14.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 302/12


Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2015 minn Internationaler Hilfsfonds e.V. mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-9 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-482/12, Internationaler Hilfsfonds e.V. vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-103/15 P)

(2015/C 302/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Internationaler Hilfsfonds e.V. (rappreżentant: H.-H. Heyland, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Jannar 2015;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell, li ġie ppreżentat skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa intiż kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-482/12. Permezz ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikors ta’ Internationaler Hilfsfonds e.V. kontra l-Kummissjoni Ewropea abbażi ta’ insuffiċjenza ta’ produzzjoni ta’ dokumenti u ta’ motivi. Madankollu, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-300/10, il-Kummissjoni kienet obbligata, ħlief fil-każ ta’ ċerti eċċezzjonijiet, tipprovdi lill-appellanti d-dokumentazzjoni sħiħa fil-fajl tal-kuntratt LIEN 97-2011. Dawn ir-rekwiżiti ma ġewx issodisfatti: minflok, il-Kummissjoni pprovdiet diversi dokumenti b’partijiet vojta jew esklużi u naqset kompletament milli tipprovdi numru ikbar ta’ dokumenti. Fir-rikors tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2012, Internationaler Hilfsfonds e.V. kienet ippreżentat l-oġġezzjonijiet tagħha b’mod komprensiv, billi ppreżentat u rreferiet għall-ittra tas-27 ta’ Lulju 2012 li kienet indirizzat lill-Kummissjoni u li fiha kienet talbet lil din tal-aħħar tieħu l-miżuri konsegwenti neċessarji skont l-Artikolu 266 TFUE, moqri flimkien mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE. Hija pprovdiet ukoll lill-Qorti Ġenerali bil-korrispondenza li rriżultat bejn il-partijiet u, barra minn hekk, inkludiet din il-korrispondenza mar-rikors fil-forma ta’ anness.

L-appellanti ssostni li, fid-digriet li huwa s-suġġett tal-appell preżenti, il-Qorti Ġenerali allegat li r-rikors ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti proċedurali pprovduti fl-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura u li l-motivi ma kinux ġew ippreżentati suffiċjentement. L-appellanti tikkontesta dan, u ssostni li hija mhux biss ippreżentat fil-qosor il-kuntest tar-rikors, il-motivi tiegħu u l-informazzjoni kollha rilevanti, iżda saħansitra għamlet hekk fid-dettall, li permezz ta’ dan il-Qorti Ġenerali setgħet tirrikonoxxi s-suġġett tal-kawża mingħajr diffikultà. L-appellanti tikkontesta partikolarment il-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, bħala inammissibbli, it-talba tagħha sabiex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Awwissu 2012 (li permezz tagħha l-Kummissjoni ssottomettiet id-dokumentazzjoni inkompleta tagħha) tiġi annullata parzjalment – għalkemm f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-motiv korrispondenti.

Barra minn hekk, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat id-dokumenti sottomessi mill-appellanti fil-forma ta’ anness bħala sempliċi referenzi ġenerali u ma ħadithomx inkunsiderazzjoni, minkejja li kienu jikkontribwixxu għall-kjarifika tal-motivi u tad-dokumenti fir-rikors tagħha u għalhekk kienu jikkostitwixxu parti integrali mir-rikors. L-appellanti tikkontesta wkoll id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-replika tal-appellanti kienet ineffettiva minkejja li kienet ġiet ippreżentata konformement mar-Regoli tal-Proċedura sabiex issostni r-rikors tagħha, kienet ikkjarifikat l-argumenti tagħha u pprovdiet id-dokumenti kollha kkontestati. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-digriet appellat inkwantu huwa bbażat fuq difetti proċedurali serji u f’dan is-sens il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti għal rimedju ġudizzjarju effettiv.