26.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 171/22 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fl-10 ta’ Marzu 2015 – C.
(Kawża C-122/15)
(2015/C 171/26)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein hallinto-oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: C.
Parti oħra fil-proċedura: Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö
Domandi preliminari
1) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78/KE (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 124 tal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tirrigwarda t-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li d-dispożizzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba l-età li tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija applikabbli f’dan il-każ? Id-domandi 2 u 3 huma magħmula biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni: |
2) |
Jekk tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2000/78/KE u l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 124 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tirrigwarda t-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, li abbażi tagħha d-dħul minn pensjoni tax-xjuħija ta’ persuna fiżika, li l-ħlas tagħha huwa marbut tal-inqas indirettament mal-età, jagħti lok f’ċerti sitwazzjonijiet għal taxxa fuq id-dħul ogħla minn dik li tkun dovuta fuq dħul salarjali ta’ livell ekwivalenti? |
3) |
Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ċċitati iktar ’il fuq jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħat-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din it-taxxa addizzjonali tista’ madankollu titqies li hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata mill-għan tagħha, b’mod partikolari minn għan leġittimu relatat mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-għan iddikjarat fix-xogħol preparatorju tal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul huwa li t-taxxa addizzjonali inkwistjoni tintuża sabiex jinġabar dħul mit-taxxa mingħand il-benefiċjarji ta’ pensjonijiet tax-xjuħija li jkollhom il-kapaċità li jikkontribwixxu, li jitnaqqsu d-differenzi fil-livell ta’ tassazzjoni bejn il-pensjonijiet tax-xjuħija u s-salarji u li jittejbu l-inċentivi għall-persuni anzjani sabiex ikomplu bl-attività professjonali tagħhom? |
(1) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).