27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/36


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, sede ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-12 ta’ Frar 2015 – Mehrdad Ghezelbash vs Staatssecretaris van Veiligheit en Justitie

(Kawża C-63/15)

(2015/C 138/49)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, sede ’s-Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Mehrdad Ghezelbash

Konvenut: Staatssecretaris van Veiligheit en Justitie

Domandi preliminari

1)

X’inhi l-portata tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013 (1), moqri flimkien jew le mal-premessa 19 tar-Regolament?

Skont dan l-artikolu, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, huwa biss wara l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà mill-Istat Membru li saritlu t-talba li barrani għandu jiffaċċja talba biex jittieħed inkarigu u jipproduċi provi li possibbilment jippermettu li jiġi konkluż li ma huwiex l-Istat Membru li saritlu t-talba li għandu r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil iżda l-Istat Membru li għamel it-talba, li, sussegwentement, la jeżamina dawn id-dokumenti u lanqas ma jgħaddihom lill-Istat Membru li saritlu t-talba, applikant għall-ażil għandu d-dritt li jeżerċita rimedju (effettiv) kontra l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013?

2)

Jekk, fir-Regolament Nru 604/2013, bħal qabel mingħajr ħsara għar-Regolament Nru 343/2003 (2), il-barrani, bħala prinċipju, ma jistax jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli meta l-Istat Membru li saritlu t-talba jkun aċċetta talba biex jittieħed inkarigu, huwa preċiż li minn dan il-prinċipju, kif il-konvenut isostni, tista’ ssir eċċezzjoni biss fis-sitwazzjonijiet ta’ familja previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 604/2013 jew jista’ wieħed jikkunsidra fatti u ċirkustanzi partikolari oħra li jippermettu lill-barrani li jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tipprovdi li, minbarra sitwazzjonijiet ta’ familja, ċirkustanzi oħra jistgħu jippermettu wkoll lill-barrani li jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, il-fatti u ċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 12 ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jikkostitwixxu tali fatti u ċirkustanzi partikolari?


(1)  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 107, p. 5).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).