22.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvja) fit-22 ta’ April 2015 – Aleksei Petruhhin

(Kawża C-182/15)

(2015/C 205/31)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Aleksei Petruhhin

Konvenuta: Latvijas Republikas Ģenerālprokuratūra

Domandi preliminari

1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, skont ftehim dwar l-estradizzjoni konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, għandu jiġi ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li huwa ggarantit lil ċittadin tal-Istat Membru inkwistjoni?

2)

F’tali ċirkustanzi, il-qorti tal-Istat Membru li kien mitlub l-estradizzjoni għandha tapplika l-kundizzjonijiet ta’ estradizzjoni tal-Istat tal-Unjoni Ewropea tan-nazzjonalità jew ta’ dak li fih tinżamm ir-residenza abitwali?

3)

Fil-każijiet fejn l-estradizzjoni għandha ssir mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell speċifiku ta’ protezzjoni stabbilit għaċ-ċittadini tal-Istat li jkun ġie mitlub l-estradizzjoni, l-Istat Membru li ġie mitlub l-estradizzjoni għandu jivverifika li jiġu osservati l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li l-ebda persuna ma tista’ tiġi estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti? Din il-verifika tista’ tiġi limitata għall-konstatazzjoni li l-Istat li jitlob l-estradizzjoni jkun parti kontraenti fil-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tat-tortura, jew għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni konkreta, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-imsemmi Stat magħmula mill-Kunsill tal-Ewropa?