20.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 236/30


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2015 mil-Land Hessen mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-17 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-89/09, Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-242/15 P)

(2015/C 236/41)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Land Hessen (rappreżentanti: U. Soltész, A. Richter, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-89/09 sa fejn din tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6017 finali, tal-21 ta’ Ottubru 2008, Għajnuna mill-Istat N 512/2007 – Il-Ġermanja, Abalon Hardwood Hessen GmbH;

tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

tikkundanna lil Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG għall-ispejjeż tal-appellant fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka erba’ aggravji b’kollox:

1)

L-ewwel aggravju tal-appellanti huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament twettaq mill-Qorti Ġenerali meta injorat il-marġni ta’ diskrezzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Il-konstatazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li l-garanziji jikkostitwixxu hija kwistjoni ekonomika kumplessa li għaliha l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni. Fl-ambitu tal-prassi deċiżjonali tagħha, matul diversi snin, il-Kummissjoni eżerċitat din is-setgħa diskrezzjonali billi qieset l-ammont tal-għajnuna bħala 0,5 % tal-ammont tal-garanzija. Il-pubblikazzjoni sussegwenti tal-Komunikazzjoni tal-2000 dwar il-garanziji ma tista’ tibdel xejn f’dan ir-rigward.

2)

Barra minn hekk (it-tieni aggravju), il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE huwa kunċett oġġettiv li fuqu approvazzjoni tal-Kummissjoni ma jistax ikollha effett. Il-valur tal-għajnuna ta’ garanzija ma jistax jinbidel permezz tal-approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna. Dan japplika partikolarment għall-każijiet ta’ għajnuna de minimis peress li dawn ma jaqgħux taħt l-Artikolu 107 TFUE u ma jistgħux, għalhekk, ikunu suġġetti għal deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3)

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Il-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna kkostitwita mill-garanziji mogħtija taħt l-iskemi ta’ għajnuna awtorizzati u mhux awtorizzati, jinvolvi sitwazzjonijiet ekwivalenti li huma s-suġġett ta’ trattamenti mingħajr ma dan huwa oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi meta tiddistingwi, fl-applikazzjoni tal-metodu li jevalwa l-ammont tal-għajnuna bħala 0,5 % tal-ammont tal-garanzija, bejn il-garanziji mogħtija qabel u wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2000 dwar il-garanziji. Issa, f’dan il-każ, il-prassi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Ġermanja hija iktar speċifika mill-Komunikazzjoni tal-2000 dwar il-garanziji, b’mod ġenerali, u, barra minn hekk, il-metodu ta’ kalkolu inkwistjoni f’dan il-każ huwa permissibbli, anki jekk kellu jiġi evalwat fl-ambitu tal-kriterji tal-Komunikazzjoni tal-2000 dwar il-garanziji.

4)

Finalment, ir-raba’ aggravju tal-appellanti huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li twettaq fl-evalwazzjoni fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-aspettattivi leġittimi tal-Land Hessen jistħoqqilhom protezzjoni minħabba l-fatt li, mingħajr il-qafas tal-prassi deċiżjonali tagħha, matul diversi snin, il-Kummissjoni, minn naħa waħda, aċċettat u, barra minn hekk, ikkonfermat espressament mingħajr l-ittra tagħha tal-1998, il-metodu li jevalwa l-ammont tal-għajnuna bħala 0,5 % tal-ammont tal-garanzija. Barra minn hekk, fil-proċedura ta’ stħarriġ fil-fond tal-linji gwida dwar il-garanziji tal-Land Hessen, il-Kummissjoni ma qajmet ebda oġġezzjoni dwar il-metodu li jevalwa l-ammont tal-għajnuna bħala 0,5 % tal-ammont tal-garanzija.