Kawża C‑667/15

Loterie Nationale – Nationale Loterij NV van publiek recht

vs

Paul Adriaensen et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Prattika kummerċjali qarrieqa – Skema promozzjonali piramidali – Kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda u kumpens riċevut mill-membri eżistenti – Rabta finanzjarja indiretta”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal‑15 ta’ Diċembru 2016

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29 – Prattika kummerċjali qarrieqa – Kunċett – Skema promozzjonali piramidali – Inklużjoni – Ħtieġa ta’ rabta finanzjarja diretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda u l-kumpens riċevut mill-membri eżistenti – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Anness I, punt 14)

Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “skema promozzjonali piramidali” anki fil-każ li tkun teżisti biss rabta indiretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn membri ġodda għal tali skema u l-kumpens li jirċievu l-membri eżistenti.

Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott mill-formulazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 li r-rabta finanzjarja meħtieġa għandha neċessarjament tkun diretta. Dak li huwa rilevanti huwa l-klassifikazzjoni ta’ “primarji” jew ta’ “prinċipali” tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn parteċipanti ġodda f’tali skema. Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja ta’ din id-dispożizzjoni tista’ timmina l-effett utli tagħha għaliex il-ħtieġa ta’ rabta diretta tippermetti li tiġi evitata faċilment il-projbizzjoni assoluta tal-iskemi promozzjonali piramidali.

Fi kwalunkwe każ, skema tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 meta jkollha l-għan li tiġġenera profitt għall-iskema nfisha, jiġifieri għall-promoturi ta’ din l-iskema u mhux għall-plejers biss. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkonferma dan.

(ara l-punti 30, 31, 33, 34 u d-dispożittiv)