Kawża C‑661/15

X BV

vs

Staatsecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 29 – Importazzjoni ta’ vetturi – Determinazzjoni tal-valur għal finijiet doganali – Artikolu 78 – Reviżjoni tad-dikjarazzjoni – Artikolu 236(2) – Rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Terminu ta’ tliet snin – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 145(2) u (3) – Riskju ta’ difett – Terminu ta’ tnax-il xahar – Validità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2017

  1. Unjoni doganali–Tariffa doganali komuni–Valur għal skopijiet doganali–Valur ta’ tranżazzjoni–Determinazzjoni–Merkanzija b’ difetti rrivelati wara tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera–Teħid inkunsiderazzjoni tar-rimborsi ulterjuri li jkunu saru mill-bejjiegħ b’applikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija–Kunċett ta’ merkanzija difettuża–Interpretazzjoni–Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u tas-sens normali tal-kliem

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 29(1) u (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2002, Artikolu 145(2))

  2. Unjoni doganali–Tariffa doganali komuni–Valur għal skopijiet doganali–Valur ta’ tranżazzjoni–Determinazzjoni–Merkanzija b’ difetti rrivelati wara tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera–Teħid inkunsiderazzjoni tar-rimborsi ulterjuri li jkunu saru mill-bejjiegħ b’applikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija–Kunċett ta’ merkanzija difettuża–Merkanzija li għandha riskju, marbut mal-fabbrikazzjoni, ta’ difett mal-użu–Inklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 29(1) u (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2002, Artikolu 145(2))

  3. Unjoni doganali–Tariffa doganali komuni–Valur għal skopijiet doganali–Valur ta’ tranżazzjoni–Determinazzjoni–Determinazzjoni–Merkanzija b’difetti rrivelati wara tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera–Teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti tal-prezz tal-merkanzija–Kundizzjoni–Modifika li seħħet f’terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx tal-merkanzija għal ċirkolazzjoni libera–Inkompatibbiltà mal-Kodiċi Doganali tal-Komunità–Invalidità tal-Artikolu 145(3) tar-Regolament Nru 2454/93

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 29, 78 u 236(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2002, Artikolu 145(3))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 25-27)

  2.  L-Artikolu 145(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2002, tal-11 ta’ Marzu 2002, moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u (3) mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa stabbilit li fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għal dħul f’ċirkulazzjoni libera għal merkanzija, speċifiku, jeżisti riskju, marbut mal-fabbrikazzjoni, li ssir difettuża bl-użu, u fejn il-bejjiegħ jagħti għal dan il-għan, b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija fir-rigward tax-xerrej, tnaqqis tal-prezz fil-forma tar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mix-xerrej fl-adattament tal-merkanzija sabiex dan ir-riskju jiġi eskluż.

    (ara l-punt 40 u d-dispożittiv 1)

  3.  L-Artikolu 145(3) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2002, billi jipprevedi terminu ta’ tnax-il xahar mill-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni tal-merkanzija, li fih l-aġġustament tal-prezz effettivament imħallas kellu jseħħ huwa invalidu.

    Fil-fatt, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi r-regola ġenerali skont liema l-valur doganali tal-merkanzija importata għandha tikkorrispondi għall-valur ta’ tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz effettivament mħallas għandu jitħallas għall-merkanzija, u li din ir-regola ġenerali kienet iċċarata fl-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

    Mis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland (C-256/07, EU:C:2009:167, punt 36), jirriżulta li l-Artikolu 145(2) u (3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, kif imressaq mir-Regolament Nru 444/2002, ma japplikax għal sitwazzjonijiet li nħolqu preċedentement għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar regolament minħabba li din id-dispożizzjoni kienet tpoġġi f’dubju ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għalhekk kien japplika meta l-awtoritajiet doganali kompetenti kienu japplikaw it-terminu ġenerali ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali fil-każ ta’ aġġustament, wara l-importazzjoni tagħha, tal-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija minħabba n-natura difettuża tagħha, bil-għan tad-determinazzjoni tal-valur doganali.

    Madankollu, l-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprevedi li l-aġġustament tal-prezz konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jista jittieħed inkunsiderazzjoni, bil-għan tad-determinazzjoni tal-valur doganali, biss jekk ikun seħħ f’perijodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera. Konsegwentement, jekk tali aġġustament tal-prezz isir wara t-terminu ta’ tnax-il xahar previst mill-imsemmi Artikolu 145(3) il-valur doganali tal-merkanzija importata mhux se jkun jikkorrispondi mal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata fis-sens tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u ma jistax jiġi aġġustat iktar.

    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jippermetti lill-awtoritajiet doganali li jipproċedu għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali fuq talba tad-dikjarant imressqa wara li tkun ġiet irrilaxxata l-merkanzija u, jekk ikun il-każ, tirrimborsa l-ammont żejjed riċevut meta d-dazji tal-importazzjoni mħallsa mid-dikjarant jeċċedu dawk li jkunu legalment dovuti fil-mument tal-ħlas tagħhom. Dan ir-rimbors jista’ jitwettaq b’applikazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni jiġu osservati, jiġifieri, b’mod partikolari l-osservanza tat-terminu, bħala prinċipju ta’ tliet snin, previst għat-tressiq tat-talba ta’ rimbors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C-468/03, EU:C:2005:624, punti 5354).

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, iddeċidiet li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali huwa applikabbli għall-aġġustamenti li jistgħu jsiru lill-elementi kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-valur doganali u b’konsegwenza għad-dazji fuq l-importazzjoni. Konsegwentement, aġġustament tal-valur doganali li jirriżulta min-natura “difettuża” tal-merkanzija importata fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jista’ jiġi rikonoxxut permezz ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali skont l-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi Doganali.

    Minn dan isegwi, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, li fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 78 u l-Artikolu 236(2) ta’ dan il-kodiċi, id-debitur ikun jista’ jikseb ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni, b’mod proporzjonali għall-aġġustament tal-valur doganali li jkun seħħ fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin mill-komunikazzjoni ta’ dawn id-dazji lid-debitur.

    Madankollu, l-Artikolu 145(3) ta’ dan ir-regolament jirrestrinġi din il-possibbiltà għal terminu ta’ tnax-il xahar li matulu l-aġġustament tal-valur doganali li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 145(2) tal-imsemmi regolament ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-aġġustament tal-prezz iseħħ f’dan it-terminu ta’ tnax-il xahar.

    Konsegwentement, l-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jmur kontra l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 78 u tal-Artikolu 236(2) ta’ dan il-kodiċi.

    (Ara l-punti 57-59, 61-66, u d-dispożittiv 2)