27.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 138/33 |
Appell ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2015 minn Kurt Hesse mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-27 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-173/11 – Kurt Hesse u Lutter & Partner GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-50/15 P)
(2015/C 138/45)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Kurt Hesse (rappreżentant: M. Krogmann, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Lutter & Partner GmbH, Dr. Ing. h. c. F. Porsche AG
Talbiet tal-appellant
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Novembru 2014 (Kawża T-173/11), |
— |
tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-11 ta’ Jannar 2011 (Każ R0306/2010-4) u tiċħad l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 5 7 23 432 tas-16 ta’ Frar 2007. Sussidjarjament, |
— |
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
Barra minn hekk, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja
— |
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-kawża. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu l-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin:
1. |
Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni vvizzjat tal-fatturi ta’ xebh tal-prodotti skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) L-appellant jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-Bord tal-Appell kien ġustament ikkunsidra li “t-tagħmir ta’ navigazzjoni mobbli, b’mod partikolari tagħmir ta’ navigazzjoni mobbli bis-satellita”, minn naħa, u l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni infushom, min-naħa l-oħra, huma simili. Fl-evalwazzjoni tax-xebh, hemm fatturi essenzjali li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra, fosthom il-fabbrikazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, il-mezzi ta’ distribuzzjoni u l-post tal-bejgħ, li iżda ma ttieħdux inkunsiderazzjoni. Kieku ttieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha u ngħatat l-importanza mistħoqqa lill-fatturi rilevanti kollha, il-konklużjoni kienet tkun li ma kienx hemm xebh tal-prodotti. |
2. |
Distorsjoni tal-fatti u applikazzjoni żbaljata tal-protezzjoni tar-reputazzjoni taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkontestatx il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark “Carrera” kienet magħrufa minn parti importanti tal-pubbliku. Il-Bord tal-Appell wasal għall-pożizzjoni tiegħu fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ aspetti individwali ta’ rapport espert. Sar riferiment żbaljat mill-Bord tal-Appell u mill-Qorti Ġenerali għal sejbiet ewlenin ta’ dan ir-rapport, li ġew ikkunsidrati bħala li huma “mingħajr valur” waqt li oħrajn ġew kompletament injorati. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kienet ibbażata fuq distorsjoni sinjifikattiva tal-fatti u tal-provi. |
3. |
Żball ta’ liġi fl-adozzjoni tat-“trasferiment ta’ immaġni” taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkontestatx il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li bit-trade mark “Carrera” kien hemm riskju ta’ “trasferiment ta’ immaġni”. Il-Bord tal-Appell kien tal-fehma li l-prodotti kollha koperti mit-trade mark jistgħu “jiġu installati fil-vetturi bil-mutur u użati fihom”. Minn dan tirriżulta l-“użanza soċjali”, fejn, minn naħa, l-użu tal-prodotti u, min-naħa l-oħra, il-vetturi bil-mutur “jikkoinċidu”. Is-sempliċi fatt li l-prodotti ddikjarati għandhom jiġu installati f’vetturi bil-mutur u użati fihom bħala “użanza soċjali”, b’ebda mod ma jikkostitwixxi trasferiment ta’ immaġni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali naqsu milli jimmotivaw b’mod komprensibbli d-deċiżjoni tagħhom. |
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).