6.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 221/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obersten Gerichtshof (l-Awstrija) fis-27 ta’ April 2015 – Verein für Konsumenteninformation vs Amazon EU Sàrl

(Kawża C-191/15)

(2015/C 221/04)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Verein für Konsumenteninformation

Konvenuta: Amazon EU Sàrl

Domandi preliminari

1)

Id-dritt applikabbli għal azzjoni għal inġunzjoni fis-sens tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (1), għandu jkun determinat, meta rikors ikun dirett kontra l-użu ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti minn impriża stabbilita fi Stat Membru li tikkonkludi kuntratti ta’ kummerċ elettroniku mal-konsumaturi li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn u, b’mod partikolari fl-Istat tal-qorti adita, abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Regolament ‘Ruma II’”) (2)?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

2.1

Għandu jinftiehem bħala l-pajjiż fejn iseħħ id-dannu [Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II] kull Stat li lejh l-impriża konvenuta tieħu inizjattivi kummerċjali, b’tali mod li l-klawżoli kontenzjużi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-Istat fil-każ ta’ kontestazzjoni, minn entità li għandha s-setgħa li tressaq kawża, tal-użu ta’ dawn il-klawżoli fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-konsumaturi residenti f’dan l-Istat?

2.2

Hemm rabta manifestament eqreb [Artikolu 4(3) tar-Regolament “Ruma II”] mad-dritt tal-Istat fejn l-impriża konvenuta jkollha s-sede tagħha, meta l-kundizzjonijiet kummerċjali tagħha jipprevedu li d-dritt ta’ dan l-Istat japplika għall-kuntratti konklużi mal-impriża?

2.3.

Tali klawżola ta’ għażla tad-dritt applikabbli twassal għal raġunijiet oħra sabiex japplika d-dritt tal-Istat fejn l-impriża konvenuta jkollha s-sede tagħha għall-eżami ta’ klawżoli kummerċjali kontenzjużi?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva:

Kif allura għandu jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli?

4)

Tkun xi tkun ir-risposta għad-domandi preċedenti:

4.1.

Klawżola fil-kundizzjonijiet kummerċjali ġenerali li tipprovdi li, għal kuntratt ta’ kummerċ elettroniku konkluż bejn konsumatur u impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għandu japplika d-dritt tal-Istat tas-sede tal-imsemmija impriża, hija inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (3)?

4.2.

L-ipproċessar ta’ data personali minn kumpannija li tikkonkludi kuntratti ta’ kummerċ elettroniku ma’ konsumaturi residenti fi Stati Membri oħra huwa suġġett, skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4), esklużivament u jkun liema jkun id-dritt li jkun altrimenti applikabbli, għad-dritt tal-Istat Membru fejn l-impriża jkollha l-istabbiliment tagħha li jwettaq l-ipproċessar, jew din l-impriża hija obbligata li tosserva wkoll ir-regoli għall-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri li lejhom hija tindirizza l-inizjattivi kummerċjali tagħha?


(1)  ĠU L 110, p. 30.

(2)  ĠU L 199, p. 40.

(3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288

(4)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.