Kawża C‑601/15 PPU

J. N.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali — Direttiva 2008/115/KE — Soġġorn legali — Direttiva 2013/32/UE — Artikolu 9 — Dritt li wieħed jibqa’ fi Stat Membru — Direttiva 2013/33/UE — Punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) — Detenzjoni — Protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku — Validità — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 6 u 52 — Limitazzjoni — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Frar 2016

  1. Drittijiet fundamentali — Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Strument mhux formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

    (Artikolu 6(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(3)

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali — Direttiva 2013/33 — Punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) — Detenzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika — Evalwazzjoni tal-validità tal-imsemmija dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Validità

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 6 u 52(1) u (3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikoli 8(3)(1)(e) u 9(1))

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Ċittadin li jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115 — Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, twassal għad-dekadenza tad-deċiżjoni ta’ ritorn adottat preċedentement — Inammissibbiltà — Obbligu li jiġi żgurat l-effett utli tad-Direttiva 2008/115 — Dmir ta’ lealtà

    (Artikolu 4(3) TUE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, premessa 4 u Artikolu 8, u 2013/33, Artikolu 8)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 45, 46)

  2.  Ma jeżisti ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, li jipprevedi l-possibbiltà li applikant jinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku, fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Fil-fatt, peress li l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku tikkostitwixxi għan li l-imsemmija dispożizzjoni tfittex li tilħaq, miżura ta’ detenzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni tissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubbliku tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà.

    F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt għal-libertà kkawżat minn miżura ta’ detenzjoni, id-detenzjoni ta’ applikant, meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku jeħtieġu hekk, hija, min-natura stess tagħha, miżura xierqa sabiex tipproteġi lill-pubbliku mill-periklu li jista’ jikkostitwixxi l-aġir ta’ tali persuna, u għalhekk tista’ tissodisfa l-għan li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jfittex li jilħaq. Barra minn hekk, kemm mill-formulazzjoni u mill-kuntest kif ukoll mill-oriġini tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-possibbiltà, prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li applikant jinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku, hija suġġetta għall-osservanza ta’ serje ta’ kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jillimitaw strettament l-użu ta’ tali miżura. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi li applikant għandu jiġi ddetenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm iddetenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.

    Fl-aħħar nett, il-limitazzjoni stretta li għaliha hija suġġetta s-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jżommu applikant f’detenzjoni, abbażi tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, hija żgurata wkoll mill-interpretazzjoni, mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-kunċetti ta’ “sigurtà nazzjonali” u ta’ “ordni pubbliku” li jinsabu f’direttivi oħra u li tapplika wkoll fir-rigward tad-Direttiva 2013/33.

    Fil-fatt, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-taqlib għall-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

    Il-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” jkopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu. Għalhekk, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika.

    (ara l-punti 53-55, 57, 62, 64-66, 82 u d-dispożittiv)

  3.  Fil-kuntest ta’ ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil minn persuna li tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn għandha l-effett li tinvalida ipso jure kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn li tkun ġiet adottata preċedentement fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-effett utli tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, jeżiġi li proċedura mibdija abbażi ta’ din id-direttiva, li fil-kuntest tagħha tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn, li jekk ikun il-każ ikollha magħha projbizzjoni fuq id-dħul, tkun tista’ titkompla mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta minħabba l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malli din l-applikazzjoni tiġi miċħuda fl-ewwel istanza. Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati ma jikkompromettux it-twettiq tal-għan li din id-direttiva tal-aħħar tfittex li tilħaq, jiġifieri l-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’sitwazzjoni ta’ soġġorn illegali.

    F’dan ir-rigward, kemm mid-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri, li joħroġ mill-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll mir-rekwiżiti ta’ effettività msemmija b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva li, fis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jipproċedu għat-tneħħija għandu jitwettaq mill-iktar fis possibbli. Issa dan l-obbligu ma jiġix osservat jekk iseħħ dewmien fit-tneħħija minħabba l-fatt li, wara li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, proċedura bħal dik deskritta iktar ’il fuq ikollha titkompla mhux mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta, iżda mill-bidu tagħha.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li bl-adozzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, li jipprevedi l-possibbiltà li applikant jinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ protezzjoni li toffri t-tieni frażi tal-Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tawtorizza d-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.

    (ara l-punti 75-78)