SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Settembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(b)(i) – Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Persuna impjegata fi Stat Membru u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor matul leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur”
Fil-Kawża C-569/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura
X
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) u tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1)(iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) rigward avviż ta’ taxxa abbażi tat-taxxa fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71: “Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:
|
4 |
L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “[L]-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin: […]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 |
Mill-1 ta’ Marzu 2006, X, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, jirrisjedi u jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ persuna li timpjega stabbilita f’dan l-istess Stat Membru. |
7 |
X u l-persuna li timpjegah ftehmu li dan jieħu leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur, minn Diċembru 2008 sa’ Frar 2009 inkluż. F’ittra tat-12 ta’ Novembru 2008, il-persuna li timpjegah fassal it-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għar-relazzjoni ta’ impjieg matul dan il-perijodu ta’ leave. Fihom, dan ippreċiża b’mod partikolari li l-kuntratt tax-xogħol kien ser jibqa’ fis-seħħ matul dan il-leave u li X kien ser ikompli jaqdi d-doveri regolari tiegħu fl-1 ta’ Marzu 2009. |
8 |
Minn Diċembru 2008 sa Frar 2009, X qagħad l-Awstrija fejn kien impjegat bħala għalliem tal-iskijjar għal persuna li timpjega differenti stabbilita f’dan l-Istat Membru. |
9 |
Matul is-snin segwenti, X ma ħax leave mingħajr ħlas. Madankollu, mill-informazzjoni li l-amministrazzjoni fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi kisbet mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi jirriżulta li, għas-sena fiskali 2010, il-persuna interessata kienet tidher darbtejn fir-reġistri tas-sigurtà soċjali Awstrijaċi bħala ħaddiem. L-istess japplika għas-snin fiskali 2011 sa 2013 inkluża, li għalihom huwa mniżżel f’dawn ir-reġistri darba fis-sena għal perijodu ta’ madwar ġimgħa jew ġimagħtejn. |
10 |
It-tilwima bejn X u s-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi tikkonċerna l-istima tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għas-sena finanzjarja 2009. B’mod partikolari, din tirrigwarda l-kwistjoni jekk matul Jannar u Frar 2009, X kienx assigurat fuq bażi obbligatorja taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi u għalhekk kienx obbligat li jħallas kontribuzzjonijiet. |
11 |
Il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (qorti tal-appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), fl-appell kontra s-sentenza tar-Rechtbank Gelderland (qorti distrettwali, Gelderland) iddeċidiet li r-relazzjoni ta’ impjieg bejn X u l-persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi kompliet matul il-perijodu tal-leave mingħajr ħlas u li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet tapplika wkoll matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar 2009. |
12 |
X ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
13 |
Kien f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
14 |
Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tirrisjedi u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru u li, matul perijodu ta’ tliet xhur, tieħu leave mingħajr ħlas u teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhiex titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
15 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 14(2) jikkostitwixxu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jissuġġettaw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea għal sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi evitat li jkunu applikabbli diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
16 |
L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li persuna li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anki jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 30). |
17 |
Dan il-prinċipju huwa madankollu fformolat “[suġġett] għall-Artikoli 14 sa 17” tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari, l-applikazzjoni pura u sempliċi tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament tirriskja mhux li tevita, iżda, b’mod kuntrarju, li toħloq, kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-organi ta’ sigurtà soċjali, kumplikazzjonijiet amministrattivi li l-effett tagħhom jista’ jkun li jostakolaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni koperti mill-imsemmi regolament (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 31). |
18 |
L-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 jipprovdi li l-persuna li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li din tirrisjedi fuq it-territorju tiegħu, jekk din teżerċita parti mill-attività tagħha fuq dan it-territorju. |
19 |
Minn din id-dispożizzjoni, li tidderoga mir-regola ġenerali ta’ rabta mal-Istat Membru tal-impjieg, jirriżulta li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna interessata teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar. |
20 |
Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ biss taqa’ taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 jekk il-persuna kkonċernata, li tingħata leave mingħajr ħlas ta’ diversi xhur mill-persuna li timpjegaha, li żżomm ir-relazzjoni ta’ xogħol, tista’ titqies, matul dan il-leave, li teżerċita attività mħallsa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ittieħed dan il-leave. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tas-sospensjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol waqt leave parentali, li persuna jkollha l-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tar-Regolament Nru°1408/71, minn meta din tkun assigurata, anki jekk dan ikun kontra riskju wieħed biss, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ma’ sistema ġenerali jew partikolari ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, u dan independentement mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer, C-543/03, EU:C:2005:364, punt 34). |
22 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71, diversament minn dawk li jinsabu fit-Titolu I, jirreferu għall-persuni li jeżerċitaw attività mħallsa jew mhux imħallsa u mhux għall-ħaddiema mħallsa jew mhux imħallsa, interpretazzjoni loġika u koerenti tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan ir-regolament u tas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi implementata minnu teħtieġ interpretazzjoni tal-kunċetti inkwistjoni tat-Titolu II tar-regolament imsemmi fid-dawl tad-definizzjonijiet tal-Artikolu 1(a) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck, C-340/94, EU:C:1997:43, punt 22, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 1997, Hervein u Hervillier, C-221/95, EU:C:1997:47, punt 20). |
23 |
Konsegwentement, l-istess kif il-kwalifika bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha ta’ ħaddiem, fis-sens tar-Regolament Nru°1408/71, tirriżulta mis-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali li magħha huwa msieħeb dan il-ħaddiem, b’“impjieg [attività mħallsa]” u “impjieg għal rashom” fis-sens tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71, għandu jinftiehem l-attivitajiet li jitqiesu hekk mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jiġu eżerċitati dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck, C-340/94, EU:C:1997:43, punt 23, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 1997, Hervein u Hervillier, C-221/95, EU:C:1997:47, punt 21). |
24 |
Bl-istess mod, sa fejn persuna żżomm il-kwalità ta’ ħaddiem impjegat matul il-perijodu ta’ leave mingħajr ħlas li jingħatalha mill-persuna li timpjegaha, huwa possibbli li jitqies li din il-persuna teżerċita attività mħallsa fis-sens tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71 minkejja s-sospensjoni tal-obbligi prinċipali li jirriżultaw minn din ir-relazzjoni ta’ xogħol matul dan il-perijodu ddeterminat. |
25 |
B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali tipprovdi, skont il-qorti tar-rinviju, li persuna li tieħu leave mingħajr ħlas matul diversi xhur tibqa’ teżerċita attività mħallsa matul dan il-perijodu ta’ leave, din il-persuna titqies, matul il-perijodu msemmi, li teżerċita attività mħallsa fis-sens tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71 fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jittieħed dan il-leave. |
26 |
F’tali każ, jekk il-persuna kkonċernata teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor matul dan il-perijodu, is-sitwazzjoni tagħha tkun tista’ tidħol taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71, kemm-il darba l-attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru jkollhom natura abitwali u sinjifikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, X, C-570/15, punt 19). |
27 |
Sabiex tiġi evalwata n-natura abitwali u sinjifikanti tal-attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru matul dan il-perijodu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul tal-perijodi ta’ attività u n-natura tax-xogħol imħallas kif iddefiniti fid-dokumenti kuntrattwali, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-realtà tal-attivitajiet eżerċitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, X, C-570/15, punt 21). |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-attività mħallsa eżerċitata fl-Awstrija mill-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ tliet xhur inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex natura abitwali u sinjifikanti, filwaqt li ċ-ċirkustanza li din il-persuna eżerċitatx jew le tali attività wara dan il-perijodu hija irrilevanti f’dan ir-rigward. |
29 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tirrisjedi u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru u li, matul perijodu ta’ tliet xhur, tieħu leave mingħajr ħlas u teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm-il darba, minn naħa, matul dan il-perijodu ta’ leave, din titqies li teżerċita attività mħallsa mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru u li, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata fit-territorju tat-tieni Stat Membru jkollha natura abitwali u sinjifikanti, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru°1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tirrisjedi u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru u li, matul perijodu ta’ tliet xhur, tieħu leave mingħajr ħlas u teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm-il darba, minn naħa, matul dan il-perijodu ta’ leave, din titqies li teżerċita attività mħallsa mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru u li, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata fit-territorju tat-tieni Stat Membru jkollha natura abitwali u sinjifikanti, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.