SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Artikolu 273 TFUE – Tilwima bejn Stati Membri mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont ftehim ta’ kompromess – Tassazzjoni – Ftehim bilaterali dwar ħelsien minn taxxa doppja – Intaxxar tal-interessi ta’ titoli finanzjarji – Kunċett ta’ ‘krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti’”

Fil-Kawża C-648/15,

li għandha bħala suġġett rikors skont l-Artikolu 273 TFUE, ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2015,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer kif ukoll minn F. Koppensteiner u H. Jirousek, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, C. Toader, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq it-tilwima bejnha u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Abkommen zwischen der Republik Österreich und der Bundesrepublik Deutschland zur Vermeidung der Doppelbesteuerung auf dem Gebiet der Steuern vom Einkommen und vom Vermögen (Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-ħelsien mit-taxxa doppja fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital), tal-24 ta’ Awwissu 2000 (BGBl. III, 182/2002, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Awstrijak-Ġermaniż”), għall-finijiet tal-intaxxar tal-interessi ta’ titoli finanzjarji (Genussscheine) maħruġa minn kumpannija stabbilita fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u miżmuma minn kumpannija stabbilita fit-territorju tar-r-Repubblika tal-Awstrija.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

2

L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), jgħid is-segwenti:

“Trattat għandu jiġi interpretat b’bona fide skont is-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tas-suġġett tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż

3

L-Artikolu 3(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż jipprovdi:

“Għall-applikazzjoni tal-[Ftehim Awstrijak-Ġermaniż] f’mument partikolari minn Stat kontraenti, kull terminu jew espressjoni li ma humiex iddefiniti hemmhekk, ħlief jekk il-kuntest jeżiġi interpretazzjoni differenti, għandhom it-tifsira li tingħatalhom, f’dak il-mument, mid-dritt ta’ dak l-Istat dwar it-taxxi li għalihom japplika l-Ftehim, fejn is-sens mogħti lil dan it-terminu jew espressjoni mil-liġi fiskali ta’ dan l-Istat jipprevali fuq is-sens mogħti mill-oqsma l-oħra tal-liġi ta’ dan l-Istat.”

4

Skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan il-Ftehim, id-dħul taħt forma ta’ interessi huwa intaxxat fl-Istat ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-benefiċjarju tiegħu. Dan it-trattament huwa differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 10 tal-istess Ftehim għad-dħul minn dividendi, li fil-prinċipju huma intaxxati fl-Istat tas-sors tagħhom.

5

L-Artikolu 11(2) tal-imsemmi Ftehim:

“Id-dħul li joriġina minn drittijiet jew minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti, inkluż id-dħul irċevut minn soċju passiv mill-parteċipazzjoni tiegħu ta’ soċju passiv jew id-dħul minn self u minn bonds li jipparteċipaw fil-profitti jistgħu, madankollu, jiġu intaxxati wkoll fl-Istat kontraenti, li minnu joriġinaw, skont id-dritt ta’ dak l-Istat.”

6

Sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja fuq tali dħul, iż-żewġ Stati kontraenti għażlu metodu msejjaħ tal-“imputazzjoni”, iddefinit fl-Artikolu 23 tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, li jipprovdi li huwa l-Istat ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-benefiċjarju tal-interessi li għandu jimputa fuq l-ammont ta’ taxxa li għandha tinġabar fuq id-dħul tal-imsemmi benefiċjarju t-taxxa imposta diġà mill-Istat tas-sors.

7

L-Artikolu 25(1) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż jipprovdi li kull persuna li tqis li hija parti leża minħabba intaxxar li jmur kontra dan il-Ftehim tista’ tibda proċedura ta’ konċiljazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati kontraenti.

8

Skont l-Artikolu 25(5) tal-istess Ftehim:

“F’każ ta’ diffikultajiet jew ta’ dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, li ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni għalihom fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti organizzata skont il-paragrafi li jippreċedu dan l-artikolu, u dan f’terminu ta’ tliet snin b’effett mill-ftuħ tal-imsemmija proċedura, l-Istati kontraenti huma obbligati, fuq talba tal-persuna msemmija fil-paragrafu 1, iressqu t-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 273 TFUE.”

9

L-Artikolu 30 tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż jippreċiża li l-protokoll tiegħu jifforma parti integrali minnu.

10

Il-punt 16 tal-imsemmi protokoll jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, li huma redatti konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-mudell ta’ ftehim fiskali li jirrigwarda d-dħul u l-kapital imfassal mill-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u ta’ Żvilupp Ekonomiku (OECD), għandhom ġeneralment l-istess tifsira bħal dawk li jidhru fil-kummenti tal-artikoli ta’ dan il-mudell ta’ ftehim. Barra minn hekk, l-istess punt jindika li l-kummenti jikkostitwixxu metodu ta’ interpretazzjoni tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

11

Bejn l-1996 u l-1998, Bank Austria AG, li hija kumpannija stabbilita fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija u suġġetta għat-taxxa mingħajr limitu f’dan l-Istat Membru, akkwistat titoli mingħand Westdeutsche Landesbank Girozentrale Düsseldorf und Münster, li sussegwentement saret Landesbank NRW, stabbilita fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

12

Skont id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dawn it-titoli jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod li ġej:

it-titoli jagħtu dritt għal ħlas annwali ta’ ammont li jikkorrispondi għal perċentwali fiss tal-valur nominali tagħhom;

fejn il-ħlas annwali jista’ jagħti lok għal telf fil-kontabbiltà, l-ammont tiegħu jitnaqqas proporzjonalment;

it-titoli jagħtu d-dritt, madankollu, matul l-eżistenza tagħhom, għall-ħlas ta’ arretrati matul is-snin sussegwenti, sakemm din ir-regolarizzazzjoni ma twassalx għal telf fil-kontijiet;

il-ħlas tal-interessi u l-ħlas tal-arretrati jieħdu prijorità fuq l-allokazzjoni għar-riżervi u fuq il-ħlasijiet lill-garanti;

l-ammont tal-kapital għad-dispożizzjoni tal-emittent bħala korrispettiv tat-titoli jitħallas lura bil-valur nominali tagħhom;

madankollu, jekk il-karta tal-bilanċ turi telf, l-ammont tad-dejn li jrid jitħallas lura jitnaqqas proporzjonalment. F’dan il-każ ukoll, id-differenza mal-valur nominali tat-titolu titħallas matul is-snin sussegwenti sakemm dan ma jwassalx għal telf;

it-titoli ma jagħtux dritt għal parteċipazzjoni fir-rikavat tal-likwidazzjoni tal-kumpannija emittenti, u

il-kumpannija emittenti għandha d-dritt għal xoljiment jekk it-titoli ma jibqgħux jagħtu dritt għat-tnaqqis fiskali.

13

Għalkemm ma huwiex ikkontestat li d-dħul minn dawn it-titoli huma interessi fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, u mhux dividendi fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ dan tal-aħħar, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk tali interessi jaqgħux taħt l-Artikolu 11(1) jew l-Artikolu 11(2) tal-imsemmi Ftehim. B’mod iktar preċiż, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li t-titoli inkwistjoni ma jwasslux għal parteċipazzjoni fil-profitti fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-istess Ftehim, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni l-kuntrarju.

14

Din id-diverġenza fil-kwalifika legali tal-interessi rċevuti minn Bank Austria wasslet lil dawn iż-żewġ Stati sabiex jinvokaw id-dritt esklużiv li jintaxxawhom, u dan wassal għal tassazzjoni doppja fuq din il-kumpannija għas-snin fiskali bejn l-2003 u l-2009.

15

Konformement mal-Artikolu 25(1) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, Bank Austria ressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni quddiem l-awtoritajiet Awstrijaċi. Din il-proċedura nbdiet mir-Repubblika tal-Awstrija, iżda spiċċat billi ġie rrikonoxxut nuqqas ta’ suċċess fi tmiem is-sena 2011.

16

Għaldaqstant, Bank Austria talbet lir-Repubblika tal-Awstrija sabiex it-tilwima titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 25(5) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż.

It-talbiet tal-partijiet

17

Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li t-titoli inkwistjoni ma għandhomx jitqiesu bħala krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż u li għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha, bħala l-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju effettiv, id-dritt esklużiv li tintaxxa l-interessi tagħhom;

tikkonstata li, konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tastjeni milli tintaxxa dawn l-interessi u tħallas lura t-taxxa diġà imposta f’dan ir-rigward, u

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

18

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li t-titoli inkwistjoni ma għandhomx jitqiesu bħala krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż u li għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha, bħala l-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju effettiv, id-dritt esklużiv li tintaxxa l-interessi tagħhom;

tikkonstata li, konsegwentement, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tastjeni milli tintaxxa dawn l-interessi u tħallas lura t-taxxa diġà imposta f’dan ir-rigward, u

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Fuq it-talba għal soluzzjoni tat-tilwima

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

19

Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita abbażi tal-Artikolu 273 TFUE, li jgħid li din tista’ “tkun kompetenti li tiddeċiedi kull tilwim bejn l-Istati Membri konness ma’ l-għanjiet tat-Trattati, jekk dan it-tilwim jitressaq quddiemha skond it-termini ta’ ftehim ta’ kompromess”.

20

Din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, għall-eżistenza ta’ tilwima bejn Stati Membri, li f’dan il-każ ma hemmx dubju li teżisti.

21

Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jinvokaw flimkien id-dritt esklużiv li jintaxxaw dħul relatat ma’ snin fiskali li matulhom dawn iż-żewġ Stati kienu membri fl-Unjoni Ewropea. Din l-invokazzjoni doppja wasslet, fir-rigward tal-persuna taxxabbli, għal taxxa doppja li tmur kontra l-għanijiet tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, li bih l-Istati kontraenti tiegħu riedu fil-fatt jeħilsu minn taxxa doppja. Peress li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista minn dan il-Ftehim kienet mingħajr suċċess, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tilwima bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 273 TFUE.

22

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, min-naħa l-oħra, ikkundizzjonata mill-konnessjoni mal-għan tat-trattati tat-tilwima li tressqet quddiema.

23

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn evalwazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 273 TFUE jirriżulta li t-terminu “konness” għandu jinftiehem bħala rabta, u mhux bħala relazzjoni ta’ identità.

24

Din l-interpretazzjoni hija msaħħa minn paragun mal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 259 TFUE, għal Stat Membru li jippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ieħor meta jqis li dan tal-aħħar ikun naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu abbażi tat-trattati stess.

25

Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ konnessjoni stabbilita fl-Artikolu 273 TFUE tkun issodisfatta meta jiġi stabbilit li t-tilwima ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha rabta identifikabbli mal-għan tat-trattati.

26

Dan huwa manifestament il-każ f’din il-kawża, fid-dawl tal-effett pożittiv tal-ħelsien mit-taxxa doppja fuq il-funzjonament tas-suq intern li l-Unjoni għandha l-għan li tistabbilixxi konformement mal-Artikolu 3(3) TUE u mal-Artikolu 26 TFUE. Fil-fatt, hekk kif essenzjalment osservat il-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-11 ta’ Novembru 2011, intitolata “Taxxa Doppja fis-Suq Uniku” [COM(2011) 712 finali], il-konklużjoni bejn żewġ Stati Membri ta’ ftehim dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja għandha l-għan u l-effett li tneħħi jew tnaqqas ċerti konsegwenzi tal-eżerċizzju mhux ikkoordinat tas-setgħa ta’ impożizzjoni tagħhom, li min-natura tagħha tista’ tnaqqas, tiddiswadi jew trendi inqas attraenti l-użu tal-libertajiet ta’ moviment stabbiliti mit-Trattat FUE.

27

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors skont l-Artikolu 273 TFUE jekk dan jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ kompromess.

28

Huwa minnu li t-talba preżenti ma tressqitx abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ adottata speċjalment bil-għan li tiġi rregolata din it-tilwima, iżda b’applikazzjoni ta’ klawżola ġenerali tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, jiġifieri l-Artikolu 25(5) ta’ dan tal-aħħar, qabel ma qamet din it-tilwima, li biha l-Istati kontraenti impenjaw ruħhom li jippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-diffikultajiet kollha li jistgħu jirriżultaw fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tal-imsemmi Ftehim u li ma jkunux ġew solvuti fil-kuntest ta’ ftehim bonarju.

29

Madankollu, xejn ma jipprekludi, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 273 TFUE, li jikkonsisti fl-għoti lill-Istati Membri ta’ rimedju għas-soluzzjoni tat-tilwim tagħhom b’konnessjoni mal-għan tat-trattati fil-kuntest tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, li ftehim dwar ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi konkluż mill-partijiet qabel ma tqum tilwima possibbli, għal każijiet partikolari ddeterminati minn ftehim bħall-Artikolu 25(5) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C-370/12, EU:C:2012:756, punt 172).

30

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima preżenti.

Fuq il-mertu

31

It-tilwima tirrigwarda l-punt jekk il-kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”, imsemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi titoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala bonds ta’ natura partikolari. Fil-fatt, mill-kundizzjonijiet għall-emissjoni tagħhom jirriżulta li dawn huma remunerati permezz ta’ interessi b’rata fissa applikati fuq il-valur nominali tagħhom. Madankollu, il-karatteristika speċifika tagħhom hija, essenzjalment, intiża sabiex il-ħlas tal-interessi jitnaqqas jew anki jiġi sospiż jekk, minħabba tali ħlas, il-kumpannija emettriċi tagħlaq is-sena finanzjarja tagħha b’telf, qabel ma dawn ikunu s-suġġett ta’ ħlas tal-arretrati meta din terġa’ tibda tagħmel profitti, bil-kundizzjoni li tali ħlas ta’ arretrati ma jwassalx għal telf.

33

Konsegwentement, sabiex tiġi deċiża t-tilwima, għandu jiġi evalwat jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni ta’ dawn it-titoli jistax jitqies li għandu n-natura ta’ “parteċipazzjoni fil-profitti” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, kunċett li dan tal-aħħar ma jagħtix definizzjoni tiegħu.

34

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni adottata mil-liġi nazzjonali tagħha, b’mod partikolari minn sentenza tal-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi, il-Ġermanja), tas-26 ta’ Awwissu 2010, li tgħid li r-remunerazzjoni tat-titoli inkwistjoni tinvolvi parteċipazzjoni fil-profitti.

35

Huwa minnu li l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż jistabbilixxi regola ta’ interpretazzjoni li abbażi tagħha terminu jew espressjoni mhux iddefiniti minn dan il-Ftehim għandhom jingħataw is-sens li tagħtih il-liġi fiskali tal-Istat li japplikah.

36

Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni minn Stat wieħed f’mument partikolari ma tistax titqies bħala regola intiża li ssolvi d-diverġenzi ta’ interpretazzjoni bejn iż-żewġ Stati kontraenti.

37

Barra minn hekk, qari kuntrarju jċaħħad id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(5) tal-imsemmi Ftehim mill-portata utli tagħhom, li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni tiegħu u l-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhom kważi ebda sinjifikat li kieku l-Istati kontraenti kellhom l-intenzjoni li dan il-Ftehim jiġi interpretat biss b’riferenza għal-liġijiet nazzjonali, anki meta jkollhom, bħal f’dan il-każ, portata diametrikament opposta.

38

Għalhekk, il-kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” għandu jiġi interpretat fis-sens tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż skont il-metodi li jappartjenu għal-liġi internazzjonali.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li kemm ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma partijiet kontraenti tagħha, jirriżulta li l-interpretazzjoni ta’ trattat għandha ssir b’bona fide skont is-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull regola rilevanti tal-liġi internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti għal dan it-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, EU:C:2010:91, punt 43).

40

Fir-rigward, qabelxejn, tas-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini ta’ “parteċipazzjoni fil-profitti”, kemm il-lingwaġġ kurrenti kif ukoll ir-regoli tal-kontabbiltà l-iktar komunement aċċettati jirreferu għal aċċettazzjoni li timplika, bħala prinċipju, il-possibbiltà li jiġi attribwit sehem mir-riżultati pożittivi tal-operat annwali ta’ impriża. Dan huwa ġeneralment il-każ ta’ azzjonist, iżda anki, b’mod partikolari, ta’ impjegat li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jipprevedi bonus rappreżentattiv ta’ frazzjoni mill-profitti miksuba mill-persuna li timpjega.

41

Barra minn hekk, l-espressjoni “parteċipazzjoni fil-profitti” hija normalment assoċjata mal-varjabbiltà u mal-imprevedibbiltà inerenti għar-riżultat annwali ta’ kull attività ekonomika riskjuża. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-profitti ta’ sena finanzjarja ġeneralment timplika d-dritt li tiġi riċevuta somma indeterminata fil-bidu tas-sena finanzjarja, li tista’ tvarja minn sena għall-oħra, u li għalhekk tista’ tkun ugwali għal żero.

42

B’hekk, l-espressjoni “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” hija relatata ma’ prodotti finanzjarji li r-remunerazzjoni tagħhom tvarja, għall-inqas parzjalment, skont l-ammont tal-profitti annwali tad-debitur.

43

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata minn analiżi kuntestwali u mill-analiżi tal-għan tad-dispożizzjonijiet li fihom jinsab il-kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” li huwa l-qofol ta’ din it-tilwima.

44

Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest, għandu jiġi nnotat li dan il-kunċett huwa inkluż fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż qabel enumerazzjoni intiża li tesponih, fejn jidhru tliet tipi ta’ strumenti finanzjarji li l-karatteristika komuni tagħhom hija, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 94 sa 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-remunerazzjoni tista’ tvarja skont il-profitti annwali tal-emittent.

45

Dan huwa l-każ tal-bonds li jipparteċipaw fil-profitti, li jiġu ddefiniti ġeneralment bħala bonds li jagħtu dritt, barra mill-interessi fissi li joffru, għal sehem mill-profitti tal-emittent.

46

Bl-istess mod, is-“self parteċipattiv fil-profitti” huwa fil-prinċipju kkaratterizzat minn rata’ ta’ interess bażika, li tista’ tkun fissa jew varjabbli, miżjuda b’interessi marbuta mal-ammont tal-profitti tad-debitur.

47

Fir-rigward tas-“soċju passiv”, irrispettivament mill-għamla tiegħu, dan huwa intiż, fundamentalment, sabiex jipparteċipa fil-profitti tal-kumpannija li huwa proprjetarju ta’ ishma tagħha, hekk kif wara kollox osservat, mingħajr ma ġiet ikkontestata, ir-Repubblika tal-Awstrija.

48

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-għan tad-dispożizzjonijiet li fihom tidħol l-espressjoni “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż huwa deroga mill-prinċipju ta’ tqassim bejn l-Istati kontraenti tal-kompetenzi fiskali tagħhom, espress fl-Artikolu 11(1) ta’ dan il-Ftehim, li abbażi tiegħu l-interessi huma, fil-prinċipju, imposti biss fl-Istat ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-benefiċjarju tagħhom. Din id-dispożizzjoni derogatorja tippermetti li l-interessi prodotti minn kreditu b’parteċipazzjoni fil-profitti jkunu imposti “ukoll” mill-Istat tas-sors tagħhom. Għaldaqstant, huwa l-Istat ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-benefiċjarju ta’ dawn l-interessi li għandu jelimina t-taxxa doppja billi jimputa t-taxxa diġà mnaqqsa fis-sors mit-taxxi l-oħra dovuti mill-proprjetarju tal-kreditu.

49

Fid-dawl ta’ din l-istruttura ġenerali u tal-għan tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, li jikkonsisti fil-ħelsien kemm jista’ jkun tat-taxxa doppja legali fis-sitwazzjonijiet transkonfinali bejn iż-żewġ Stati kontraenti, il-kriterju li jippermetti li ssir deroga mit-tqassim miftiehem tal-kompetenzi fiskali, jiġifieri l-eżistenza ta’ parteċipazzjoni fil-profitti, għandha tirċievi interpretazzjoni stretta bħal dik li tinsab fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza.

50

Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa tal-espressjoni “parteċipazzjoni fil-profitti”, imsemmija fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmi Ftehim, tista’ tillimita l-portata tal-Artikolu 11(1) tiegħu, li, billi jwettaq tqassim strett tal-kompetenza li jiġu intaxxati l-interessi, huwa intiż li jevita kull taxxa doppja, filwaqt li applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11(2) timplika taxxa doppja li l-effetti dannużi tagħha għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern jitnaqqsu biss bir-regola ta’ imputazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1)(b) u 2(b) ta’ dan il-Ftehim.

51

F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-titoli inkwistjoni jitħallsu kull sena abbażi ta’ rata fissa, applikata fuq il-valur nominali tagħhom, li wkoll huwa fiss, u dawn iż-żewġ informazzjonijiet huma predeterminati mas-sottoskrizzjoni.

52

Huwa minnu li r-remunerazzjoni ta’ dawn it-titoli għandha, barra minn hekk, il-partikolarità li hija mnaqqsa jew interrotta meta s-sena finanzjarja tal-kumpannija emettriċi tagħlaq b’telf minħabba din ir-remunerazzjoni, qabel ma tkun is-suġġett ta’ ħlas arretrat matul is-snin finanzjarji segwenti li jispiċċaw bi profitt, bil-kundizzjoni li l-ħlas tal-arretrati ma jwassalx għal telf, liema arretrati b’hekk jiżdiedu mal-ħlas tal-interessi normalment dovuti abbażi tal-imsemmija snin finanzjarji sussegwenti.

53

Madankollu, din il-partikolarità timplika biss li l-ħlas annwali tal-interessi huwa kkundizzjonat mit-twettiq ta’ profitt kontabbli suffiċjenti għall-istess sena finanzjarja, u mhux li t-titoli inkwistjoni jagħtu dritt, għajr għall-interessi annwali, għal parti minn dan il-profitt.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”, imsemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix titoli bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

55

Fir-rigward tat-talbiet reċiproċi tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jieqfu jeżerċitaw is-setgħa fiskali tagħhom fuq it-titoli inkwistjoni, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Awstrijak-Ġermaniż hija biżżejjed sabiex tissodisfa t-talba tagħhom.

56

Fir-rigward tat-talbiet reċiproċi tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jiġi ordnat li jitwettaq ir-rimbors tat-taxxi miġbura indebitament, ma hemmx lok, fi kwalunkwe każ, li dawn jintlaqgħu.

57

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-provi xierqa li jippermettulha tadotta pożizzjoni f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kull interferenza possibbli ma’ proċeduri possibbli pendenti quddiem il-qrati ta’ Stat wieħed jew ieħor.

58

Għaldaqstant, huma r-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li għandhom jisiltu l-konsegwenzi ta’ din is-sentenza, billi jikkooperaw b’mod leali għal dan il-għan.

Fuq l-ispejjeż

59

Bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

60

Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika tal-Awstrija.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” imsemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Abkommen zwischen der Republik Österreich und der Bundesrepublik Deutschland zur Vermeidung der Doppelbesteuerung auf dem Gebiet der Steuern vom Einkommen und vom Vermögen (Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-ħelsien mit-taxxa doppja fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital), tal-24 ta’ Awwissu 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix titoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.