SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ April 2017 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi tal-landa u tal-istabilizzaturi tas-sħana ESBO/esters — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Imputabbilità lill-kumpannija omm tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 25(1) — Preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward tas-sussidjarji — Effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-kumpannija omm”

Fil-Kawża C‑516/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2015

Akzo Nobel NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Akzo Nobel Chemicals GmbH, stabbilita f’Düren (il-Ġermanja),

Akzo Nobel Chemicals BV, stabbilita f’Amersfoort (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn C. Swaak u R. Wesseling, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Akcros Chemicals Ltd, stabbilita f’Warwickshire (ir-Renju Unit),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2015, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (T–47/10, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”, EU:T:2015:506) li permezz tagħha din laqgħet biss parzjalment ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38589 — Stabilizzaturi Termiċi, [Stabilizzaturi tas-Sħana]) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Is-sejba u t-temm tal-ksur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni, [meta] taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li ttemm dan il-ksur. […] Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.”

3

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Multi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE]; […]

[…]”

4

L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, intitolat “Preskrizzjoni għall-imposizzjoni tal-pieni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Il-poteri konferuti fuq il-Kummissjoni [mill-Artikolu 23] ħa jkun suġġett għal perjodi ta’ preskrizzjoni li ġejjin:

(a)

tlett snin fil-każ ta’ ksur ta’ disposizzjonijiet li jikkonċernaw it-talba ta’ informazzjoni jew il-kondotta ta’ spezzjonijiet;

(b)

ħames snin fil-każ ta’ kwalunkwe ksur ieħor.

2.   It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-ħin jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għall-għan ta’ l-investigazzjonijiet jew proċeduri b’rispett ta’ ksur tinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni għall-imposizzjoni ta’ multi jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 50 tas-sentenza appellata. Sabiex wieħed ikun jista’ jifhem il-kawża, għandhom jitfakkru l-elementi li ġejjin.

6

Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li numru partikolari ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3) billi pparteċipaw f’żewġ settijiet ta’ ftehimiet u prattiċi miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabilizzaturi tal-landa u, min-naħa l-oħra, is-settur taż-żejt tas-sojja epossidizzat u tal-esters (iktar ’il quddiem is-“settur ESBO/esters”).

7

Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żewġ okkorrenzi ta’ ksur ikkonstatati mill-Kummissjoni, li kienu jirrigwardaw dawn iż-żewġ kategoriji ta’ stabbilizzaturi tas-sħana, kienu jikkonsistu f’li jiġu ffissati l-prezzijiet, f’li jitqassmu s-swieq permezz ta’ kwoti ta’ bejgħ, li jinqasmu l-klijenti u li tiġi skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari fuq il-klijenti, il-produzzjoni u l-bejgħ.

8

Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-impriżi kkonċernati pparteċipaw f’dawn l-okkorrenzi ta’ ksur matul diversi perijodi bejn l-24 ta’ Frar 1987 u l-21 ta’ Marzu 2000, fir-rigward tas-settur tal-istabilizzaturi tal-landa, u bejn il-11 ta’ Settembru 1991 u t-22 ta’ Marzu 2000, fir-rigward tas-settur ESBO/esters.

9

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata, fir-rigward ta’ kull ksur, lil 20 kumpannija, li jew ipparteċipaw direttament fil-ksur ikkonċernat, jew, fid-dawl tar-responsabbiltà tagħhom, bħala kumpanniji omm.

10

Fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lil Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akcros Chemicals Ltd responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa, mill-24 ta’ Frar 1987 sal-21 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akzo Nobel, mill-24 ta’ Frar 1987 sat-28 ta’ Ġunju 1993 fir-rigward ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u mit-28 ta’ Ġunju 1993 sal-21 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akcros Chemicals.

11

Bl-istess mod, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lil Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akcros Chemicals responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li jirrigwarda s-settur tal-ESBO/esters, mill-11 ta’ Settembru 1991 sat-22 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akzo Nobel, mill-11 ta’ Settembru 1991 sat-28 ta’ Ġunju 1993 fir-rigward ta’ Akzo Nobel Chemicals BV u mit-28 ta’ Ġunju 1993 sat-22 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akcros Chemicals.

12

Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta’ Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals GmbH, Akzo Nobel Chemicals BV u Akcros Chemicals għall-ksur tqassam mill-Kummissjoni fi tliet perijodi ta’ ksur distinti.

13

Għall-perijodu ta’ ksur qabel it-28 ta’ Ġunju 1993 (iktar ’il quddiem “l-ewwel perijodu ta’ ksur”), il-Kummissjoni kkunsidrat li kumpanniji miżmuma indirettament minn Akzo NV, li saret Akzo Nobel, kienu pparteċipaw direttament fil-ksur, jiġifieri Akzo Nobel Chemicals GmbH, għall-ksur dwar l-istabilizzaturi tal-landa, u Akzo Noble Chemicals BV, għall-ksur fir-rigward tas-settur ESBO/esters.

14

Għat-tieni perijodu ta’ ksur, mit-28 ta’ Ġunju 1993 sat-2 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-parteċipanti dirett għall-ksur kien il-partenarjat Akcros Chemicals, li kien iċċentralizza l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tal-istabbilizzaturi tas-sħana tal-grupp Akzo, li ma kellux personalità legali proprja.

15

Għat-tielet perijodu ta’ ksur, dak mit-2 ta’ Ottubru 1998 sal-21 ta’ Marzu 2000, għall-istabilizzaturi tal-landa, u mit-2 ta’ Ottubru 1998 sat-22 ta’ Marzu 2000, għas-settur ESBO/esters, il-Kummissjoni kkunsidrat li Akcros Chemicals, li kienet assorbiet l-attività tal-partenarjat Akcros Chemicals, kienet ipparteċipat direttament għall-ksur.

16

B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel, bħala kumpannija omm ta’ grupp ta’ kumpanniji li wħud minnhom ipparteċipaw direttament fi ksur, ġiet ikkonstatata għall-perijodu kollu ta’ ksur, jiġifieri mill-24 ta’ Frar 1987 sat-22 ta’ Marzu 2000.

17

Fir-rigward tal-imputazzjoni tal-multi, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara dan li ġej:

“Għall-ksur fis-settur tal-istabbilizzanti abbażi tal-landa huma imposti il-multi li ġejjin:

[…]

4)

[Akzo Nobel], [Akzo Nobel Chemicals GmbH] u [Akcros Chemicals] huma responsabbli in solidum għal: EUR 1580000;

[…]

6)

[Akzo Nobel] u [Akzo GmbH] huma responsabbli in solidum għal: EUR 9820000;

7)

[Akzo Nobel] hija responsabbli għal: EUR 1432700;

[…]

Għall-(okkorrenzi ta’) ksur fis-[settur ESBO/esters], huma imposti l-multi li ġejjin:

[…]

21)

[Akzo Nobel], [Akzo Nobel Chemicals BV] u [Akcros Chemicals] huma responsabbli in solidum għal: EUR 2033000;

[…]

23)

[Akzo Nobel] u [Akzo GmbH] huma responsabbli in solidum għal: EUR 3467000

24)

[Akzo Nobel] hija responsabbli għal: EUR 2215303; […]”

18

Bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet emendata sa fejn din kienet indirizzata lil Akzo Nobel u lil Akcros Chemicals (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ emenda”).

19

Fil-premessa 1 tad-deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni fakkret li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija kienet imponiet multi fuq Akzo Nobel u Akcros Chemicals, “flimkien u in solidum” ma’ Elementis plc, Elementis Holdings Limited u Elementis Services Limited.

20

Fil-premessa 2 tad-deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni ddikjarat li, wara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190), hija kienet iddeċidiet li tirtira d-deċiżjoni kkontestata sa fejn kienet indirizzata, b’mod partikolari, lil Elementis u lil Elementis Holdings Limited.

21

Għaldaqstant, il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet indirizzata lil Akzo Nobel u lil Akcros Chemicals sa fejn dawn kienu meqjusa responsabbli in solidum, ma’ Elementis, għall-multi imposti.

22

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2011, Akzo Nobel u Akcros Chemicals ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni ta’ emenda. Din tal-aħħar kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Akzo Nobel u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑485/11, EU:T:2015:517).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2010, Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals GmbH, Akzo Nobel Chemicals BV u Akcros Chemicals talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom.

24

Insostenn tar-rikors tagħhom, dawn il-kumpanniji ressqu ħames motivi, fejn l-ewwel wieħed kien ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, huma sostnew li l-Kummissjoni ma setgħetx iktar taġixxi kontra Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV b’effett mit-28 ta’ Ġunju 1998, sa fejn dawn tal-aħħar kienu waqfu l-parteċipazzjoni tagħhom għall-okkorrenzi ta’ ksur fit-28 ta’ Ġunju 1993. Konsegwentement, ebda responsabbiltà ma setgħet tinżamm fil-konfront tagħhom iktar ħlief fir-rigward ta’ Akzo Nobel, bħala kumpannija omm tal-imsemmija kumpanniji għall-ewwel perijodu ta’ ksur.

25

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat, minħabba l-preskrizzjoni, l-Artikolu 2(4), (6), (21) u (23) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ġew imposti multi fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ ksur, iżda li dawn jiġu miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

It-talbiet tal-partijiet

26

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata sa fejn tistabbilixxi li r-responsabbiltà għall-multi oriġinarjament imposti fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV għas-sehem tagħhom fil-ksur, xorta waħda tista’ tiġi attribwita lil Akzo Nobel wara l-annullament ta’ dawk il-multi mill-Qorti Ġenerali;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tistabilixxi s-sehem ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u ta’ AkzoNobel Chemicals B.V. fil-ksur, u b’mod partikolari tal-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(2)(b);

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tattribwixxi r-responsabbiltà u/jew timponi multa fuq Akzo Nobel minħabba l-aġir illegali ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u ta’ Akzo Nobel Chemicals BV, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) għall-perijodu mill-24 ta’ Frar 1987 sat-28 ta’ Ġunju 1993 u l-Artikolu 1(2)(a) għall-perijodu mill-11 ta’ Settembru 1991 sat-28 ta’ Ġunju 1993 u/jew l-Artikolu 2(6) u (23);

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

28

Permezz tal-aggravju uniku tagħhom, l-appellanti jikkritikaw sostanzjalment lill-Qorti Ġenerali talli kisret ir-regoli fil-qasam tar-responsabbiltà tal-kumpanniji omm għall-aġir ta’ ksur tas-sussidjarji tagħhom.

L-argumenti tal-partijiet

29

L-appellanti jirrilevaw li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat, fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il‑Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:613), li, meta r-responsabbiltà ta’ kumpannija omm tkun idderivata għalkollox minn dik tas-sussidjarja tagħha, ir-responsabbiltà tal-ewwel waħda ma tistax teċċedi dik tat-tieni waħda. F’tali xenarju, jekk il-kumpannija omm tippreżenta rikors li jkollu l-istess suġġett bħal dak ippreżentat mis-sussidjarja, il-kumpannija omm għandha tibbenefika mill-annullament parzjali jew totali tal-multa imposta fuq is-sussidjarja.

30

B’hekk, l-annullament tal-multi imposti fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV kellu jwassal għall-annullament tal-multa imposta fuq Akzo Nobel, bħala kumpannija omm, għall-ewwel perijodu ta’ ksur, peress li din il-multa kienet ġiet imposta fuqha biss minħabba l-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarji tagħha fil-ksur. Ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel kienet għaldaqstant purament derivata minn dik tas-sussidjarji tagħha fis-sens tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29).

31

F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li l-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà ta’ kumpannija omm ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha jidher li ġie injorat fis-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771) u tat-30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il-Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284). Madankollu, bħala regola ġenerali, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jibbaża fuq il-premessa li tgħid, li fil-każ fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm hija purament derivata mill-atti mwettqa mis-sussidjarja tagħha, il-fatt li tinżamm multa ogħla għall-kumpannija omm minn dik li finalment tintalab mis-sussidjarja jfisser li tkun qed tkun qed tiġi imposta parti minn multa li ma għandha l-ebda bażi legali.

32

L-appellanti jikkunsidraw li l-applikazzjoni tal-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà ta’ kumpannija omm ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha hija partikolarment rilevanti f’dan il-każ, sa fejn l-annullament tal-multi imposti fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

33

Fuq dan is-suġġett, l-appellanti jirrilevaw li, wara l-għotja tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190), il-Kummissjoni kellha tiffaċċja l-fatt li ma setgħetx iżjed timponi multi fuq Elementis u Ciba/BASF minħabba l-preskrizzjoni. Għalhekk, bħalma kien jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni mhux biss irtirat il-multi, iżda reġgħet ikkunsidrat il-konstatazzjoni ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni ta’ dawn l-impriżi fil-ksur.

34

Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u b’mod li jinsiltu l-konsegwenzi kollha mis-sentenza appellata, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni kellha tadotta l-istess approċċ fir-rigward ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata dejjem kienet tinkludi konstatazzjoni ta’ ksur li tikkonċerna lil dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha interess leġittimu għal dan it-tip ta’ konstatazzjoni, il-Kummissjoni ma tiġġustifikax, f’dan il-każ, interess f’dan is-sens.

35

Il-Kummissjoni targumenta li l-aggravju uniku mqajjem mill-appellanti għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà

36

Fir-rigward tal-ilmenti tal-appellanti mislutin, minn naħa, mill-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, mill-assenza ta’ interess leġittimu, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ natura li tiġġustifika l-konstatazzjoni li tgħid li Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV ipparteċipaw fl-okkorrenzi ta’ ksur inkwistjoni, jirriżulta mill-eżami tal-proċess suġġett lill-Qorti tal-Ġustizzja li dawn l-ilmenti ma ġewx imressqa fl-ewwel istanzi.

37

Fil-fatt, l-appellanti llimitaw rwieħhom li jargumentaw quddiem il-Qorti Ġenerali li, fid-dawl tal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u ta’ Akzo Nobel Chemicals BV, ma setgħet tinżamm ebda responsabbiltà fil-konfront tagħhom.

38

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem aggravji jew argumenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali jwassal sabiex tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża iżjed wiesgħa minn dik li tagħha jkollha kunjizzjoni l-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk hija limitata għal eżami ta’ l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi u argumenti li kienu ġew diskussi quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 54).

39

L-ilmenti b’hekk ifformulati mill-appellanti għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq il-mertu

40

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, sa fejn dawn kienu jsostnu li l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 kien jagħmel ostaklu għall-fatt li l-Kummissjoni timponi multi fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant annullat l-Artikolu 2(4), (6), (21) u (23) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ġew imposti multi fuq dawn il-kumpanniji fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ ksur.

41

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali essenzjalment irrilevat, fil-punti 121, 123 u 124 tas-sentenza appellata, li l-ewwel atti tal-Kummissjoni intiżi għall-istruzzjoni jew it-tfittxija tal-ksur, fis-sens tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, kienu ttieħdu għall-bidu tas-sena 2003, u għaldaqstant wara l-iskadenza, għal Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV, tat-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija kumpanniji kienu waqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordji tat-28 ta’ Ġunju 1993.

42

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, li, għalkemm l-akkwist tal-preskrizzjoni seta’ jiġi invokat minn Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV u kellu bħala effett li jħalli li jiġu evitati għalihom is-sanzjonijiet, kien mingħajr effett fuq ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm tagħhom fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ ksur.

43

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li “s-sempliċi fatt li kumpannija sussidjarja ta’ grupp ta’ kumpanniji, fis-sens ta’ unità ekonomika, tibbenefika mill-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma kellux il-konsegwenza li jqiegħed f’dubju ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent [omm] u li jimpedixxi l-proċeduri fir-rigward tagħha.”

44

Ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, il-fondatezza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

45

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi s-sanzjonijiet fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV kienet ta’ ostakolu, kuntrarjament għall-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li r-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel jinżamm fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ ksur.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-għażla tal-awturi tat-trattati kienet li jużaw il-kunċett ta’ impriża biex jindikaw l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikolu 81 jew 82 KE, issa l-Artikolu 101 jew 102 TFUE (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 102).

47

Mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirreferi għall-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrilevanti mill-istat legali ta’ din l-entità u mill-mod li bih kienet iffinanzjata (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 38).

48

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 35).

49

Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, din ikollha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg etC‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 95).

50

Fit-tieni lok, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 57).

51

La l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-ġurisprudenza ma jiddeterminaw liema persuna ġuridika jew fiżika l-Kummissjoni hija fl-obbligu li żżomm bħala responsabbli tal-ksur u li tissanzjona permezz tal-impożizzjoni ta’ multa (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 159),

52

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aġir ta’ ksur ta’ sussidjarja tista’ tiġi imputata lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, għalkemm għandha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari għar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punti 131 sa 133; tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, EU:C:1983:293, punti 49 sa 53; tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 157, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il‑Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 35).

53

Dan huwa l-każ, peress li f’sitwazzjoni bħal din, il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess entità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża unika, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 157).

54

B’dan is-suġġett, fil-każ partikolari fejn kumpannija omm tkun iżżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tkun teżisti preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija omm effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 38).

55

Tali preżunzjoni timplika, sakemm ma tiġix invertita, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għall-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha hija kkunsidrata bħala stabbilita u sservi ta’ bażi għall-Kummissjoni biex iżżomm l-ewwel waħda responsabbli għall-aġir tat-tieni, mingħajr ma jkollha tipproduċi kwalunkwe prova supplimentari (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 30).

56

Għandu jiġi enfasizzat, fit-tielet lok, li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sew, il-kumpannija omm li tiġi imputata l-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha hija personalment ikkundannata għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni li titqies li wettqet hija stess, minħabba l-influwenza determinanti li hija eżerċitat fuq is-sussidjarja u li tippermettilha l tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punti 140141; tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, EU:C:2000:632, punti 2834; tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 55; tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 49, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 44).

57

Kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-entità ekonomika li wettqet il-ksur. Għalhekk, għalkemm il-kumpannija omm tagħmel parti minn din l-unità ekonomika, hija kkunsidrata bħala personalment u solidarjament responsabbli mal-persuni ġuridiċi l-oħra li jikkostitwixxu din l-unità tal-ksur imwettaq (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 77).

58

Għaldaqstant, ir-rabta ta’ solidarjetà li teżisti bejn żewġ kumpanniji li jikkostitwixxu unità ekonomika ma tistax titnaqqas, fir-rigward tal-ħlas tal-multa, għal forma ta’ kawzjoni pprovduta mill-kumpannija omm biex tiggarantixxi l-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punti 5556, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il‑Kummissjoni, C‑243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 107).

59

Fir-raba’ lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm tirriżulta esklużivament mill-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja tagħha għall-ksur u fejn dawn iż-żewġ kumpanniji ppreżentaw rikorsi fl-istess waqt li kellhom l-istess għan, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tiddeċiedi ultra petita, tieħu inkunsiderazzjoni l-annullament tal-konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward tas-sussidjarja għal perijodu determinat u tnaqqas b’mod korrelattiv l-ammont tal-multa imposta fuq il-kumpannija omm in solidum mas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punti 34, 38, 3949).

60

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li, biex iżżomm ir-responsabbiltà ta’ kwalunkwe entità ta’ unità ekonomika, huwa neċessarju li tiġi prodotta l-prova li entità għallinqas wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li dan il-fatt ikun rilevat f’deċiżjoni li tkun saret definittiva u, min-naħa l-oħra, li hija mingħajr rilevanza r-raġuni għalfejn l-assenza tal-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja hija kkonstatata (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punti 3738).

61

Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għan-natura kompletament derivat tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm li tbati minħabba l-fatt biss tal-parteċipazzjoni diretta ta’ sussidjarja fil-ksur (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punti 34, 38, 4349). Fil-fatt, f’dan ix-xenarju, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm issib l-oriġini tagħha fl-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha, li l-kumpannija omm tingħata fid-dawl tal-unità ekonomika li dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu. Konsegwentement, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm hija neċessarjament funzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha li magħha r-responsabbiltà tagħha hija marbuta mill-qrib.

62

Għar-raġunijiet identiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’sitwazzjoni fejn ebda fattur ma jikkaratterizza individwalment l-aġir ikkritikat lill-kumpannija omm, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja in solidummal-kumpannija omm għandha, fil-prinċipju, meta l-kundizzjonijiet proċedurali meħtieġa huma sodisfatti, tiġi estiża lill-kumpannija omm (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il‑Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punti 10, 37, 38, 4144).

63

Fil-ħames lok, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-preskrizzjoni tal-eżerċizzju tas-setgħa tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet tista’ tkun akkwistata fir-rigward tas-susssidjarja, għall-esklużjoni tal-kumpannija omm tagħha, minkejja r-responsabbiltà tagħha tibbaża għal kollox fuq l-aġir ta’ ksur adottat mis-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punti 102, 103, 148149).

64

F’dan il-każ, huwa paċifiku, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV ipparteċipaw direttament fl-akkordji inkwistjoni, tal-24 ta’ Frar 1987 sat-28 ta’ Ġunju 1993, fir-rigward tal-ewwel kumpannija, u tal-11 ta’ Settembru 1991 sat-28 ta’ Ġunju 1993, fil-każ tat-tieni.

65

Huwa paċifiku wkoll li, matul l-ewwel perijodu ta’ ksur, Akzo Nobel kienet iżżomm b’mod indirett il-kapital kollu ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u ta’ Akzo Nobel Chemicals BV u kienet teżerċita fuqhom influwenza determinanti, b’mod li dawn it-tliet kumpanniji kienu jikkostitwixxu, matul l-imsemmi perijodu ta’ ksur, l-istess impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

66

Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 58 ta’ din is-sentenza, l-aġir ta’ ksur imwettaq minn Akzo Nobel Chemicals GmbH u minn Akzo Nobel Chemicals BV matul l-ewwel perijodu ta’ ksur ġie attribwit lil Akzo Nobel. B’hekk din tal-aħħar ġiet personalment ikkundannata għall-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li kienet titqies li adottat hija stess matul dan il-perijodu.

67

Barra minn hekk, huwa ugwalment paċifiku f’dan il-każ li r-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel inżammet minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni matul it-tliet perijodi ta’ ksur, jiġifieri, mill-24 ta’ Frar 1987 sal-21 ta’ Marzu 2000, fir-rigward il-ksur li jirrigwarda l-istabbilizzaturi tal-landa, u mill-11 ta’ Settembru 1991 sat-22 ta’ Marzu 2000, fir-rigward tal-ksur dwar is-settur ESBO/esters, bħala kumpannija omm tal-inpriża Akzo li tagħha huma entitajiet ġuridiċi differenti fosthom Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV, kienu pparteċipaw direttament fl-akkordji.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu invokaw l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 biss fir-rigward ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u ta’ Akzo Nobel Chemicals BV, minħabba li dawn kienu waqfu l-aġir ta’ ksur tagħhom fit-28 ta’ Ġunju 1993.

69

Kif tfakkar fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, billi ddeċidiet li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV kien preskritt.

70

Ċertament, kif il-Qorti Ġenerali sostanzjalment enfasizzat, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza kkontestata, il-fatt li s-setgħa tal-Kummissjoni biex timponi sanzjonijiet hija preskritta skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jimplika li ebda sanzjoni ma tista’ tiġi imposta fuq kumpanniji li fir-rigward tagħhom il-preskrizzjoni hija akkwistata.

71

Min-naħa l-oħra, il-fatt li ċerti kumpanniji ma jistgħux iżjed jiġu imposti sanzjonijiet minħabba l-preskrizzjoni ma jipprekludix il-fatt li kumpannija oħra kkunsidrata bħala responsabbli personalment u in solidum magħhom għall-istess aġir anti-kompetittiv, u li fir-rigward tagħha l-preskrizzjoni ma hijiex akkwistata, tkun segwita.

72

Kuntrarjament għal dak li jargumentaw l-appellanti, il-fatt li r-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel għall-ewwel perijodu ta’ ksur jirriżulta esklużivament mill-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarji tagħha għall-akkordji ma huwiex ta’ natura li jitqiegħed fid-dubju tali konklużjoni.

73

Fil-fatt, minn naħa, l-aġir anti-kompetittiv relatat mal-ewwel perijodu ta’ ksur ma huwiex inqas ikkunsidrat kif twettaq minn Akzo Nobel stess, fid-dawl tal-fatt li din kienet tifforma unità ekonomika, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Unjoni, ma’ Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV.

74

Min-naħa l-oħra, kif l-Avukat Ġenerali sostanzjalment irrileva fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza li l-fatturi proprji għall-kumpannija omm jistgħu jiġġustifikaw li tiġi evalwata r-responsabbiltà tagħha u dik tas-sussidjarja b’mod differenzjat, minkejja r-responsabbiltà tal-ewwel hija esklużivament ibbażata fuq l-aġir ta’ ksur tat-tieni.

75

Issa, dan huwa l-każ ineżami, sa fejn, kuntrarjament għal Akzo Nobel Chemicals GmbH u għal Akzo Nobel Chemicals BV, li waqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordji fit-28 ta’ Ġunju 1993, Akzo Nobel, kif ġie rrilevat fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, ġiet implikata fil-ksur inkwistjoni lil hinn minn din id-data, sal-21 u t-22 ta’ Marzu 2000, fir-rigward, rispettivament, il-ksur li jirrigwarda s-settur tal-istabbilizzaturi tal-landa u l-ksur li jikkonċerna s-settur ESBO/esters.

76

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li ġustament il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 126 tas-sentenza kkontestata, li l-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi xi sanzjonijiet fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV ma kinitx ta’ ostakolu għall-fatt li r-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel inżamm għall-ewwel perijodu ta’ ksur.

77

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-aggravju uniku tal-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

78

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

79

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

80

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu fl-uniku aggravju tagħhom, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals GmbH u Akzo Nobel Chemicals BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż