SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – L-Artikolu 107(1) TFUE. – Servizz pubbliku ta’ xandir – Miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar Daniż TV2/Danmark – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Sentenza Altmark”
Fil-Kawża C-657/15 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-7 ta’ Diċembru 2015,
Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f’West Drayton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Honoré u S. Kalsmose-Hjelmborg, avukati,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
TV2/Danmark A/S, stabbilita fi Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn O. Koktvedgaard, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u T. Maxian Rusche kif ukoll minn L. Grønfeldt, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (T-674/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:684), li biha din, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C-2/03) għal TV2/Danmark (ĠU 2011, L 340, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), inkwantu l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat li d-dħul mir-reklamar għas-sena 1995 u għas-sena 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ TV2/Danmark A/S intiż għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
TV2 A/S hija kumpannija tax-xandir Daniża li ġiet stabbilita fl-1986. Hija ġiet stabbilita inizjalment fil-forma ta’ impriża statali awtonoma, hija ġiet ttrasformata, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali fl-1 ta’ Jannar 2003, f’kumpannija b’responsabbiltà limitata. TV2/Danmark huwa t-tieni l-ikbar stazzjon televiżiv pubbliku fid-Danimarka, billi l-ewwel wieħed huwa Danmarks Radio. |
|
3 |
Il-missjoni ta’ TV2/Danmark hija li jipprovdi u jiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tista’ ssir permezz ta’ apparat tar-radju, sistemi tas-satellita jew tal-kejbil. L-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq TV2/Danmark huma stabbiliti mill-Ministeru tal-Kultura. |
|
4 |
Barra x-xandara pubbliċi, fis-suq Daniż kollu tat-televiżjoni joperaw xandara kummerċjali. Dawn huma b’mod partikolari, minn naħa, il-kumpannija Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) u, min-naħa l-oħra, tal-grupp magħmul mill-kumpanniji SBS TV A/S u SBS Danish Television Ltd (iktar ’il quddiem “SBS”). |
|
5 |
TV2/Danmark oriġinarjament ġiet ikkostitwita bl-għajnuna ta’ self mill-Istat b’interess u l-attività tagħha kellha, bħal dik ta’ Danmarks Radio, tiġi ffinanzjata bl-għajnuna tal-qligħ tad-drittijiet tal-liċenzji mħallsa mit-telespettaturi Daniżi. Il-leġiżlatur Daniż kien, madankollu, iddeċieda li, kuntrarjament għal Danmarks Radio, TV2/Danmark ikollha wkoll l-opportunità li tibbenefika, b’mod partikolari, mill-qligħ tal-attività ta’ reklamar. |
|
6 |
Wara lment ippreżentat, fil-5 ta’ April 2000, mill-kumpannija SBS Broadcasting SA/Tv Danmark, is-sistema ta’ finanzjament ta’ TV2/Danmark kienet suġġetta għal eżami mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2006/217/KE tagħha, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur TV2/Danmark (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika fil-ĠU 2006, L 368, p. 112, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni TV2 I”). Din id-deċiżjoni kienet tkopri l-perijodu mill-1995 sal-2002 u kienet tirrigwarda l-miżuri segwenti: ir-riżorsi bbażati fuq id-dħul mil-liċenzji, it-trasferiment ta’ fondi responsabbli għall-finanzjament ta’ TV2/Danmark (Fond TV2 u Radiofonden), somom mogħtija ad hoc, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi u mir-rimbors tal-kapital tas-self mogħti lil TV2/Danmark waqt il-kostituzzjoni tagħha, il-garanzija tal-Istat għas-self operattiv kif ukoll il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ ħlas tad-dritt għal-liċenzji dovuta minn TV2/Danmark għall-użu tal-frekwenza ta’ trażmissjoni nazzjonali (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri kkonċernati”). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ffokat ukoll fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija lil TV2/Danmark sabiex ixxandar fuq frekwenzi lokali fin-netwerk u fuq l-obbligu tas-sidien kollha ta’ antenni komunali li jxandru l-programmi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 fuq il-faċilitajiet tagħhom. |
|
7 |
Fit-tmiem tal-eżami tal-miżuri kkonċernati, il-Kummissjoni qieset li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba al-iskema ta’ finanzjament ta’ TV2/Danmark, li kienet intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża tal-provvisti tagħha ta’ servizz pubbliku, ma kinitx tissodisfa t-tieni u r-raba’ kundizzjoni stabbiliti minn il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415, iktar ’il quddiem fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-“kundizzjonijiet Altmark”). |
|
8 |
Il-Kummissjoni barra minn hekk iddeċidiet li l-għajnuna msemmija iktar ’il fuq, mogħtija bejn l-1995 u l-2002 mir-Renju tad-Danimarka lil TV2, kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 106(2) TFUE bl-eċċezzjoni ta’ ammont ta’ DKK (kroner Daniżi) 628.2 miljun (madwar EUR 84.45 miljun) li hija tikklassifika bħala “kumpens żejjed”. Hija b’hekk ordnat lir-Renju tad-Danimarka l-irkupru ta’ dan l-ammont bl-interessi mingħand TV2/Danmark. |
|
9 |
Id-Deċiżjoni TV2 I kien is-suġġett ta’ erba’ rikorsi għal annullament ippreżentati, minn naħa, minn TV2/Danmark (Kawża T-309/04) u mir-Renju tad-Danimarka (Kawża T-317/04) u, min-naħa l-oħra, mill-kompetituri ta’ TV2/Danmark, Viasat (Kawża T-329/04) u SBS (Kawża T-336/04). |
|
10 |
Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, EU:T:2008:457), il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li l-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lil TV2/Danmark kienet tissodisfa d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir. Madankollu, hija kkonstatat ukoll l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni TV2 I. |
|
11 |
B’hekk, l-ewwel nett, meta eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ntiżi mid-deċiżjoni TV2 I kinux jinvolvu riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li għall-finijiet tal-klassifikazzjoni jew le bħala riżorsi tal-istat, il-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, tad-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 sa 1996. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami, mill-Kummissjoni, tad-domanda dwar jekk it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kinux issodisfatti ma kinitx ibbażata fuq analiżi serja, tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2/Danmark. Konsegwentement, id-deċiżjoni TV2 I kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 106(2) TFUE, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienu, huma wkoll, ivvizzjati bi żball ta’ motivazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa spjegat mill-assenza ta’ eżami serju tal-kundizzjonijiet konkreti, ġuridiċi u ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2/Danmark matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
|
12 |
Insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni TV2 I, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-miżuri kkonċernati. F’din l-okkażjoni, hija kkonsultat lir-Renju tad-Danimarka u lil TV2/Danmark u, barra minn hekk, irċeviet ukoll osservazzjonijiet minn terzi. |
|
13 |
Fit-tmiem tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
|
14 |
Dik id-deċiżjoni tikkonċerna l-miżuri meħuda fir-rigward ta’ TV2/Danmark bejn l-1995 u l-2002. Madankollu, waqt l-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset ukoll il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda matul l-2004 wara d-deċiżjoni TV2 I. |
|
15 |
Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-ewwel nett, hija qieset li d-dħul tar-reklamar għas-snin 1995 u 1996 kien jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat u, it-tieni nett, meta vverifikat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, ikkonkludiet li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark. Madankollu, filwaqt li fid-deċiżjoni TV2 I il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li s-somma ta’ DKK 628.2 miljun (madwar EUR 85 miljun) kienet tikkostitwixxi kumpens żejjed inkompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li din is-somma kienet riżerva ta’ fondi xierqa għal TV2/Danmark. Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, hija għaldaqstant iddikjarat kif ġej: “Artikolu 1 Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur TV2/Danmark bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [tat-TFUE]”. |
Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
16 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2011, TV2/Danmark ippreżentat dan ir-rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
17 |
Prinċipalment, TV2/Danmark talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontestata, sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-miżuri kkonċernati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
18 |
Sussidjarjament, TV2/Danmark tannulla d-deċiżjoni kontestata, sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li:
|
|
19 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-intervent tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. |
It-talbiet tal-partijiet
|
20 |
Permezz tal-appell tagħha, Viasat titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
21 |
TV2/Danmark titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
22 |
Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell. |
Fuq l-appell
|
23 |
Insostenn tal-appell tagħha, Viasat tinvoka żewġ aggravji. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
24 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Viasat issostni li, billi ddeċidiet li d-dħul mir-riklamar tas-snin 1995 u 1996, imħallas lil TV2/Danmark permezz ta’ TV2 Reklame u tal-Fond TV2, ma kienx jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikklassifika, fid-deċiżjoni kontenzjuża, bħala għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt. |
|
25 |
Viasat issostni li dak id-dħul kien taħt il-kontroll u għad-dispożizzjoni tal-Istat Daniż, peress li, qabel ma ġew imħallsa lil TV2/Danmark, huwa kien miżmum minn żewġ impriżi pubbliċi kkontrollati minn dan l-Istat, jiġifieri TV2 Reklame u l-Fond TV2. Konsegwentement hija tqis li konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni neċessarja iżda suffiċjenti għall-imsemmi dħul sabiex ikun jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ġiet sodisfatta, u dan indipendentement mill-oriġini ta’ dan id-dħul. |
|
26 |
Issa Viasat tirrileva li, f’dan il-każ, TV2 Reklame hija kompletament proprjetà ta’ u kkontrollata mill-Istat Daniż u li d-deċiżjonijiet ta’ dik l-impriża huma attribwibbli lil dan l-Istat, peress li huwa l-Ministru tal-Kultura li, bi ftehim tal-kumitat tal-finanzi tal-parlament Daniż, iddeċieda dwar l-allokazzjoni tal-profitti ta’ TV2 Reklame. |
|
27 |
Skont Viasat, it-trasferiment tar-riżorsi kkonċernati permezz tal-Fond TV2 bl-ebda mod ma jaffettwa n-natura tagħhom bħala riżorsi tal-Istat peress li l-Fond TV2 huwa wkoll impriża pubblika kkontrollata mill-Istat Daniż. |
|
28 |
Viasat tqis li, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, il-każ preżenti huwa differenti ħafna minn dawk li wasslu għas-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, EU:C:2001:160) u tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C-222/07, EU:C:2009:124), li kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom ir-riżorsi inkwistjoni qatt ma kienu ħallew l-isfera privata. |
|
29 |
Bl-istess mod ta’ Viasat, il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi ddeċidiet li d-dħul ittrasferit minn TV2 Reklame lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 ma jikkostitwixxix riżorsa tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, wettqet analiżi u applikazzjoni żbaljati tat-tieni kundizzjoni Altmark, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. |
|
30 |
TV2/Danmark u r-Renju tad-Danimarka jikkontestaw dan l-argument. |
|
31 |
Essenzjalment, huma jsostnu li d-dħul mir-reklamar inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat, u lanqas, bħala konsegwenza, għajnuna mill-Istat, minħabba li ma kienx ġej mill-Istat Daniż iżda mill-attività ta’ TV2/Danmark, u li l-fatt li TV2 Reklame u l-Fond TV2 kienu entitajiet pubbliċi li huma proprjetà ta’ u kkontrollati mill-Istat Daniż kien irrilevanti f’dan ir-rigward. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
32 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teżiġi li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
L-imsemmija dispożizzjoni ssemmi erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkollu l-potenzjal li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent irid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 75; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 64, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 15). |
|
34 |
F’dan il-każ, l-ewwel waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet hija kontenzjuża. |
|
35 |
Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni li l-benefiċċju jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li miżuri li ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, EU:C:2002:294, punt 36, tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C-677/11, EU:C:2013:348, punt 34, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 19). |
|
36 |
Għalhekk, il-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija intiża li jinkludi, barra l-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat sabiex tiġi ġestita l-għajnuna (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160, punt 58; tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C-677/11, EU:C:2013:348, punt 26, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 20). |
|
37 |
Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli daw l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 23). |
|
38 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Għaldaqstant, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma jkunux jinsabu b’mod permanenti fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 37; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 70; tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C-677/11, EU:C:2013:348, punt 35, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 21). |
|
39 |
Minn dan isegwi li, meta r-riżorsi ta’ impriżi pubbliċi jaqgħu taħt il-kontroll tal-Istat u għalhekk huma għad-dispożizzjoni tal-Istat, dawn ir-riżorsi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, l-Istat huwa perfettament kapaċi, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq dawn l-impriżi, li jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħhom sabiex, meta jkun hemm l-okkażjoni, jiffinanzjaw vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 38). |
|
40 |
Il-fatt li r-riżorsi kkonċernati huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika jew li huma ta’ oriġini privata ma għandux impatt f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 35, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, EU:C:2003:252, punt 33). |
|
41 |
Kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 176 tas-sentenza appellata, matul is-sena 1995 u s-sena 1996 l-ispazji tar-reklamar ta’ TV2/Danmark ma kinux ikkummerċjalizzati minn TV2/Danmark innifisha, iżda minn kumpannija terza, TV2 Reklame, u d-dħul minn dik il-kummerċjalizzazzjoni ġie ttrasferit lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, bħal TV2/Danmark, TV2 Reklame u l-Fond TV2 kienu impriżi pubbliċi tal-Istat Daniż, u li ġew fdati bil-ġestjoni tat-trasferiment, lejn TV2/Danmark, tad-dħul mit-tqegħid fis-suq ta’ dan l-ispazji ta’ reklamar. |
|
43 |
Għalhekk, il-kanal kollu użat minn dan id-dħul sakemm ġie ttrasferiti lil TV2/Danmark kien irregolat mil-leġiżlazzjoni Daniża, li skontha l-impriżi pubbliċi speċjalment imqabbda mill-Istat kienu responsabbli għall-ġestjoni ta’ tali dħul. |
|
44 |
Id-dħul inkwistjoni kien, minħabba dan il-fatt, taħt kontroll pubbliku u għad-dispożizzjoni tal-Istat, li seta’ jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tagħhom. |
|
45 |
Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-paragrafi 35 sa 40 ta’ din is-sentenza, id-dħul inkwistjoni jikkostitwixxi “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
46 |
Minn dan jirriżulta li, peress li ddeċidiet, fil-punt 220 tas-sentenza appellata, li d-dħul għas-snin 1995 u 1996 li kien ġej mill-kummerċjalizzazzjoni, minn TV2 Reklame tal-ispazji ta’ reklamar ta’ TV2/Danmark u ttrasferit lil TV2/Danmark minn TV2 Reklame permezz tal-Fond TV2, ma kienx jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat u li, konsegwentement, il-Kummissjoni b’mod żbaljat iddeskriviethom bħala “għajnuna mill-Istat”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
47 |
Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza u kuntrarjament għall-punt 211 tas-sentenza appellata, il-fatt li dan id-dħul li kien ġej minn reklamar kien ta’ oriġini privata huwa bla effett, f’dan ir-rigward u irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk kienx ikkontrollat mill-awtoritajiet Daniżi. |
|
48 |
Barra minn hekk, fil-punti 208 u 212 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li riżorsi ġestiti minn impriżi pubbliċi jistgħu, meta jkunu ġejjin minn terzi, jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat biss meta volontarjament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istat mill-proprjetarji tagħhom jew meta abbandunati minnhom u li l-Istat kien assuma l-ġestjoni tagħhom. |
|
49 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti Ġenerali, tali kunsiderazzjoni ma għandhiex bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
50 |
L-istess japplika fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet, li jissemmew fil-punti 214, 215 u 217 tas-sentenza appellata, skont liema hija biss dik il-parti ta’ dak id-dħul li, b’deċiżjoni tal-Ministru tal-Kultura, ma ġiex ittrasferit lil TV2/Danmark kien probabbilment jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat u li l-assenza ta’ obbligu tat-trasferiment tad-dħul ta’ kull sena mill-Fond TV2 lil TV2/Danmark ma setax iwassal għal evalwazzjoni differenti. |
|
51 |
Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku fuq id-dħul mir-reklamar inkwistjoni rriżulta mill-fatt li kienu ġestiti minn impriżi pubbliċi li huma proprjetà tal-Istat Daniż. Barra minn hekk, huwa stabbilit li skont il-leġiżlazzjoni Daniża, il-Ministru tal-Kultura kellu l-possibbiltà li jiddeċiedi li dan id-dħul jintuża għal fini ieħor għajr trasferiment għall-Fond TV2. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex komparabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001 (PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu fuq impriżi privati ta’ provvista ta’ elettriku, li jixtru, bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu ma jwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160, punt 59; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 74, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 34). |
|
53 |
Fil-fatt, din il-kawża tal-aħħar, tirrigwarda impriżi privati li ma ġewx imqabbda mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 74; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 35, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás, C-275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314, punt 32). |
|
54 |
Barra minn hekk, fl-imsemmija kawża, il-fondi inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala riżorsa tal-Istat peress li fl-ebda mument ma kienu taħt il-kontroll pubbliku (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 36, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás, C-275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314, punt 32). |
|
55 |
Issa, kif diġà ġie rrilevat, din il-kawża tikkonċerna impriżi pubbliċi, f’dan il-każ TV2 Reklame u Fond TV2, stabbiliti, miżmuma u mqabbda mill-Istat Daniż biex jiġġestixxu d-dħul mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ reklamar ta’ impriża pubblika oħra, jiġifieri TV2/Danmark, b’tali mod li dan id-dħul kien taħt kontroll u għad-dispożizzjoni tal-Istat Daniż. |
|
56 |
Konsegwentement, peress li ġie deċiż, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kienet analoga għal dik fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001 (PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jintlaqa’ l-unika aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha u li tiġi annullata s-sentenza appellata, sa fejn annullat id-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li d-dħul mir-reklamar ta s-snin 1995 u l-1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz ta’ Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
58 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Viasat takkuża lill-Qorti Ġenerali, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tat-tieni kundizzjoni Altmark. |
|
59 |
Barra minn hekk, skont Viasat, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward mhux fuq il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha, iżda fuq l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dik id-deċiżjoni fil-mori tal-kawża. Meta għamlet dan, hija qabżet il-limiti tal-kontroll tagħha. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, Viasat issostni li, b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 97, 99 u 104 sa 106 tas-sentenza appellata, il-premessi rilevanti tal-imsemmija deċiżjoni bl-ebda mod ma jindikaw li t-tieni kundizzjoni Altmark “jinkludu l-kunċett ta’ effettività tal-benefiċjarju tal-kumpens”. |
|
61 |
Viasat tikkunsidra li din il-kundizzjoni, li timponi li l-parametri li fuqhom jiġi kkalkolat il-kumpens jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, huwa intiż li jevita kull abbuż mill-kunċett ta’ “servizz pubbliku”. |
|
62 |
Il-Kummissjoni tikkondividi l-argument ta’ Viasat. Hija tfakkar li, fil-kuntest tal-Kawża C-649/15 P, li wasslet għas-sentenza TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, deċiża f’dan il-jum, dwar l-appella ppreżentat minn TV2/Danmark mis-sentenza appellata, hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-motivi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tieni kundizzjoni Altmark ġiet sodisfatta fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat favur TV2/Danmark. |
|
63 |
TV2/Danmark u r-Renju tad-Danimarka jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju, minħabba l-fatt li Viasat ma għandhiex interess li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ l-motivi tas-sentenza appellata dwar din it-tieni kundizzjoni, peress li d-dispożittiv ta’ din is-sentenza huwa favorevoli għal Viasat u ma jinkludi l-ebda element relatat ma’ din il-kundizzjoni. |
|
64 |
Dwar il-mertu, TV2/Danmark issostni li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar il-portata tat-tieni kundizzjoni Altmark kemm fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq l-interpretazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura kontenzjuża. |
|
65 |
Fi kwalunkwe każ, TV2/Danmark tqis li, f’dan il-każ, il-parametri tal-kalkolu tal-kumpens kienu stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
66 |
Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[t]-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni”. |
|
67 |
Madankollu, f’dan il-każ, it-talbiet tal-appell li jirrigwardaw it-tieni aggravju ta’ Viasat ma humiex intiżi li jikkontestaw l-annullament fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata tad-Deċiżjoni tal-2011/839, lanqas li jikkontestaw iċ-ċaħda, fil-punt 2 ta’ din is-sentenza, tal-kumplament tal-imsemmi rikors, iżda jikkonċernaw il-motivi tas-sentenza appellata dwar l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tat-tieni kundizzjoni Altmark, li ma jikkostitwixxux element tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. |
|
68 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Viasat stess tirrikonoxxi li t-tieni aggravju tagħha jirrigwarda parti mis-sentenza appellata li, meħuda waħedha, ma għandha ebda effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza. |
|
69 |
Minn dan jirriżulta li t-tieni aggravju mqajjem minn Viasat insostenn tal-appell tagħha huwa inammissibbli. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
70 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ wkoll jew hija stess tiddeċiedi definittivament it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
71 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li hija tiddeċiedi definittivament fuq ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentat minn TV2/Danmark. |
|
72 |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 35 sa 56 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ aggravju mqajjem minn TV2/Danmark, invokat insostenn tat-tielet kap ta’ talbiet imressqa sussidjarjament għandu jiġi miċħud. |
|
73 |
Għaldaqstant ir-rikors ta’ TV2/Danmark għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
74 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
75 |
Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
76 |
F’dan il-każ, jekk wieħed miż-żewġ aggravji mqajma minn Viasat insostenn tal-appell tagħha ġie milqugħ u s-sentenza appellata ġiet annullata, dan ma huwiex il-każ tal-kap l-ieħor, li ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
77 |
Konsegwentement, minn naħa waħda TV2/Danmark għandha tbati,, barra l-ispejjeż tagħha, in-nofs ta’ dawk sostnuti minn Viasat fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll l-ispejjeż kollha sostnuti minn din tal-aħħar fl-ewwel istanza, u, min-naħa l-oħra, Viasat għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha għal dan l-appell. |
|
78 |
Peress li l-Kummissjoni ma talbitx formalment il-kundanna ta’ TV2/Danmark għall-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
79 |
L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
|
80 |
Konsegwentement, bħala intervenjent fl-ewwel istanza, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.