SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
24 ta’ Novembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92/UE — Proġett suġġett għall-evalwazzjoni — Anness I, punt 7 — Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR) — Twessigħ ta’ triq ta’ erba’ korsiji fuq tul ta’ inqas minn 10 kilometri”
Fil-Kawża C‑645/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura
Bund Naturschutz in Bayern eV,
Harald Wilde
vs
Freistaat Bayern,
fil-preżenza ta’:
Stadt Nürnberg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Bund Naturschutz in Bayern eV u Harald Wilde, minn A. Lehners, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Freistaat Bayern, minn A. Meyer, Oberlandesanwalt, u W. Durner, Rechtsanwalt, |
— |
għal Stadt Nürnberg, minn U. Hösch, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Becker u C. Zadra, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bund Naturschutz in Bayern eV u Harald Wilde, minn naħa, u l-Freistaat Bayern (Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità tad-deċiżjoni meħuda minn din tal-aħħar li tapprova l-iżvilupp ta’ ċerti partijiet ta’ triq li tinsab fit-territorju tas-Stadt Nürnberg (belt ta’ Nuremberg, il-Ġermanja), mingħajr ma wettqet evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan l-iżvilupp fuq l-ambjent. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2011/92
3 |
Skont il-premessa 1, l-għan tad-Direttiva 2011/92 huwa l-kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Vol. 1 p. 248), li ġiet emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali. |
4 |
Barra minn hekk, id-Direttiva 2011/92 tinkludi, b’mod partikolari, il-premessi li ġejjin: “[…]
[…]” |
5 |
Skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva: “1. Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. 2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).” |
6 |
Il-punt 7 tal-Anness I, tad-direttiva imsemmija jipprovdi b’mod partikolari, fir-rigward tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(1) tagħha: “[…]
|
7 |
Fir-rigward tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/92, il-punt 24 tal-Anness I isemmi wkoll: “Kull bidla jew estensjoni tal-proġetti elenkati f’dan l-Anness meta tali bidla jew estensjoni fiha nfisha tilħaq il-livelli, jekk ikun hemm, iddikjarati f’dan l-Anness.” |
8 |
Fir-rigward tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-direttiva msemmija, il-punt 10 tal-Anness II tagħha, intitolat “Proġetti ta’ Infrastruttura”, isemmi b’mod partikolari: “[…]
[…]” |
9 |
Fir-rigward tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, il-punt 13 tal-Anness II ta’ din id-direttiva jsemmi wkoll:
|
L-AGR
10 |
L-Anness II tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR), iffirmat f’Ġinevra fil-15 ta’ Novembru 1975 (iktar ’il quddiem il-“ftehim”), intitolat “Kundizzjonijiet li l-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali għandhom jissodisfaw”, jinkludi punt I. 1 li jipprovdi kif ġej: “Il-karatteristiċi fundamentali li għandhom jiġu adottati għall-bini jew għall-iżvilupp tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali, iktar ’il quddiem imsejħa ‘toroq internazzjonali’, huma s-suġġett tad-dispożizzjonijiet li ġejjin li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kunċetti moderni fil-qasam tat-teknoloġija tal-bini tat-toroq. Dawn ma japplikawx għaż-żoni mibnija. Dawn tal-aħħar għandhom jiġu evitati jekk dawn it-toroq jikkostitwixxu ostakolu jew perikolu għalihom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Taħt Titolu II ta’ dan l-anness, (“Kategoriji ta’ toroq internazzjonali”), hemm il-punt II. 3, li jipprovdi d-definizzjoni li ġejja: “Toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa Toroq riżervati għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u li fuqha huwa pprojbit, b’mod partikolari, li wieħed jieqaf jew jipparkja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt Ġermaniż
11 |
L-Artikolu 37 tal-Bayerisches Straßen- und Wegegesetz (liġi tal-Bavarja dwar in-netwerk tat-toroq), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-5 ta’ Ottubru 1981, kif emendata bil-liġi tat-22 ta’ Mejju 2015, intitolat “Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”, jiddisponi: “Il-proġetti relatati ma toroq reġjonali, toroq distrettwali, toroq li jgħaqqdu lokalitajiet jew toroq lokali huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
B’deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2013, l-awtoritajiet kompetenti tal-Land ta’ Bayern approvaw il-pjanti għall-iżvilupp ta’ ċerti partijiet tat-triq distrettwali Nru 4 fit-territorju tal-belt ta’ Nuremberg. |
13 |
Il-proġett ta’ żvilupp inkwistjoni jirrigwarda żewġ sezzjonijiet ta’ din it-triq b’żewġ korsiji f’kull direzzjoni. Fl-ewwel sezzjoni, b’tul ta’ 1.8 kilometri, huwa previst, fuq naħa, li tiżdied tielet korsija u l-bini ta’ ħitan kontra l-istorbju fuq tul ta’ madwar 1.3 kilometri. Fit-tieni sezzjoni, b’tul ta’ 2.6 kilometri, huwa previst li tinbena mina fit-triq b’tul ta’ madwar 1.8 kilometri, li l-“intersezzjonijiet” eżistenti jinbidlu f’“intersezzjonijiet fuq livelli differenti” u li tiġi żviluppata triq ġdida li twassal għaċ-ċentru tal-belt ta’ Nuremberg. Iż-żewġ sezzjonijiet ikkonċernati jinsabu f’żona urbana. |
14 |
Kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2013 quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht Ansbach (qorti amministrattiva f’Bayern ta’ Ansbach, il-Ġermanja) b’mod partikolari minħabba li ma twettqitx minn qabel evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
15 |
Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda b’sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2014. B’digrieti tat-23 ta’ Ġunju 2015, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), awtorizzat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jappellaw mis-sentenzi msemmija. |
16 |
Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell, il-qorti tar-rinviju qajmet il-kwistjoni dwar l-obbligu li l-proġett inkwistjoni jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent abbażi tal-punt 7(b) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92. Hija tiddubita, b’mod partikolari, dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal żvilupp ta’ tul ta’ inqas minn 10 kilometri u tistaqsi jekk dan il-każ jirrigwardax “bini”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri tal-Land ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
18 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, għalkemm jirrigwarda, bħal fil-kawża prinċipali, sezzjoni ta’ inqas minn 10 kilometri tul, jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar. |
19 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2011/92, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-proġetti li jaqgħu f’ċerta kategorija, li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u li għandhom bħala prinċipju jkunu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika u, min-naħa l-oħra, dawk li jaqgħu f’kategoriji oħra li mhux neċessarjament għandhom tali effetti f’kull każ u li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni meta l-Istati Membri jikkunsidraw li jistgħu jkollhom tali effetti sinjifikattivi. |
20 |
Konsegwentement, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92, fil-paragrafu 1 tiegħu, jagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn il-proġetti mniżżla fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-Istati Membri għandhom jissuġġettaw għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2, il-proġetti mniżżla fl-Anness II tad-direttiva imsemmija, li għalihom l-Istati Membri jistabbilixxu jekk għandhomx ikunu ssuġġettati għal tali evalwazzjoni. |
21 |
Fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, huma mniżżla l-bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa u, fil-punt 7(c) il-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ korsiji jew iktar, jew l-allinjament jew it-twessigħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ korsiji jew inqas sabiex tipprovdi għal erba’ korsiji jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni tat-triq allinjata jew imwessgħa tkun ta’ mill-inqas 10 kilometri tul mingħajr interruzzjoni. |
22 |
Mid-dispożizzjonijiet tal-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta b’mod ċar li kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-obbligu għall-Istati Membri li ċerti proġetti ta’ żvilupp tat-toroq jkunu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent ikun limitat biss għall-proġetti li jirrigwardaw sezzjonijiet ta’ triq ta’ tul sinjifikattiv, f’dan il-każ ta’ mill-inqas 10 kilometri. |
23 |
Għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92, bħal dak tad-Direttiva 85/337, huwa wiesa’ u li l-għan tiegħu huwa wiesa’ ħafna (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 32, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción‑CODA, C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 28), madankollu, interpretazzjoni teleoloġika ta’ din l-ewwel direttiva ma tistax titbiegħed mill-intenzjoni espressa kjarament mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 29). |
24 |
Għaldaqstant, proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, bħal dak fil-kawża prinċipali, jirrigwarda sezzjoni ta’ inqas minn 10 kilometri, minħabba n-natura tiegħu biss u, għalkemm jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar, ma huwiex kopert mill-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92. |
25 |
Madankollu, din il-kunsiderazzjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni fil-kawża prinċipali, skont il-każ, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92. |
26 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, għalkemm jirrigwarda, bħal fil-kawża prinċipali, sezzjoni ta’ inqas minn 10 kilometri tul, jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar. |
Fuq it-tieni domanda
27 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq it-tielet u s-sitt domandi
28 |
Permezz tat-tielet u s-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” li, skont il-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, il-bini tagħhom għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. |
29 |
Il-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jiddefinixxi t-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa b’riferiment għad-definizzjoni ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa fl-AGR, kif imfakkar fil-punt 10 ta’ din is-sentenza. |
30 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 7(b) kif ukoll dan ir-riferiment għall-AGR, kien ifformulat bl-istess kliem fid-Direttiva 85/337. Għall-applikazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, billi mhux l-Istati Membri kollha kienu partijiet għal dan il-ftehim, din ir-referenza tikkonċerna dan il-ftehim fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta ġiet adottata d-Direttiva 85/337, jiġifieri l-verżjoni tal-15 ta’ Novembru 1975 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA,C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 30). |
31 |
Peress li d-Direttiva 2011/92 wettqet sempliċi kodifikazzjoni tad-Direttiva 85/337, u billi mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-AGR u li xejn ma jindika li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2011/92, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jagħmel riferiment, bir-riferiment tiegħu għal dan il-ftehim, għall-verżjoni inizjali, iżda għall-verżjonijiet emendati jew riveduti tiegħu, hemm lok li jitkompla jsir riferiment għall-imsemmi ftehim fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data li fih ġie ffirmat, jiġifieri l-15 ta’ Novembru 1975. |
32 |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ir-riferiment għall-AGR magħmul mill-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” tfisser triq li tikkorrispondi għad-definizzjoni mogħtija minn dan il-ftehim. Għalhekk, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, billi għamlet riferiment għal tali definizzjoni u mhux għat-toroq li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGR, id-direttiva imsemmija tkopri t-toroq li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom huma dawk inklużi f’din id-definizzjoni, u mhux it-toroq li, b’applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni, huma kklassifikati bħala “arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali”, fis-sens tal-AGR. Għaldaqstant, il-bini ta’ triq li għandha l-karatteristiċi tekniċi tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa, skont id-definizzjoni mogħtija fl-AGR, għalkemm din it-triq ma hijiex komponent tan-netwerk tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 7(b) tal-Anness I tal-istess direttiva. |
33 |
Fir-rigward tal-obbligi imposti mid-Direttiva 2011/92, il-fatt li skont il-punt I. 1 tal-Anness II tal-AGR, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness “ma japplikawx għaż-żoni mibnija”, li “għandhom jiġu evitati jekk dawn it-toroq jikkostitwixxu ostaklu jew periklu għalihom”, huwa irrilevanti. Tali restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGR, bl-ebda mod ma tqajjem dubju, fiha nnifisha, dwar l-applikabbiltà, skont id-Direttiva 2011/92, tal-karatteristiċi tekniċi proprji tagħhom tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa, kif iddefiniti f’dan il-ftehim. |
34 |
It-tielet nett, triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa hija, skont din id-definizzjoni, triq riżervata għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u li fuqha huwa pprojbit li wieħed jieqaf jew jipparkja. Minn din id-definizzjoni ma jirriżultax li t-toroq li jinsabu fiż-żoni urbani huma a priori esklużi. Għall-kuntrarju, għandu jitqies li, fin-nuqqas ta’ esklużjoni espliċita tat-toroq li jinsabu f’żoni mibnija, it-termini “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” ikopru t-toroq urbani li jikkorrispondu għall-karatteristiċi previsti fl-Anness II tal-AGR (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA,C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 31). |
35 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għas-sitt domanda għandha tkun li l-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-“toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma t-toroq li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom huma dawk inklużi fid-definizzjoni mogħtija mill-Anness II, punt II. 3 tal-AGR, għalkemm dawn it-toroq ma humiex komponenti tan-netwerk tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali stabbilit minn dan il-ftehim jew jinsabu f’żoni mibnija. |
Fuq ir-raba ’ u l-ħames domandi
36 |
Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “bini” fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92. |
37 |
Kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-punt 7(b) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, li huma riprodotti bl-istess mod fil-punt 7(b) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, il-Qorti tal-Ġustizzja tathom interpretazzjoni wiesgħa billi qieset li proġett li jirrigwarda t-trasformazzjoni ta’ triq li jkun ekwivalenti, fil-portata u l-modalitajiet tiegħu, għal bini jista’ jitqies bħala bini fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA,C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 36, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 27). |
38 |
Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk proġett, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda t-trasformazzjoni ta’ ċerta portata, ta’ triq b’tul inqas minn 10 kilometri u mingħajr tibdil sinjifikattiv tar-rotta tagħha, jistax jitqies bħala “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92. |
39 |
Għandu jiġi rrilevat li t-terminu “bini” użat fil-punt 7(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 ma huwiex ambigwu u li għandu jinftiehem fis-sens normali tiegħu, jiġifieri li jirreferi għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li ma kinux jeżistu qabel jew bidliet, fis-sens fiżiku, ta’ xogħlijiet li kienu diġà jeżistu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 26). |
40 |
Ma jidhirx kontestabbli li proġett li jipprevedi t-trasformazzjoni ta’ toroq li kienu diġà jeżistu permezz ta’ miżuri ta’ inġinerija ċivili ta’ ċerta portata, b’mod partikolari bit-tħaffir ta’ mina, huwa kopert minn tali bidla, meta dan se jitwettaq fuq ir-rotot eżistenti tat-triq u fuq tul ta’ inqas minn 10 kilometri. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-punt 7(a) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, id-dispożizzjonijiet tal-punt 7(b) ma jagħmlu l-ebda referenza għal tul minimu li għandhom ikollhom it-toroq koperti minnhom. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kklassifika l-bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa fil-kategorija ta’ proġetti suġġetti b’mod sistematiku għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, mingħajr ma jeżiġi li tali bini għandu jkollu tul minimu. |
42 |
Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li żvilupp tat-toroq, anki ta’ tul inqas, minħabba n-natura tiegħu biss, ikun ta’ tali portata li jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, ma jimplikax li s-sezzjoni tat-triq ikkonċernata għandha jkollha ċerta tul. Fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa każ b’każ jekk, fuq il-bażi tal-karatteristiċi kollha tiegħu, u mhux biss abbażi tat-tul tiegħu, l-iżvilupp tat-triq inkwistjoni huwiex ta’ tali portata li għandu jiġi kklassifikat bħala “bini”, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
43 |
Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi għandha tkun li l-kunċett ta’ “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li ma kinux jeżistu qabel jew bidliet, fis-sens fiżiku, ta’ xogħlijiet li kienu diġà jeżistu. Sabiex jiġi evalwat jekk tali bidla tistax titqies bħala ekwivalenti, fil-portata u l-modalitajiet tagħha, għal tali bini, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tax-xogħol ikkonċernat, u mhux biss it-tul tiegħu jew iż-żamma tar-rotta inizjali tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.