Kawża C‑671/15

Président de l’Autorité de la concurrence

vs

Association des producteurs vendeurs d’endives (APVE) et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Artikolu 42 TFUE – Regolament (KE) Nru°2200/96 – Regolament (KE) Nru 1182/2007 – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Prattiki antikompetittivi – Artikolu 101 TFUE – Regolament Nru 26 – Regolament (KE) Nru 1184/2006 – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Responsabbiltajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet – Prattiki ta’ ffissar ta’ prezz minimu għall-bejgħ – Prattika ta’ ftehim fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq – Prattika ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika – Suq Franċiż tal-indivji”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑14 ta’ Novembru 2017

  1. Agrikoltura–Politika agrikola komuni–Supremazija fuq l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni–Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni–Prattiki esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE

    (Artikoli 39 TFUE, 42 TFUE, 43(2) TFUE, 101(1) TFUE u 102 TFUE)

  2. Agrikoltura–Organizzazzjoni komuni tas-swieq–Frott u ħaxix–Organizzazzjonijiet ta’ produtturi–Tneħħija ta’ prattiki mir-regoli ta’ kompetizzjoni–Kundizzjoni–Natura neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni

    (Artikolu 101(1) TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 2200/96, premessa 7 u Artikolu 11(1), u Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, 125c, 176 u 176a)

  3. Agrikoltura–Organizzazzjoni komuni tas-swieq–Frott u ħaxix–Organizzazzjonijiet ta’ produtturi–Tneħħija ta’ prattiki mir-regoli ta’ kompetizzjoni–Limiti–Applikabbiltà għall-prattiki miftiehma bejn organizzazzjonijiet ta’ produtturi differenti jew implimentati minn entità mhux irrikonoxxuta minn Stat Membru–Assenza

    (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009, paragrafu 1(c) tal-Artikolu 122, u 125b(1)(c))

  4. Agrikoltura–Organizzazzjoni komuni tas-swieq–Frott u ħaxix–Organizzazzjonijiet ta’ produtturi–Tneħħija ta’ prattiki mir-regoli ta’ kompetizzjoni–Kundizzjoni–Natura neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni–Skambji ta’ informazzjoni strateġika bejn il-produtturi tal-istess organizzazzjoni ta’ produtturi jew tal-istess assoċjazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi–Ammissibbiltà–Iffissar ta’ prezz minimu għall-bejgħ fi ħdan tali organizzazzjoni jew assoċjazzjoni–Inammissibbiltà

    (Artikolu 101(1) TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 2200/96, premessa 16 u Artikolu 23, u Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009, Artikolu 103c(2)(a), 125a(1)(c) u (2), u 125b)

  5. Agrikoltura–Organizzazzjoni komuni tas-swieq–Frott u ħaxix–Organizzazzjonijiet ta’ produtturi–Tneħħija ta’ prattiki mir-regoli ta’ kompetizzjoni–Limiti–Applikabbiltà għall-prattiki ta’ ffissar kollettiv ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ, ta’ ftehim fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq u ta’ skambju ta’ informazzjoni strateġika–Kundizzjonijiet

    (Artikolu 101 TFUE, Regolamenti tal-Kunsill Nru 26, Artikolu 2, Nru 2200/96, Artikolu 11(1), Nru 1184/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 1234/2007, Artikolu 2, Nru 1182/2007, Artikolu 3(1), u Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, Artikoli 175 u 176)

  1.  L-Artikolu 42 TFUE jistipula li d-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni huma applikabbli għall-produzzjoni u għall-bejgħ ta’ prodotti agrikoli biss sa fejn jista’ jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tad-dispożizzjonijiet u skont il-proċedura previsti fl-Artikolu 43(2) TFUE, u meħud kont xieraq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 43(2) TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

    Għaldaqstant, fit-tfittxija tal-għanijiet li huma t-twaqqif ta’ politika agrikola komuni kif ukoll l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, l-Artikolu 42 TFUE jirrikonoxxi s-supremazija tal-politika agrikola komuni fil-konfront tal-għanijiet tat-trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni u s-setgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddeċiedi sa fejn ir-regoli ta’ kompetizzjoni huma applikabbli fis-settur agrikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 61, u tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑456/00, EU:C:2002:753, punt 33). Minn dan isegwi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-interventi tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward għandhom l-għan mhux li jistabbilixxu derogi jew ġustifikazzjonijiet għall-projbizzjoni tal-prattiki msemmija fl-Artikolu 101(1) u fl-Artikolu 102 TFUE, iżda li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet prattiki li, li kieku seħħew f’settur differenti minn dak tal-politika agrikola komuni, kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    (ara l-punti 36 sa 38)

  2.  Għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007, li ssostitwixxa l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96, u tal-Artikolu 125c tar-Regolament Nru 1234/2007, OP jew AOP fis-settur tal-frott u tal-ħaxix hija responsabbli li tiżgura li l-produzzjoni tkun ippjanata u aġġustata skont it-talba, b’mod partikolari f’termini ta’ kwantità u ta’ kwalità, li tikkonċentra l-provvista u tqiegħed fis-suq il-prodotti tal-membri tagħha kif ukoll li tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u li tistabbilizza l-prezzijiet tal-produzzjoni. Issa, OP jew AOP tista’, sabiex tilħaq l-għanijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, ikollha bżonn tirrikorri għal miżuri differenti minn dawk li jirregolaw funzjonament normali tas-swieq u, b’mod partikolari, għal ċerti forom ta’ koordinazzjoni u ta’ ftehim bejn produtturi agrikoli.

    Għaldaqstant, sakemm l-OP u l-AOP ma jiġux imċaħħda mill-miżuri li jippermettulhom jilħqu l-għanijiet li huma fdati lilhom fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq li jieħdu sehem fiha ‑ u li, bħalma huwa mfakkar fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 2200/96, huma jirrappreżentaw l-element bażiku ‑ u, għaldaqstant, ma jiġix ippreġudikat l-effett utli tar-regolamenti li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, il-prattiki ta’ dawn l-entitajiet neċessarji sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet, għandhom joħorgu ’l barra, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE. Minn dan isegwi li, f’dan is-settur, is-sitwazzjonijiet ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 101(1) TFUE ma humiex limitati unikament għall-prattiki msemmija fl-Artikoli 176 u 176a tar-Regolament Nru 1234/2007, iżda jkopru wkoll il-prattiki msemmija fil-punt preċedenti.

    (ara l-punti 42 sa 45)

  3.  Minn dan isegwi li l-inapplikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ġġustifikata mill-fatt li l-prattika kkonċernata hija neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat tassumi li din il-prattika tiġi implimentata minn entità li hija effettivament awtorizzata sabiex tagħmel dan, f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni ta’ dan is-suq, u, għaldaqstant, kienet is-suġġett ta’ rikonoxximent minn Stat Membru. Prattika adottata fi ħdan entità mhux irrikonoxxuta minn Stat Membru sabiex jintlaħaq wieħed minn dawn l-għanijiet ma tistax toħroġ ’il barra mill-projbizzjoni tal-prattiki msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE.

    Fir-rigward tal-prattiki implimentati minn OP jew minn AOP, għandu jiġi rrilevat li tali prattiki għandhom jibqgħu interni għal OP waħda jew AOP waħda. Fil-fatt, konformement, b’mod partikolari, mal-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 u mal-Artikolu 125b(1)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007, ir-responsabbiltajiet tal-ippjanar tal-produzzjoni, tal-konċentrazzjoni tal-provvista u tat-tqegħid fis-suq, li l-ispejjeż tal-produzzjoni jitnaqqsu u l-prezzijiet tal-produtturi jiġu stabbiliti, li r-responsabbiltà tagħhom tista’ tiġi fdata lil OP jew lil AOP skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, jistgħu jirrigwardaw biss il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tal-OP jew tal-AOP ikkonċernata biss. Għaldaqstant, dawn jistgħu jiġġustifikaw ċerti forom ta’ koordinazzjoni jew ta’ ftehim biss bejn produtturi membri tal-istess OP jew tal-istess AOP irrikonoxxuta minn Stat Membru. Minn dan isegwi li ftehimiet jew prattiki miftiehma li jsir qbil fuqhom mhux fi ħdan OP jew AOP, iżda bejn OP jew bejn AOP, jeċċedu dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn ir-responsabbiltajiet.

    (ara l-punti 53, 54, 56 sa 58)

  4.  Fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fil-punti 42 u 61 ta’ din is-sentenza, hemm lok jiġi rrilevat li l-għan li jiġi żgurat l-ippjanar tal-produzzjoni, u l-aġġustament tagħha skont it-talba kif ukoll dak li l-provvista tiġi kkonċentrata u li l-produzzjoni tal-membri titqiegħed fis-suq, kif ukoll dak li l-prezzijiet tal-produtturi jiġu stabbiliti, neċessarjament jinvolvu skambji ta’ informazzjoni strateġika bejn il-produtturi individwali membri tal-OP jew tal-AOP ikkonċernata, intiżi, b’mod partikolari, sabiex isiru jafu l-karatteristiċi tal-produzzjoni tagħhom. Għaldaqstant, skambji ta’ informazzjoni strateġika bejn produtturi tal-istess OP jew tal-istess AOP jistgħu jkunu proporzjonali jekk dawn iseħħu effettivament għall-finijiet tal-għan jew tal-għanijiet mogħtija lil din l-OP jew lil din l-AOP u jkunu limitati biss għall-informazzjoni strettament neċessarja għal dawn il-fini. L-għan tal-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produtturi, sabiex jiġi żgurat livell ta’ għejxien xieraq għall-komunità agrikola, jista’ wkoll jiġġustifika koordinazzjoni bejn produtturi agrikoli tal-istess OP jew tal-istess AOP dwar il-volumi ta’ prodotti agrikoli mqiegħda fis-suq hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 2200/96 kif ukoll mill-arranġamenti ta’ intervent li l-prinċipju ta’ funzjonament tagħhom ġie stabbilit fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament u li ġie mibdul mill-Artikolu 103c(2)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007.

    Barra minn hekk, l-għan li l-provvista tkun ikkonċentrata, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi quddiem talba dejjem iktar ikkonċentrata, jista’ wkoll jiġġustifika ċerta forma ta’ koordinazzjoni tal-politika tariffarja tal-produtturi agrikoli individwali fi ħdan OP jew AOP. Dan japplika wkoll meta l-OP jew l-AOP ikkonċernata tingħata, mill-membri tagħha, ir-responsabbiltà li tikkummerċjalizza l-produzzjoni tagħhom kollha, bħalma jeżiġi, ħlief f’każijiet partikolari, l-Artikolu 125a(1)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 125c ta’ dan ir-regolament.

    Barra minn hekk, l-iffissar kollettiv ta’ prezz minimu ta’ bejgħ fi ħdan OP jew AOP ma jistax jitqies, skont prattiki neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti r-responsabbiltajiet mogħtija lilhom fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, li huwa proporzjonali mal-għanijiet ta’ stabbiliment tal-prezzijiet jew ta’ konċentrazzjoni tal-provvista meta dan ma jippermettix lill-produtturi li jiċċirkulaw huma stess il-produzzjoni tagħhom fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 125a(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 li jitolbu prezz inqas minn dawn il-prezzijiet minimi, peress li dan għandu l-effett li jdgħajjef il-livell diġà baxx ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-swieq ta’ prodotti agrikoli minħabba, b’mod partikolari, tal-possibbiltà mogħtija lill-produtturi li jiggruppaw lilhom infushom f’OP jew f’AOP sabiex jikkonċentraw l-offerta tagħhom.

    (ara l-punti 63 sa 66)

  5.  L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26 tal‑4 ta’ April 1962 li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat‑28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex, l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal‑24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat‑22 ta’ Ottubru 2007, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007 tas‑26 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, u l-Artikoli 175 u 176 tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal‑25 ta’ Mejju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    prattiki li jirrigwardaw l-iffissar kollettiv ta’ prezz minimu ta’ bejgħ, ftehim dwar il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew skambji ta’ informazzjoni strateġika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux joħorġu ’l barra mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta jsir qbil fuqhom bejn organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi differenti, kif ukoll ma’ entitajiet mhux irrikonoxxuti minn Stat Membru għall-finijiet li jintlaħaq għan iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, bħal organizzazzjonijiet professjonali li ma għandhomx l-istatus ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u

    prattiki li jirrigwardaw ftehim dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew skambji ta’ informazzjoni strateġika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu joħorġu ’l barra mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta jsir qbil fuqhom bejn membri tal-istess organizzazzjoni ta’ produtturi jew tal-istess assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta minn Stat Membru u li huma strettament neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet mogħtija lill-organizzazzjoni ta’ produtturi jew lill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi kkonċernata konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    (ara l-punt 67 u d-dispożittiv)