23.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 96/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso -Administrativo de Madrid (Spanja) fid-19 ta’ Jannar 2015 – María Elena Pérez López vs Servicio Madrileño de Salud (Comunidad de Madrid)

(Kawża C-16/15)

(2015/C 096/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: María Elena Pérez López

Konvenut: Servicio Madrileño de Salud (Comunidad de Madrid)

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 9(3) tal-Liġi 55/2003, tas-16 ta’ Diċembru, dwar ir-regolamenti qafas tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa suġġett għal regolamenti tal-persunal imur kontra l-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (1), tat-28 ta’ Ġunju 1999, u għalhekk huwa inapplikabbli għaliex jiffavorixxi l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ ħatriet suċċessivi bħala persunal okkażjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal sa fejn:

la jiffissa t-tul massimu totali għall-ħatriet suċċessivi bħala persunal okkażjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal u lanqas numru massimu ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-ħatriet;

iħalli għad-diskrezzjoni libera tal-amministrazzjoni d-deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjonijiet strutturali, meta jkun hemm iktar minn żewġ ħatriet għall-provvista tal-istess servizzi għal perijodu kkumulat ta’ 12-il xahar jew iktar fuq perijodu ta’ sentejn;

jippermetti li jsiru ħatriet ta’ persunal okkażjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal mingħajr ma jimponi espliċitament li d-deċiżjonijiet ta’ ħatra għandhom jindikaw il-kawża konkreta u oġġettiva ta’ natura temporanja, okkażjonali jew straordinarja li tiġġustifika dawn il-ħatriet?

2)

Sa fejn l-Artikolu 11(7) tad-digriet tal-Consejería de Economía y Hacienda de la Comunidad de Madrid, tat-28 ta’ Jannar 2013, jipprevedi li “fid-data tat-tmiem tal-ħatra, f’kull każ, għandu jkun hemm tmiem tal-impjieg u l-likwidazzjoni ta’ kull salarju dovut fir-rigward tal-perijodu tas-servizzi pprovduti, anki fil-każijiet fejn sussegwentement ikun hemm ħatra ġdida tal-istess persuna”, għalhekk, irrispettivament mill-fatt ta’ jekk kienx hemm il-kawża konkreta u oġġettiva li ġġustifikat il-ħatra, kif tipprevedi l-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas, imur kontra l-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, u għaldaqstant huwa inapplikabbli?

3)

L-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tal-Liġi 55/2003, tas-16 ta’ Diċembru, dwar ir-regolamenti qafas tal-persunal tas-serviżżi tas-saħħa suġġett għal regolamenti tal-persunal, li tgħid li meta jkun hemm iktar minn żewġ ħatriet għall-provvista tal-istess servizzi għal perijodu kkumulat ta’ 12-il xahar jew iktar fuq perijodu ta’ sentejn, għandha tinħoloq pożizzjoni ta’ natura strutturali fi ħdan il-persunal taċ-ċentru, li għalhekk twassal sabiex il-ħaddiem okkażjonali jiġi maħtur bħala ħaddiem interim, hija konformi mal-għan imfittex mill-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999?

4)

Il-fatt li l-persunal temporanju okkażżjonali suġġett għal regolamenti tal-persunal jingħata l-istess remunerazzjoni bħal dik prevista għall-ħaddiema impjegati abbażi ta’ kuntratti tax-xogħol okkażjonali huwa konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni rrikonoxxut mill-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li ġie integrat bħala anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma kunsiderevolment identiċi, għaliex ma jkunx jagħmel sens li ħaddiema bl-istess kwalifika, li jipprovdu servizzi fl-istess impriża (servizzi tas-saħħa f’Madrid), li jeżerċitaw l-istess funzjoni u li jaqdu ħtieġa okkażjonali identika jiġu ttrattati b’mod differenti meta tintemm ir-relazzjoni tal-impjieg tagħhom, fl-assenza ta’ raġuniji evidenti li tipprojbixxi li jsir paragun bejn il-kuntratti għal żmien determinat sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet diskriminatorji?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Volum 3, p. 368