11.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/16


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-126/15)

(2015/C 155/18)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Braga da Cruz u F. Tomat, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tikkonstata li, billi ssuġġettat il-pakketti ta’ sigaretti li diġà ġew intaxxati u mqiegħda għall-konsum f’sena speċifika għal projbizzjoni minn kummerċjalizzazzjoni u bejgħ lill-pubbliku mal-iskadenza tal-perijodu eċċessivament qasir previst fl-Artikolu 27 tad-Digriet Nru 1295/2007 tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-Amministrazzjoni Pubblika, ir-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha mal-Artikolu 7, mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118/KE (1), dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa, u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118/KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

Mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118/KE (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”) jirriżulta li d-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk huwa eżiġibbli fid-data ta’ tqegħid għall-konsum, bir-rata li tkun fis-seħħ f’dak iż-żmien. L-Artikolu 9 tad-Direttiva jiddetermina li l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u r-rata ta’ dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati huma dawk fis-seħħ fid-data fejn l-istess dazju jkun eżiġibbli. Ladarba l-prodotti inkwistjoni jitqiegħdu għall-konsum, il-leġiżlazzjoni fiskali tal-UE ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mument li tqiegħdet għall-konsum, li jintaxxaw dawn il-prodotti b’dazju tas-sisa supplimentari għat-taxxa dovuta jew li jillimitaw id-distribuzzjoni tagħha għal raġunijiet fiskali.

Fil-Portugall, skont id-Digriet Nru 1295/2007 tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-Amministrazzjoni Pubblika (iktar ’il quddiem, id-“Digriet”), il-pakketti ta’ sigaretti li mwaħħla magħhom kellhom it-timbru ta’ sena ta’ taxxa speċifika jistgħu jinbigħu u jiġu kkummerċjalizzati biss sa tmiem it-tielet xahar tas-sena ta’ wara dik tat-timbru mwaħħal, jiġifieri s-sena li fihom tqiegħdu għall-konsum. B’mod tranżitorju, u skont id-Digriet, it-terminu għall-bejgħ kien stabbilit għal tmiem Mejju 2008 għall-pakketti ta’ sigaretti li kellhom timbri tal-2007 mwaħħla magħhom u għal tmiem April 2009 għall-prodotti li kellhom timbri tal-2008 mwaħħla magħhom.

Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni Portugiża tikser l-Artikolu 7 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva, madankollu mingħajr ma teskludi l-possibbiltà li din l-istess leġiżlazzjoni tkun ġustifikata minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku.

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-motivi invokati mill-Portugall fil-fażi amministrattiva tal-kawża sabiex tiġġustifika din l-istess leġiżlazzjoni (il-prevenzjoni tal-frodi u l-evażjoni fiskali, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-ġlieda kontra n-negożju illegali ta’ tabakk u l-garanzija ta’ dħul fiskali) ma humiex aċċettabbli ladarba jinkiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2.

Artikolu 39(3) tad-Direttiva 2008/118/KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

L-Artikolu 39(3) tad-Direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex il-marki li jitpoġġew fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma joħolqux ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa. Il-projbizzjoni stabbilita fid-Digriet toħloq dawn l-ostakoli, billi tiddetermina li l-pakketti ta’ sigaretti li mwaħħla magħhom kellhom it-timbru ta’ sena ta’ taxxa speċifika jistgħu jinbigħu u jiġu kkummerċjalizzati biss sa tmiem it-tielet xahar tas-sena ta’ wara dik tat-timbru mwaħħal. Il-preokkupazzjoni tal-importaturi li ma jirnexxilhomx ineħħu l-ħażniet li ma jistgħux jinbigħu fil-mument li r-rata tat-taxxa ġiet mibdula tista’ taqtagħlhom qalbhom milli jwettqu akkwiżizzjonijiet normali, b’mod speċjali dawk li jiġu minn Stati Membri oħra, u, b’hekk, jaffettwaw il-kummerċ fuq livell li jmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jiġu miġġielda, pereżempju, it-tqegħid eċċessiv għall-konsum qabel iż-żieda ta’ dazju tas-sisa.

Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-projbizzjoni mill-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni li tirriżulta mid-Digriet toħloq ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 39(3) tad-Direttiva u li tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju għall-prevenzjoni tal-frodi, l-evażjoni jew l-abbuż. Konsegwentement, din il-projbizzjoni hija wkoll kuntrarja għall-Artikolu 39(3) tad-Direttiva u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas—16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, p. 12).