SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

2 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 2011/83/UE — Artikolu 21 — Komunikazzjoni permezz tat-telefon — Użu ta’ linja tat-telefon minn kummerċjant sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkuntattjah fir-rigward ta’ kuntratt konkluż — Projbizzjoni milli tiġi applikata tariffa ogħla mit-tariffa bażika — Kunċett ta’ ‘tariffa bażika’”

Fil-Kawża C‑568/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2015, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2015, fil-kawża

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

vs

comtech GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV, minn M. Ross u M. Hammer, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u K. Mickutė, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. J. Langer u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV, assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri assoċjazzjonijiet u impriżi, u comtech GmbH, kumpannija Ġermaniża li għandha bħala attività il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti elettroniċi u elettriċi, fir-rigward tat-tariffa għat-telefonati li din il-kumpannija titlob fil-kuntest tas-servizz tagħha ta’ wara l-bejgħ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

4

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

f)

l-ispiża tal-użu tal-mezz tal-komunikazzjoni mill-bogħod għall-konklużjoni tal-kuntratt meta tali kost huwa kkalkolat fuq bażi differenti mit-tariffa bażika;

[…]”

5

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva:

“Il-kummerċjant għandu jagħti rimbors għall-pagamenti kollha li rċieva mingħand il-konsumatur, inkluż jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tal-kunsinna mingħajr dewmien mhux dovut u f’kull każ mhux aktar tard minn 14-il jum minn dak li fih ikun infurmat bid-deċiżjoni tal-konsumatur li jirreċedi mill-kuntratt skont l-Artikolu 11.”

6

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/83 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-kummerċjanti milli jimponu lill-konsumaturi, fir-rigward tal-użu ta’ mezz speċifiku ta’ pagament, tariffi li jaqbżu dawk imġarrba mill-kummerċjant għall-użu tat-tali mezzi.”

7

L-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Komunikazzjoni bit-telefon”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fejn il-kummerċjant juża linja telefonika għall-iskop li jikkuntattja lill-konsumatur bit-telefon dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur mhuwiex marbut iħallas aktar mit-tariffa bażika, meta jikkuntattja lill-kummerċjant.

L-ewwel subparagrafu […] huwa bla ħsara għad-dritt tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li japplikaw tariffa għal dawn it-telefonati.”

Id-dritt Ġermaniż

8

Il-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili) jiddikjara fl-Artikolu 312a tiegħu, intitolat “Obbligi u prinċipji ġenerali applikabbli għall-kuntratti konklużi minn konsumaturi; limiti tal-Ftehim ta’ Remunerazzjoni”:

“[…]

(5)

Kwalunkwe ftehim li jobbliga lill-konsumatur iħallas remunerazzjoni b’korrispettiv tat-telefonata li huwa jagħmel lill-kummerċjant permezz ta’ numru li dan tal-aħħar iqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jirrispondi l-mistoqsijiet jew jipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-kuntratt li huma kkonkludew huwa null meta r-remunerazzjoni miftiehma teċċedi r-remunerazzjoni dovuta fir-rigward tas-sempliċi użu tas-servizz tat-telekomunikazzjoni. Jekk skont l-ewwel sentenza l-ftehim huwa null, il-konsumatur lanqas ma għandu jħallas lill-fornitur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni korrispettiv għat-telefonata. Il-fornitur tas-servizz tat-telekomunikazzjoni għandu d-dritt jitlob lill-kummerċjant li kkonkluda l-ftehim ivvizzjat b’nullità mal-konsumatur remunerazzjoni li tikkorrispondi għal sempliċi użu ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fis-sit internet tagħha, comtech tesponi numru tat-telefon li jippermetti li persuna jkollha aċċess għal servizz ta’ assistenza, b’mod partikolari għal klijenti li diġà kkonkludew kuntratt ta’ xiri u li jixtiequ jiksbu informazzjoni jew jippreżentaw ilment. Dan in-numru tat-telefon jibda bil-prefiss 0180, ġeneralment użat, fil-Ġermanja, għal servizzi ta’ assistenza suġġetti għal tariffa nazzjonali. Il-prezz ta’ telefonata lejn dan in-numru, imsejjaħ “mhux ġeografiku”, hija ogħla minn dik ta’ telefonata standard lejn numru ta’ linja fissa, imsejjaħ “ġeografiku”, jew lejn numru ta’ telefon mobbli. Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-prezz ta’ telefonata lejn in-numru tat-telefon ta’ comtech li jibda bil-prefiss 0180 huwa ta’ EUR 0.14 kull minuta min-netwerk tat-telefon fiss u ta’ EUR 0.42 kull minuta minn netwerk tat-telefon mobbli.

10

Skont Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ linja tat-telefon ta’ assistenza b’tariffa ogħla minn dak tat-telefonati standard jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali, bi ksur tal-Artikolu 312a(5) tal-kodiċi ċivili. Għal din ir-raġuni, hija ordnat lil comtech sabiex ittemm il-prattika kkontestata u ressqitha quddiem il-Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja).

11

Quddiem din il-qorti, comtech sostniet li l-Artikolu 312a(5) tal-kodiċi ċivili, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 jimponi li l-kummerċjant ikkonċernat ma jagħmilx qligħ permezz ta’ linja ta’ assistenza bit-telefon. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, għalhekk, li t-tariffa tat-telefonati lejn linja ta’ assistenza tkun ogħla minn dik tat-telefonati msejħa “standard”, u dan sabiex il-kummerċjant jikkumpensa l-ispejjeż sostnuti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-linja, mingħajr madankollu ma jagħmel qligħ minnha.

12

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni dovuta fir-rigward tas-sempliċi użu tas-servizz tat-telekomunikazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 312a(5) tal-kodiċi ċivili, hija neċessarja. Peress li t-tariffi tal-linji tat-telefon ta’ assistenza bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal armonizzazzjoni fuq livell Ewropew, skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, hemm ukoll lok li jiġi interpretat dan l-aħħar artikolu. Issa, dan jipprevedi, skont din il-qorti, li l-konsumatur ma għandux obbligu jħallas iktar mit-tariffa bażika għal kuntatt bit-telefon li jseħħ wara l-konklużjoni ta’ kuntratt.

13

Skont din il-qorti, il-leġiżlatur Ġermaniż kellu bħala għan li jevita li l-kummerċjant jagħmel qligħ mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ linja ta’ assistenza mhux ġeografika. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 u, għalhekk, tal-Artikolu 312a(5) tal-kodiċi ċivili ma teskludix li l-konsumatur iħallas iktar għal telefonata lejn linja mhux ġeografika meta mqabbel ma’ telefonata standard, bil-kundizzjoni li d-dħul korrispondenti ma jeċċedix l-ispiża għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali linja.

14

Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” minn dik esposta fil-punt preċedenti hijiex meħtieġa, sabiex jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni ogħla tal-konsumaturi. F’dan il-każ, l-assenza ta’ profitt ma hijiex suffiċjenti, ġaladarba t-telefonati lejn linja bħal dik f’din il-kawża jistgħu dejjem ikunu ogħla minn dawk lejn linji standard. Il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 21 kif ukoll l-għan tiegħu imorru fis-sens ta’ tali interpretazzjoni.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Stuttgart (qorti reġjonali ta’ Stuttgart) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva [2011/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konsumatur jikkuntattja lill-kummerċjant bit-telefon, fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun qiegħed linja telefonika għad-dispożizzjoni tal-konsumatur sabiex dan ikun jista’ jikkuntattjah dwar il-kuntratt konkluż, l-ispejjeż li jiġu ffatturati lill-konsumatur ma jistgħux jaqbżu l-prezz li kien ikollu jħallas għal telefonata standard lejn numru tal-linja fissa (ġeografiku) jew mobbli?

2)

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva [2011/83] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta l-kummerċjant ikun qiegħed servizz ta’ assistenza b’numru tat-telefon speċjali (bil-prefiss 0180) għat-telefonati dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur għandu jħallas l-ispejjeż li jiġu ffatturati lilu mill-fornitur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni bħala korrispettiv għall-użu tas-servizz ta’ telekomunikazzjoni, anki meta dawn l-ispejjeż jaqbżu l-prezz li kien ikollu jħallas għal telefonata standard lejn numru tal-linja fissa (ġeografiku) jew mobbli?

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva [2011/83], f’kull każ, għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma jostakolax tali dispożizzjoni nazzjonali meta l-fornitur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni ma jħallas lill-kummerċjant ebda parti mir-remunerazzjoni mħallsa mill-konsumatur bħala korrispettiv għat-telefonata lejn in-numru speċjali?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “tariffa bażika”, imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prezz ta’ telefonata fir-rigward ta’ kuntratt konkluż u lejn linja tat-telefon ta’ assistenza operata minn professjonist ma jistax jeċċedi l-prezz ta’ telefonata lejn linja tat-telefon fissa ġeografika jew mobbli standard, u jekk huwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, li l-kummerċjant jagħmilx qligħ jew le permezz ta’ din il-linja tat-telefon ta’ assistenza.

17

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, l-Istati Membri għandhom iħarsu sabiex, meta l-kummerċjant jopera linja tat-telefon biex jiġi kkuntattjat fir-rigward ta’ kuntratt konkluż, il-konsumatur ma jkollux iħallas iktar mit-tariffa bażika għat-telefonati lejn din il-linja.

18

Issa, il-kunċett ta’ “tariffa bażika”, imsemmi f’dan l-artikolu, ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2011/83.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tifsira u l-portata ta’ dan il-kunċett għandhom jiġu stabbiliti konformement mat-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża l-imsemmi kunċett u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħha jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C‑412/15, EU:C:2016:738, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tat-tifsira abitwali tiegħu, il-kunċett ta’ “tariffa bażika” jindika t-tariffa prevista għal telefonata standard. Hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-kuntest u l-għan tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 jippermettux li jiġi kkonstatat li dan il-kunċett jintuża f’dan l-artikolu skont din it-tifsira abitwali.

21

Fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol dan l-artikolu, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “tariffa bażika” jinsab ukoll fl-Artikolu 6(1)(f) tal-imsemmija direttiva. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-kummerċjant għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur jekk l-ispiża tat-teknika ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għall-konklużjoni tal-kuntratt hijiex ikkalkolata skont rata li ma hijiex dik tat-tariffa bażika.

22

Fl-assenza ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-tariffa bażika msemmija f’din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-prezz standard ta’ komunikazzjoni abitwali mistenni mill-konsumatur u li ma jirrikjedix li l-kummerċjant jinforma lil dan tal-aħħar fir-rigward tal-prezz.

23

Anki jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83 jirrigwarda l-fażi prekuntrattwali, xorta jibqa’ l-fatt li din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” tinkludi indikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tal-istess kunċett, imsemmi fl-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, dwar il-fażi li tiġi wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, huwa importanti l-konsumatur ikun jista’ juża l-linja tat-telefon imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-kummerċjant billi jħallas prezzijiet normali, a fortiori wara l-konklużjoni tal-kuntratt, sabiex ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu.

24

Barra minn hekk, minn numru ta’ artikoli tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li, bħala prinċipju, ma huwiex il-konsumatur li għandu jsostni l-ispejjeż minbarra l-ispejjeż abitwali, jekk jeżerċita d-drittijiet tiegħu stabbiliti minn din id-direttiva, u li spejjeż addizzjonali eventwali għandhom, konsegwentement, jaqgħu fuq il-kummerċjant.

25

B’hekk, l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fir-rigward tal-użu ta’ mezz ta’ ħlas speċifiku, li “[l]-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-kummerċjanti milli jimponu lill-konsumaturi, fir-rigward tal-użu ta’ mezz speċifiku ta’ pagament, tariffi li jaqbżu dawk imġarrba mill-kummerċjant għall-użu tat-tali mezzi”.

26

L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, min-naħa tiegħu, li, fil-każ fejn il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rexissjoni, il-ħlasijiet kollha mwettqa minnu, inklużi l-ispejjeż ta’ kunsinna, għandhom jiġu rrimborsati lilu mill-kummerċjant. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tad-dritt ta’ rexissjoni, hekk kif kien jirriżulta fid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), li ppreċediet id-Direttiva 2011/83, li, bħala prinċipju, il-bejjiegħ ma għandux il-possibbiltà li jitlob kumpens mingħand il-konsumatur minħabba l-użu tal-beni akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod fil-każ fejn dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rexissjoni qabel l-iskadenza tat-termini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Messner, C‑489/07, EU:C:2009:502, punt 29). Barra minn hekk, kummerċjant ma huwiex awtorizzat jattribwixxi l-ispejjeż ta’ spedizzjoni tal-merkanzija lill-konsumatur, fil-każ fejn dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rexissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Heinrich Heine, C‑511/08, EU:C:2010:189, point 59).

27

Għalhekk, mill-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, jirriżulta li l-kunċett ta’ “tariffa bażika” jinkludi tariffa abitwali ta’ komunikazzjoni tat-telefon, mingħajr spejjeż addizzjonali għall-konsumatur.

28

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni tirrifletti wkoll l-għan, segwit mid-Direttiva 2011/83, li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, hekk kif imsemmi fil-premessi 3 sa 5 u 7 ta’ din id-direttiva kif ukoll fl-Artikolu 1 tagħha. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-politiki tal-Unjoni Ewropea hija stabbilita fl-Artikolu 169 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

29

Fil-fatt, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tariffa bażika” fis-sens li l-kummerċjanti jkunu awtorizzati jiffatturaw tariffi ogħla mit-tariffa ta’ komunikazzjoni standard lejn linja tat-telefon fissa ġeografika jew mobbli tkun tali li tiddiswadi lill-konsumaturi milli jużaw linja tat-telefon ta’ assistenza sabiex jiksbu informazzjoni relatata mal-kuntratt konkluż jew li jinvokaw id-drittijiet tagħhom f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, ta’ garanzija jew ta’ rexissjoni.

30

Il-fatt li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21, tad-Direttiva 2011/83, il-persuni li jipprovdu servizzi bit-telefon għandhom id-dritt jiffatturaw lill-konsumaturi t-telefonati huwa mingħajr effett fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, bil-kundizzjoni li l-ammonti ffatturati ma jeċċedux il-prezzijiet abitwali li dawn tal-aħħar ikunu ħallsu għal telefonata standard.

31

Għalhekk il-kummerċjant jista’ jattribwixxi lill-konsumatur biss l-ispejjeż li ma jeċċedux l-ispiża ta’ komunikazzjoni bit-telefon standard. B’hekk, sakemm dan il-limitu jiġi osservat, iċ-ċirkustanza li l-kummerċjant jagħmilx qliegħ jew le billi juża linja ta’ assistenza mhux ġeografika hija nieqsa minn rilevanza.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “tariffa bażika”, imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz ta’ telefonata fir-rigward ta’ kuntratt konkluż u lejn linja tat-telefon ta’ assistenza operata minn kummerċjant ma jistax jeċċedi l-prezz ta’ telefonata lejn linja tat-telefon fissa ġeografika jew mobbli standard. Sakemm dan il-limitu jiġi osservat, iċ-ċirkustanza li l-kummerċjant ikkonċernat jagħmilx qliegħ jew le permezz ta’ din il-linja tat-telefon ta’ assistenza hija nieqsa minn rilevanza.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “tariffa bażika”, imsemmi fl-Artikolu 21 tad-tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz ta’ telefonata fir-rigward ta’ kuntratt konkluż u lejn linja tat-telefon ta’ assistenza operata minn kummerċjant ma jistax jeċċedi l-prezz ta’ telefonata lejn linja tat-telefon fissa ġeografika jew mobbli standard. Sakemm dan il-limitu jiġi osservat, iċ-ċirkustanza li l-kummerċjant ikkonċernat jagħmilx qliegħ jew le permezz ta’ din il-linja tat-telefon ta’ assistenza hija nieqsa minn rilevanza.

 

Firem


( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.