SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

26 ta’ April 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport — Trasport bit-triq — Liċenzja tas-sewqan — Direttiva 2006/126/KE — Artikolu 13(2) — Kunċett ta’ ‘dritt ta’ sewqan mogħti qabel id-19 ta’ Jannar 2013’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva — Obbligu li tinkiseb liċenzja tas-sewqan impost fuq il-persuni li kellhom l-awtorizzazzjoni sabiex isuqu mopeds mingħajr liċenzja qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni”

Fil-Kawża C‑632/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (qorti għolja tal-kassazzjoni u tal-ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Costin Popescu

vs

Guvernul României,

Ministerul Afacerilor Interne,

Direcția Regim Permise de Conducere si Înmatriculare a Vehiculelor,

Direcția Rutieră,

Serviciul Public Comunitar Regim Permise de Conducere si Înmatriculare a Vehiculelor,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Popescu, minnu stess,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn O.-C. Ichim u E. Gane, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006 L 403, p. 18), b’mod partikolari tal-Artikolu 13(2), moqri flimkien mal-premessa 5 ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Costin Popescu u l-Guvernul României (Gvern Rumen), irrappreżentat mis-Secretariatul General al Guvernului (segretarju ġenerali tal-gvern), il-Ministerul Afacerilor Interne (ministeru tal-affarijiet interni), id-Direcția Regim Permise de Conducere și înmatriculare a Vehiculelor (direzzjoni tal-liċenzji tas-sewqan u tar-reġistrazzjoni tal-vetturi), id-Direcția Rutieră (direttorat tat-toroq) u s-Serviciul Public Comunitar Regim Permise de Conducere şi înmatriculare a Vehiculelor (servizz pubbliku tal-liċenzji tas-sewqan u tar-reġistrazzjoni tal-vetturi), dwar l-obbligu li tinkiseb liċenzja tas-sewqan impost fuq il-persuni li kellhom l-awtorizzazzjoni sabiex isuqu mopeds mingħajr liċenzja qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni Rumena li ttrasponiet id-Direttiva 2006/126 fid-dritt nazzjonali, li jiksbu tali liċenzja sabiex ikunu jistgħu jkomplu jsuqu dawn il-vetturi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2006/126 tiddikjara:

“Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl-implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja […].”

4

Skont il-premessa 5 ta’ din id-direttiva, din ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet eżistenti ta’ sewqan mogħtija jew miksuba qabel id-data ta’ applikazzjoni tagħha.

5

Il-premessa 8 ta’ din id-direttiva hija fformulata kif ġej:

“Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. Hemm il-ħtieġa li jiġu armonizzati l-istandards għat-testijiet tas-sewqan u għall-ħruġ tal-liċenzji. Għal dan il-għan, għandhom jiġu definiti l-kompetenza, il-ħiliet u l-komportament konnessi mas-sewqan tal-vetturi, it-test tas-sewqan għandu jkun ibbażat fuq dawn il-kunċetti u għandhom jiġu definiti mill-ġdid l-istandards minimi tal-kapaċità fiżika u mentali sabiex jinsaqu tali vetturi.”

6

Skont il-premessa 13 tal-istess direttiva, l-introduzzjoni ta’ kategorija ta’ liċenzji tas-sewqan għaċ-ċiklomuturi (mopeds) għandha, b’mod partikolari, iżżid is-sigurtà fit-toroq fir-rigward tal-iżgħar sewwieqa li, skont l-istatistiċi, jintlaqtu l-agħar fl-inċidenti tat-toroq.

7

Il-premessa 16 tad-Direttiva 2006/126 hija fformulata kif ġej:

“Il-mudell ta’ liċenzja tas-sewqan kif stabbilit fid-Direttiva 91/439/KEE [tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317)] għandu jiġi sostitwit b’mudell singolu fil-forma ta’ karta tal-plastik. Fl-istess waqt, dan il-mudell ta’ liċenzja tas-sewqan jeħtieġ li jiġi adattat minħabba l-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ liċenzji tas-sewqan għaċ-ċiklomuturi u ta’ kategorija ġdida ta’ liċenzji tas-sewqan għall-muturi.”

8

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kategoriji, definizzjonijiet u età minima”, jipprevedi:

“1.   Il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s-sewqan ta’ vetturi b’mutur fil-kategoriji definiti aktar ’l isfel. Hija tista’ tinħareġ mill-età minima indikata għal kull kategorija. ‘Vettura b’mutur’ tfisser kwalunkwe vettura, barra vettura li timxi fuq linji ta’ ferrovija, bi propulsjoni awtonoma li timxi fuq it-triq permezz tal-qawwa tagħha stess.

2.   Ċiklomuturi (mopeds):

Kategorija AM

Vetturi b’żewġ jew tliet roti b’veloċità proġettata massima li ma taqbiżx il-45 km/siegħa, kif definiti fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Marzu 2002 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta [u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 399)] (esklużi dawk b’veloċità proġettata massima li tkun taħt jew ugwali għal 25 km/siegħa), u kwadriċikli ħfief kif definiti fl-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2002/24/KE;

l-età minima għall-Kategorija AM hija ta’ 16-il sena.

[…]”

9

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/126, intitolat “Ħruġ, validità u tiġdid”, jipprovdi:

“1.   Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

a)

li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

b)

li jkunu għaddew minn test teoriku fir-rigward tal-Kategorija AM biss; l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-applikanti jgħaddu minn test ta’ ħila u ta’ komportament kif ukoll minn eżami mediku għal din il-kategorija.

Għal triċikli u kwadriċikli f’din il-kategorja l-Istati Membri jistgħu jimponu test distintiv ta’ ħila u ta’ komportament. Għad-differenzjazzjoni ta’ vetturi fil-Kategorija AM, jista’ jiġi inserit kodiċi nazzjonali fil-liċenzja;

[…]”

10

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ekwivalenzi bejn mudelli ta’ liċenzja mhux Komunitarji” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Bil-kunsens tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenzi bejn id-drittijiet miksuba qabel l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-kategoriji definiti fl-Artikolu 4.

Wara li jikkonsultaw il-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kull aġġustament fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li jkun meħtieġ bil-għan li jimplementaw id-dispożizzjoniiet ta’ l-Artikolu 11(4), (5) u (6).

2.   Kull dritt ta’ sewqan mogħti qabel 19 ta’ Januar 2013 ma għandux jitneħħa jew bi kwalunkwe mod kwalifikat bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

11

L-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2006/126, intitolat “Traspożizzjoni”, jobbliga lilll-Istati Membri, minn naħa, li jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li dan jelenka, fosthom l-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 7(1)(b), u l-Artikolu 13 tagħha, mhux iktar tard mid-19 ta’ Jannar 2011, u, min-naħa l-oħra, li japplikaw id-dispożizzjonijiet trasposti mid-19 ta’ Jannar 2013.

Id-dritt Rumen

12

Il-legea nr. 203/2012 pentru modificarea şi completarea Ordonanţei de urgenţă a Guvernului nr. 195/2002 privind circulaţia pe drumurile publice (Liġi Nru°203/2012 li temenda u tikkompleta d-digriet b’urġenza tal-Gvern Nru 195/2002 dwar it-traffiku fit-toroq pubbliċi, Monitorul Oficial al României, Nru°760, tat-12 ta’ Novembru 2012), li ttrasponiet ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 fid-dritt Rumen, ilha applikabbli mid-19 ta’ Jannar 2013. Din il-liġi emendat l-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 195/2002 privind circulația pe drumurile publice (digriet b’urġenza tal-Gvern Nru 195/2002 dwar it-traffiku fit-toroq pubbliċi, Monitorul Oficial al României, parti I, Nru°670, tat-3 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru°195/2002”), kif ukoll ir-regolament ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet b’urġenza, kif approvat mill-Hotărârea Guvernului Nru 1391/2006 (deċiżjoni tal-Gvern Nru 1391/2006, Monitorul Oficial al României, parti I, Nru°876, tas-26 ta’ Ottubru 2006).

13

Sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 160 u 161 tar-regolament ta’ applikazzjoni tal-OUG Nru 195/2002 li kienu jirrigwardaw il-mopeds, tħassru.

14

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 203/2012, ir-regolament ta’ applikazzjoni tal-OUG Nru 195/2002 kien jipprevedi, fl-Artikolu 160(2) tiegħu, li, “[i]l-persuni li ma għandhomx liċenzja tas-sewqan jistgħu jsuqu mopeds fit-toroq pubbliċi biss jekk dawn jistgħu juru li kkompletaw kors dwar il-kodiċi tat-triq fi ħdan stabbiliment awtorizzat ta’ taħriġ għas-sewwieqa ta’ vetturi bil-mutur”.

15

L-Artikolu 161(2) ta’ dan ir-regolament ta’ applikazzjoni kien jippreċiża, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 203/2012, li “[m]eta jsuqu fit-toroq pubbliċi, iċ-ċiklisti huma marbuta li jżommu fuqhom il-karta ta’ identità tagħhom u s-sewwieqa tal-mopeds għandhom barra minn hekk iżommu fuqhom l-attestazzjoni ta’ taħriġ tagħhom fil-leġiżlazzjoni tat-triq u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-vettura”.

16

Il-punti 6 u 21 tal-Artikolu 6 tal-OUG Nru 195/2002 jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “vettura bil-mutur” u ta’ “moped”. Dawn jiddikjaraw, minn naħa, li “il-mopeds […] huma kkunsidrati bħala vetturi bil-mutur” u, min-naħa l-oħra, li l-kwadriċikli ħfief “[h]uma ekwivalenti għal mopeds”.

17

L-Artikolu 20(1) sa (3) tal-OUG Nru 195/2002 huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Sabiex isuqu vetturi bil-mutur fit-toroq pubbliċi, trammijiet, tractors użati esklużivament fl-ażjendi agrikoli jew fil-foresterija jew makkinarju li jaħdem waħdu, is-sewwieqa tagħhom għandhom ikollhom liċenzja tas-sewqan adattata.

(2)   Il-liċenzji tas-sewqan jinħarġu għall-kategoriji ta’ vetturi li ġejjin: AM […].”

(3)   Il-kategoriji ta’ vetturi previsti fil-paragrafu 2 li għalihom tinħareġ liċenzja tas-sewqan huma deskritti fl-Anness 1”.

18

L-Anness 1 tal-OUG Nru 195/2002 jelenka l-kategoriji ta’ vetturi li għalihom tinħareġ liċenzja tas-sewqan, konformement mal-Artikolu 20(2) ta’ dan tal-aħħar. Il-punt (a) tal-imsemmi anness jiddefinixxi l-“kategorija AM” bħala li tipprevedi l-“mopeds”.

19

Skont l-Artikolu 23(1) u (9) tal-OUG Nru 195/2002:

“(1)   Id-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur […] fit-toroq pubbliċi jingħata esklużivament lid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan valida, li tikkorrispondi mal-kategorija li tinkludi l-vettura, jew lil kull persuna li tista’ tipprova, bħala sostituzzjoni, dokument li jawtorrizzaha sabiex issuq fit-toroq pubbliċi.

[…]

(9)   L-eżami ta’ kisba tal-liċenzja tas-sewqan jikkonsisti f’test tat-teorija li jivverifika l-konoxxenzi u f’test prattiku ta’ verifika tal-kapaċitajiet u tal-aġir, li jikkorrispondu mal-kategorija ta’ liċenzja mitluba. It-test ta’ prattika għall-kategorija AM jikkonsisti biss fil-verifika tal-kapaċitajiet ta’ sewqan f’angoli irranġati b’mod speċjali. Il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-liċenzja tas-sewqan huma stabbiliti permezz ta’ regolament”.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

C. Popescu huwa detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal kwadriċiklu ħafif tat-trade mark Aixam, ikklassifikat bħala vettura fil-kategorija L6e, ekwivalenti għal moped, kif ukoll ta’ attestazzjoni li tiċċertifika li huwa kkompleta kors fil-kodiċi tat-triq għas-sewqan tal-mopeds fit-toroq pubbliċi. L-imsemmija dokumenti, li nħarġulu matul is-sena 2010, kienu jippermettulu sabiex isuq vettura bħal tiegħu, konformement mal-Artikoli 160 u 161 tar-regolament ta’ applikazzjoni tal-OUG Nru 195/2002 fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-19 ta’ Jannar 2013.

21

Mid-19 ta’ Jannar 2013, is-sewqan tal-mopeds fit-toroq pubbliċi, jew ta’ vetturi ekwivalenti, ġie suġġett fir-Rumanija għall-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan, abbażi tal-Liġi Nru 203/2012, li emendat l-OUG Nru 195/2002 sabiex tittrasponi fid-dritt nazzjonali ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126.

22

C. Popescu ppreżenta rikors kontra diversi awtoritajiet nazzjonali, quddiem il-Curtea de Apel București (qorti tal-appell ta’ Bucharest, ir-Rumanija), sabiex id-dritt tiegħu għas-sewqan tal-mopeds fit-toroq pubbliċi, li kien kiseb qabel id-19 ta’ Jannar 2013, jiġi rrikonoxxut wara din id-data, mingħajr ma jkollu jwettaq formalitajiet supplimentari, u sabiex dokument li jiċċertifika dan id-dritt jinħariġlu mill-awtorità kompetenti. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa allega li l-leġiżlazzjoni ġdida, li tirriżulta mil-Liġi Nru 203/2012, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

23

Billi C. Popescu qajjem ukoll eċċezzjoni ta’ inkostituzzjonalità fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 195/2002 kif emendat bil-Liġi Nru 203/2012, il-Curtea de Apel București (qorti tal-appell ta’ Bucharest) adixxiet lill-Curtea Constituțională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija).

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2013, din il-qorti, filwaqt li ppreċiżat li l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni kienet tmur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha u li din il-prerogattiva tappartjeni esklużivament lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inkostituzzjonalità bħala infondata, minħabba li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija minn C. Popescu kienu konformi mal-Kostituzzjoni Rumena.

25

Fuq il-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, il-Curtea de Apel București (qorti tal-appell ta’ Bucharest) iddikjarat ir-rikors ta’ C. Popescu bħala inammissibbli.

26

C. Popescu ppreżenta appell quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (qorti għolja tal-kassazzjoni u tal-ġustizzja, ir-Rumanija), filwaqt li sostna li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 203/2012 ma humiex konformi mal-premessa 5 u mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126, skont liema ebda dritt ta’ sewqan maħruġ qabel id-19 ta’ Jannar 2013 ma għandu jitneħħa jew bi kwalunkwe mod jinkludi restrizzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

27

Bħala difiża, l-Inspectoratul General al Poliției Române (l-ispettorat ġenerali tal-pulizija Rumen) sostna li l-emendi mwettqa fl-OUG Nru 195/2002 bil-Liġi Nru 203/2012, li jikkonsistu li s-sewqan ta’ moped ikun suġġett għall-kisba ta’ liċenzja, kienu mmotivati mill-għan li titjieb is-sigurtà fit-toroq, billi jitnaqqas in-numru u l-konsegwenzi tal-inċidenti fit-triq li jinvolvu l-mopeds permezz tar-rekwiżit li s-sewwieqa jiksbu l-konoxxenzi teoretiċi u l-kapaċitajiet prattiċi neċessarji matul taħriġ adattat.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (qorti għolja tal-kassazzjoni u tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 […] jippermettu lir-Rumanija li tobbliga lix-xufiera ta’ mopeds, detenturi ta’ dokument uffiċjali li jagħtihom id-dritt li jsuquhom fit-toroq pubbliċi qabel id- 19 ta’ Jannar 2013, li jiksbu liċenzja tas-sewqan billi jgħaddu minn testijiet jew eżamijiet simili għal dawk li jsiru għall-vetturi bil-mutur l-oħra sabiex ikunu jistgħu jkomplu jsuqu l-mopeds wara d-19 ta’ Jannar 2013?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata fid-dawl tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt intern, li ttemm l-awtorizzazzjoni ta’ sewqien ta’ mopeds mingħajr li s-sewwieqa jkunu detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan, fejn il-ħruġ tagħha huwa suġġett li d-detenturi jgħaddu minn testijiet jew eżamijiet simili għal dawk meħtieġa għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur oħrajn.

30

L-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-ebda dritt tas-sewqan maħruġ qabel id-19 ta’ Jannar 2013 ma għandu jitneħħa jew jinkludi kwalunkwe restrizzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva u l-premessa 5 ta’ din tal-aħħar tiddikjara li din ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet tas-sewqan eżistenti jew miksuba qabel id-data ta’ applikazzjoni tagħha.

31

F’dan ir-rigward, C. Popescu jsostni li, fl-adozzjoni tal-Liġi Nru 203/2012 li tittrasponi fid-dritt Rumen id-Direttiva 2006/126, ma setgħux jiġu ppreġudikati d-drittijiet tas-sewqan eżistenti, miksuba qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal kull awtorizzazzjoni għas-sewqan li ġiet irrikonoxxuta, anki mingħajr is-sostenn ta’ att formali, minn Stat Membru u mhux biss l-awtorizzazzjonijiet li seħħew permezz tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan jew att ta’ natura ekwivalenti.

32

C. Popescu jibbaża dawn il-kunsiderazzjonijiet, b’mod partikolari, fuq il-formulazzjoni tal-verżjoni fil-lingwa Rumena ta’ din id-dispożizzjoni, li fiha tidher il-frażi “drept ta conducere acordat” li tinkludi t-terminu “drept” li normalment jirreferi għad-dritt fih innifsu u mhux għad-dokument li jiċċertifika dritt mogħti, kif ukoll il-kelma “acordat” li tfisser litteralment “mogħti” u tista’ tirreferi kemm għal dritt kif ukoll għal dokument li jiċċertifika dan id-dritt.

33

Min-naħa l-oħra, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni letterali tal-espressjoni “droit de conduire délivré”, li tidher fil-verżjoni Franċiża, b’mod partikolari fir-rigward tat-tifsira komuni tat-terminu “mogħti”, tista’ tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126 timplika li huma biss l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi għas-sewqan li jirriżultaw minn att li jkun inħareġ b’mod formali, ġeneralment fil-forma ta’ att amministrattiv individwali, qabel id-19 ta’ Jannar 2013, li ma humiex affettwati, skont din id-dispożizzjoni, mir-rekwiżiti li jinsabu f’din id-direttiva.

34

Għalhekk, jidher li jeżistu diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126.

35

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Edilizia Mastrodonato, C‑147/15, EU:C:2016:606, punt 29, u tat-22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 58).

36

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2006/126, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar tistabbilixxi mudell uniku Komunitarju ta’ liċenzji tas-sewqan intiż sabiex jissostitwixxi d-diversi liċenzji tas-sewqan eżistenti fl-Istati Membri u introduċiet kategorija ġdida ta’ liċenzja tas-sewqan għall-mopeds. Hija għalhekk tistabbilixxi u tiddefinixxi, fl-Artikolu 4 tagħha, il-kategoriji differenti ta’ liċenzji tas-sewqan li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri, li kull wieħed minnhom iddefinixxa l-kategoriji proprji tiegħu ta’ liċenzji tas-sewqan, għandhom jistabbilixxu ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 40).

37

Issa, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ekwivalenzi bejn mudelli ta’ liċenzja mhux Komunitarji” u li fih tinsab l-espressjoni “dritt ta’ sewqan mogħti” inkwistjoni, huwa intiż biss sabiex jirregola l-kwistjoni tal-ekwivalenzi bejn id-drittijiet miksuba qabel l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva u l-kategoriji differenti ta’ liċenzji tas-sewqan iddefiniti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 41), jiġifieri bejn il-kategoriji differenti ta’ liċenzji tas-sewqan stabbiliti mill-Istati Membri u dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 2006/126.

38

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjoni inkwistjoni tikkonċerna biss l-ekwivalenzi bejn il-liċenzji tas-sewqan il-qodma u l-mudell uniku Komunitarju ġdid.

39

Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-eżami tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2006/126, li minnhom jirriżulta li l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva ġie miżjud fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, li ġġustifika din iż-żieda billi ppreċiża li “l-bidla tal-liċenzji tas-sewqan il-qodma” ma kellha fl-ebda każ tirriżulta f’telf jew f’restrizzjoni tad-drittijiet miksuba f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni għas-sewqan ta’ diversi kategoriji ta’ vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Hofmann,C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 42).

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iskop tad-Direttiva 2006/126, għandu jitfakkar li din tal-aħħar għandha b’mod partikolari bħala għan it-titjib tas-sigurtà fit-toroq, kif jikkonfermaw il-premessi 2, 8 u 13 tagħha.

41

Fil-fatt, skont il-premessa 2 ta’ din id-direttiva, ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq. Il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tiddikjara li, “[g]ħall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan”. Skont il-premessa 13 tal-istess direttiva, “[l]-introduzzjoni ta’ kategorija ta’ liċenzji tas-sewqan għaċ-ċiklomuturi (mopeds) għandha, b’mod partikolari, iżżid is-sigurtà fit-toroq fir-rigward ta’ l-iżgħar sewwieqa, li skond l-istatistiċi, jintlaqtu l-agħar bl-inċidenti fit-toroq”.

42

F’din il-perspettiva, filwaqt li l-mopeds ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/439, id-Direttiva 2006/126, li ssostitwixxietha, estendiet dan il-kamp ta’ applikazzjoni u introduċiet ir-rekwiżit ta’ liċenzja tas-sewqan għal din it-tip ta’ vettura.

43

Mid-19 ta’ Jannar 2013, l-Istati Membri kienu obbligati li jistabbilixxu kategorija ġdida ta’ liċenzja tas-sewqan għall-mopeds, skont l-Artikolu 16(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li huma japplikaw il-leġiżlazzjoni adottata sabiex jiġu trasposti dawn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Tali liċenzji jinħarġu konformement mal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2006/126, lill-applikanti li jkunu għaddew minn test teoretiku, u jekk il-leġiżlatur nazzjonali jkun iddeċieda hekk, ikunu għaddew minn eżami prattiku u/jew eżami mediku.

44

Ma jistax jiġi miċħud li dan ir-rekwiżit li sewwieqa ta’ mopeds jiksbu konoxxenzi teoretiċi u, eventwalment, kompetenzi prattiċi jippermetti li jiġi żgurat livell ogħla ta’ sigurtà fit-toroq. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-neċessità tal-kisba minn qabel ta’ liċenzja tas-sewqan jagħmel possibbli l-applikazzjoni għal dawn tal-aħħar, fil-każ ta’ ksur tal-kodiċi tat-triq, dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-irtirar, tas-sospensjoni, ta’ tiġdid u tal-kanċellament ta’ liċenzja tas-sewqan.

45

Konsegwentement, kif irrilevaw ġustament il-Gvern Rumen u l-Gvern Slovakk fl-osservazzjonijiet tagħhom, interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126, li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jwebbsu l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għas-sewqan ta’ mopeds fit-toroq pubbliċi li kienet teżisti qabel id-19 ta’ Jannar 2013, tipprekludi li jintlaħaq l-għan tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

46

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li kemm mill-interpretazzjoni sistematika kif ukoll mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2006/126 jirriżulta li l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jirreferi biss għad-detenzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan u ta’ dokumenti uffiċjali ekwivalenti għalihom li jawtorizzaw espressament lid-detentur għas-sewqan tagħhom.

47

Fir-rigward b’mod partikolari tal-fatti fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li C. Popescu kien ġie awtorizzat li jiċċirkula fir-Rumanija, qabel id-19 ta’ Jannar 2013, b’vettura li taqa’ taħt il-kategorija ta’ mopeds, fil-kwalità tiegħu bħala detentur ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ kwadriċiklu, ekwivalenti għal moped, u ta’ attestazzjoni li tiċċertifika li ġie kkompletat kors tal-kodiċi tat-triq għas-sewqan ta’ mopeds fit-toroq pubbliċi. Peress li ma huwiex detentur ta’ liċenzja tas-sewqan jew ta’ dokument ekwivalenti, ma jistax għalhekk jinvoka l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva sabiex jiġi rrikonoxxut mill-awtorità Rumena kompetenti, id-dritt li jkompli juża mopeds fit-toroq pubbliċi mingħajr ma jwettaq formalitajiet supplimentari u jippreżenta dokument uffiċjali li jiċċertifika dan id-dritt.

48

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tingħata risposta għad-domanda li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata fid-dawl tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt intern, li ttemm l-awtorizzazzjoni ta’ sewqan ta’ mopeds mingħajr li s-sewwieqa jkunu detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan, li l-ħruġ tagħha huwa suġġett li d-detenturi jgħaddu minn testijiet jew eżamijiet simili għal dawk meħtieġa għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur oħrajn.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata fid-dawl tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt intern, li ttemm l-awtorizzazzjoni ta’ sewqan ta’ mopeds mingħajr li s-sewwieqa jkunu detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan, li l-ħruġ tagħha huwa suġġett li d-detenturi jgħaddu minn testijiet jew eżamijiet simili għal dawk meħtieġa għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur oħrajn.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen