27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/37


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-12 ta’ Frar 2015 – BP Europa SE vs Hauptzollamt Hamburg-Stadt

(Kawża C-64/15)

(2015/C 138/50)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BP Europa SE

Konvenut: Hauptzollamt Hamburg-Stadt

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2008/118/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet tiegħu jkunu ssodisfatti biss meta l-kwantitajiet kollha tal-prodotti li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom, jew din ir-regola tista’ tiġi applikata, fid-dawl tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2008/118/KE, ukoll fil-każijiet fejn tkun biss parti mill-kwantitajiet ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju li ma tkunx waslet fid-destinazzjoni?

2)

L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa jintemm biss meta d-destinatarju jkun skariga totalment il-mezz tat-trasport li wasal għandu, b’mod li l-konstatazzjoni tal-kwantitajiet neqsin matul il-proċess tal-iskarigar isseħħ matul il-moviment tal-prodotti?

3)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118/KE jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kompetenza tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jirċievi t-taxxa [apparti l-esklużjonijiet irregolati fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118/KE] tiddependi biss fuq il-konstatazzjoni ta’ jekk saritx irregolarità u fuq l-impossibbiltà li jiġi stabbilit il-lok fejn din l-irregolarità saret, jew għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ġew irrilaxxati għall-konsum permezz tal-ħruġ tagħhom mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju?

4)

L-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118/KE, hemm lok li jiġi preżunt rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju li ma waslux fid-destinazzjoni tagħhom fil-każijiet kollha fejn il-prova tal-qerda totali jew tat-telf irrimedjabbli tal-kwantitajiet neqsin ikkonstatati, prevista fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118/KE, ma tkunx tista’ tiġi prodotta?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).