Kawża C‑648/15

Ir-Repubblika tal-Awstrija

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Artikolu 273 TFUE – Tilwima bejn Stati Membri mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont ftehim ta’ kompromess – Tassazzjoni – Ftehim bilaterali dwar ħelsien minn taxxa doppja – Intaxxar tal-interessi ta’ titoli finanzjarji – Kunċett ta’ ‘krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Settembru 2017

  1. Ftehimiet internazzjonali–Ftehimiet bejn Stati Membri–Ftehim bilaterali dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-ġid, konkluż bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja–Kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”–Titoli mħallsa permezz ta’ interessi b’rata fissa applikati fuq il-valur nominali tagħhom, filwaqt li l-ħlas tal-interessi jitnaqqas fil-każ tal-għeluq tas-sena kontabbli b’telf għall-kumpannija emittenti minħabba tali ħlas–Esklużjoni

  2. Proċedura ġudizzjarja–Rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ tilwima bejn Stati Membri ppreżentata skont ftehim ta’ kompromess–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Portata u limiti

    (Artikolu 273 TFUE)

  1.  Il-kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” imsemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Abkommen zwischen der Republik Österreich und der Bundesrepublik Deutschland zur Vermeidung der Doppelbesteuerung auf dem Gebiet der Steuern vom Einkommen und vom Vermögen (Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-ħelsien mit-taxxa doppja fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix titoli li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom jistgħu jitqassru kif ġej: it-titoli jagħtu dritt għal ħlas annwali ta’ ammont li jikkorrispondi għal perċentwali fiss tal-valur nominali tagħhom; fejn il-ħlas annwali jista’ jagħti lok għal telf fil-kontabbiltà, l-ammont tiegħu jitnaqqas proporzjonalment; it-titoli jagħtu d-dritt, madankollu, matul l-eżistenza tagħhom, għall-ħlas ta’ arretrati matul is-snin sussegwenti, sakemm din ir-regolarizzazzjoni ma twassalx għal telf fil-kontijiet; il-ħlas tal-interessi u l-ħlas tal-arretrati jieħdu prijorità fuq l-allokazzjoni għar-riżervi u fuq il-ħlasijiet lill-garanti; l-ammont tal-kapital għad-dispożizzjoni tal-emittent bħala korrispettiv tat-titoli jitħallas lura bil-valur nominali tagħhom; madankollu, jekk il-karta tal-bilanċ turi telf, l-ammont tad-dejn li jrid jitħallas lura jitnaqqas proporzjonalment. F’dan il-każ ukoll, id-differenza mal-valur nominali tat-titolu titħallas matul is-snin sussegwenti sakemm dan ma jwassalx għal telf; it-titoli ma jagħtux dritt għal parteċipazzjoni fir-rikavat tal-likwidazzjoni tal-kumpannija emittenti, u l-kumpannija emittenti għandha dritt għax-xoljiment jekk it-titoli ma jibqgħux jagħtu lok għal tnaqqis fiskali.

    Fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala bonds ta’ natura partikolari. Mill-kundizzjonijiet għall-emissjoni tagħhom jirriżulta li dawn huma remunerati permezz ta’ interessi b’rata fissa applikati fuq il-valur nominali tagħhom. Madankollu, il-karatteristika speċifika tagħhom hija, essenzjalment, intiża sabiex il-ħlas tal-interessi jitnaqqas jew anki jiġi sospiż jekk, minħabba tali ħlas, il-kumpannija emettriċi tagħlaq is-sena finanzjarja tagħha b’telf, qabel ma dawn ikunu s-suġġett ta’ ħlas tal-arretrati meta din terġa’ tibda tagħmel profitti, bil-kundizzjoni li tali ħlas ta’ arretrati ma jwassalx għal telf.

    Fir-rigward, qabel kollox, tas-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini ta’ “parteċipazzjoni fil-profitti”, kemm il-lingwaġġ kurrenti kif ukoll ir-regoli tal-kontabbiltà l-iktar komunement aċċettati jirreferu għal aċċettazzjoni li timplika, bħala prinċipju, il-possibbiltà li jiġi attribwit sehem mir-riżultati pożittivi tal-operat annwali ta’ impriża.

    Barra minn hekk, l-espressjoni “parteċipazzjoni fil-profitti” hija normalment assoċjata mal-varjabbiltà u mal-imprevedibbiltà inerenti għar-riżultat annwali ta’ kull attività ekonomika riskjuża. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-profitti ta’ sena finanzjarja ġeneralment timplika d-dritt li tiġi riċevuta somma indeterminata fil-bidu tas-sena finanzjarja, li tista’ tvarja minn sena għal oħra, u li għalhekk tista’ tkun ugwali għal żero.

    B’hekk, l-espressjoni “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” hija relatata ma’ prodotti finanzjarji li r-remunerazzjoni tagħhom tvarja, għall-inqas parzjalment, skont l-ammont tal-profitti annwali tad-debitur.

    Tali interpretazzjoni hija kkonfermata minn analiżi kuntestwali u mill-analiżi tal-għan tad-dispożizzjonijiet li fihom jinsab il-kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”.

    Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest, dan il-kunċett huwa inkluż fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż qabel enumerazzjoni intiża li tesponih, fejn jidhru tliet tipi ta’ strumenti finanzjarji li l-karatteristika komuni tagħhom hija li r-remunerazzjoni tagħhom tista’ tvarja skont il-profitti annwali tal-emittent.

    Fir-rigward, finalment, tal-għan tad-dispożizzjonijiet li fihom tidħol l-espressjoni “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż huwa deroga mill-prinċipju ta’ tqassim bejn l-Istati kontraenti tal-kompetenzi fiskali tagħhom, espress fl-Artikolu 11(1) ta’ dan il-Ftehim, li abbażi tiegħu l-interessi huma, fil-prinċipju, imposti biss fl-Istat ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-benefiċjarju tagħhom. Din id-dispożizzjoni derogatorja tippermetti li l-interessi prodotti minn kreditu b’parteċipazzjoni fil-profitti jkunu imposti “ukoll” mill-Istat tas-sors tagħhom. Għaldaqstant, huwa l-Istat ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-benefiċjarju ta’ dawn l-interessi li għandu jelimina t-taxxa doppja billi jimputa t-taxxa diġà mnaqqsa fis-sors mit-taxxi l-oħra dovuti mill-proprjetarju tal-kreditu.

    Fid-dawl ta’ din l-istruttura ġenerali u tal-għan tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, li jikkonsisti fil-ħelsien kemm jista’ jkun tat-taxxa doppja legali fis-sitwazzjonijiet transkonfinali bejn iż-żewġ Stati kontraenti, il-kriterju li jippermetti li ssir deroga mit-tqassim miftiehem tal-kompetenzi fiskali, jiġifieri l-eżistenza ta’ parteċipazzjoni fil-profitti, għandha tirċievi interpretazzjoni stretta bħal dik li ssemmiet iktar ’il fuq.

    Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa tal-espressjoni “parteċipazzjoni fil-profitti”, imsemmija fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmi Ftehim, tista’ tillimita l-portata tal-Artikolu 11(1) tiegħu, li, billi jwettaq tqassim strett tal-kompetenza li jiġu intaxxati l-interessi, huwa intiż li jevita kull taxxa doppja, filwaqt li applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11(2) timplika taxxa doppja li l-effetti dannużi tagħha għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern jitnaqqsu biss bir-regola ta’ imputazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1)(b) u (2)(b) ta’ dan il-Ftehim.

    (ara l-punti 12, 32, 40-44, 48-50, 54, dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 273 TFUE, li jgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi kull tilwim bejn l-Istati Membri relatata mal-għanijiet tat-Trattati, jekk din it-tilwima titressaq quddiemha skont it-termini ta’ ftehim ta’ kompromess, jissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, għall-eżistenza ta’ kontroversja bejn l-Istati Membri. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, min-naħa l-oħra, ikkundizzjonata mill-konnessjoni mal-għan tat-trattati tat-tilwima li tressqet quddiema.

    Minn evalwazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 273 TFUE jirriżulta li t-terminu “konness” għandu jinftiehem bħala rabta, u mhux bħala relazzjoni ta’ identità.

    Din l-interpretazzjoni hija msaħħa minn paragun mal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 259 TFUE, għal Stat Membru li jippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ieħor meta jqis li dan tal-aħħar ikun naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu abbażi tat-trattati stess.

    Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ konnessjoni stabbilita fl-Artikolu 273 TFUE tkun sodisfatta meta jiġi stabbilit li t-tilwima ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha rabta oġġettivament identifikabbli mal-għan tat-trattati.

    Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors skont l-Artikolu 273 TFUE jekk dan jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ kompromess.

    (ara l-punti 19, 20, 22-25, 27)