8.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal administratif de Rennes (Franza) fil-25 ta’ Marzu 2015 – Doux SA, Maître Sophie Gautier, li taġixxi fil-kwalità ta’ amministratur fl-amministrazzjoni ġudizzjarja ta’ Doux SA, SCP Valliot-Le Guenevé-Abittbol, fil-persuna ta’ Me Valliot, fil-kwalità ta’ amministratur fl-amministrazzjoni ġudizzjarja ta’ Doux SA vs Etablissement national des produits de l'agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

(Kawża C-141/15)

(2015/C 190/04)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal administratif de Rennes

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Doux SA, Maître Sophie Gautier, li taġixxi fil-kwalità ta’ amministratur fl-amministrazzjoni ġudizzjarja ta’ Doux SA, SCP Valliot-Le Guenevé-Abittbol, fil-persuna ta’ Me Valliot, fil-kwalità ta’ amministratur fl-amministrazzjoni ġudizzjarja ta’ Doux SA

Konvenut: Etablissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

Domandi preliminari

1)

Il-limitu ta’ kontenut ta’ ilma stabbilit permezz tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 543/2008 (1) u l-Annessi VI u VII tiegħu jikkostitwixxi rekwiżit ta’ “kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq” fis-sens tal-Artikolu 28.1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 (2) u tas-sentenza Nowaco Germany GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas tas-7 ta’ Settembru 2006?

2)

Tjur iffriżat li jaqbeż il-limitu ta’ kontenut ta’ ilma stabbilit permezz tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 543/2008 u l-Annessi VI u VII tiegħu, akkumpanjat b’ċertifikat ta’ ikel tajjeb għas-saħħa maħruġ mill-awtorità kompetenti, jista’ jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni f’kundizzjonijiet normali fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009 u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet?

3)

Il-fatt li l-limitu ta’ kontenut ta’ ilma baqa’ stabbilit għal 5,1 % skont l-Anness VI tar-Regolament tas-16 ta’ Ġunju 2008 u mhux mibdul għal diversi għexur ta’ snin minkejja l-allegati modifiki fil-prattiki ta’ trobbija u l-kritiki espressi f’ċerti studji xjentifiċi dwar il-fatt li dan il-valur limitu ma għadux jgħodd huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ċertezza legali?

4)

L-Annessi VI u VII tar-Regolament (KE) Nru 543/2008 huma suffiċjentement preċiżi sabiex isiru l-kontrolli previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament jew huwa l-każ li Franza kellha tiddefinixxi l-“miżuri prattiċi għall-kontrolli”“f’kull fażi tat-tqegħid fis-suq” sabiex il-kontrolli mwettqa matul il-fażi ta’ esportazzjoni tal-prodotti jkunu jistgħu jiġu invokati?

5)

It-talbiet għal analiżi kontradittorja li japplikaw, skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 16(2) u (5) tar-Regolament Nru 543/2008, għar-riżultati tal-kontrolli fil-biċċeriji jistgħu jiġu estiżi għall-kontrolli mwettqa fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti esportati, u dan fil-preżenza tal-partijiet, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 543/2008, tas-16 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istandards għat-tqegħid fis-suq tal-laħam tat-tjur (ĠU L 157, p. 46).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009, tas-7 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 186, p. 1).