata li l-bejgħ ta’ art pubblika ma jikkostitiwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE;

il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell jikkonċerna l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ tiċħad l-argumenti sostnuti fl-ilment imressaq minn kompetitur dirett tal-benefiċjarju tal-għajnuna, mingħajr ma tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, kellha tilqa’ t-tielet motiv – li permezz tiegħu hija oġġezzjonat għan-nuqqas li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali – mhux biss, kif sar, għar-rigward tal-allegata għajnuna fil-forma ta’ garanziji, iżda wkoll fir-rigward ta’ għajnuna allegata oħra fil-forma ta’ sussidji għall-investiment u ta’ bejgħ ta’ art pubblika.

L-appellanti tinvoka ħames aggravji:

1.

Fir-rigward tas-sussidju għall-investiment, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li d-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007 kienet irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tat-tielet motiv, peress li l-Kummissjoni, minkejja li wettqet eżami dettaljat matul il-proċedura amministrattiva, ma setgħetx tkun taf bl-eżistenza ta’ tali deċiżjoni u, barra minn hekk, minħabba li din tal-aħħar ma seta’ jkollha ebda effett fuq l-eżitu tal-eżami tal-Kummissjoni.

2.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u diversi żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat li, skont il-perizja li saret dwar il-valur tal-art pubblika mibjugħa lill-benefiċjarju tal-għajnuna, il-bini li jinsab fuqha ma kellu ebda valur.

3.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonstata matul il-proċedura amministrattiva li l-ammont ta’ EUR 1 4 00  000, imnaqqas mill-prezz tax-xiri stabbilit skont il-perizja, jikkorrispondi għall-prezz tas-suq għat-twaqqigħ tal-bini kollu li kien jinsab fuq dik il-parti tal-art mibjugħa lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

4.

Il-Qorti Ġenerali għamlet diversi żbalji ta’ liġi fl-analiżi tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ xiri tal-art, li jistabbilixxi li l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa marbut li jwaqqa’ l-bini kollu li jokkupa l-art u li jħallas l-arretrati lill-bejjiegħ tal-art, jekk, fi żmien għaxar snin minn dan l-akkwist, ma jkunx sar b’mod sħiħ jew parzjali t-twaqqigħ jew jekk l-ispejjeż normali tat-twaqqigħ ikunu inqas mill-ammont hawn fuq imsemmi ta’ EUR 1 4 00  000.

5.

Il-Qorti Ġenerali inġustament kkundannat lill-appellanti għall-ħlas ta’ parti mill-ispejjeż tal-kawża, peress li r-rikors ġie ddikjarat ammissibbli fir-rigward ta’ tlieta mill-ħames miżuri ta’ għajnuna allegati u l-appellanti ppreżentat ir-rikors biss fir-rigward tat-tnejn l-oħra, peress li la d-dokumenti li ntbagħtu matul il-proċedura amministrattiva u lanqas id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kienu jinkludu informazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward.