SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ April 2017 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-banana fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall — Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet — Ammissibbiltà tal-provi trażmessi minn awtoritajiet fiskali nazzjonali — Drittijiet tad-difiża — Kalkolu tal-ammont tal-multa — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju — Klassifikazzjoni bħala ‘ftehim li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni’”

Fil-Kawża C‑469/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2015,

FSL Holdings NV, stabbilita f’Anvers (il-Belġju),

Firma Léon Van Parys NV, stabbilita f’Anvers,

Pacific Fruit Company Italy SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja),

irrappreżentati minn P. Vlaemminck u B. Van Vooren, advocaaten, kif ukoll minn C. Verdonck, avocate, J. Auwerx, advocaat, u B. Gielen, avocate,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, M. Kellerbauer u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, FSL Holdings NV, Firma Léon Van Parys NV u Pacific Fruit Company Italy SpA qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni (T-655/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:383), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat biss parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 7273 final, tat-12 ta’ Ottubru 2011, rigward proċedura skont l-Artikolu [101 TFUE] [Każ COMP/39482 – Frott eżotiku (Banana)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi:

“1.   Bil-għan li jiġu applikati [l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE,] il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa jkollhom s-setgħa li jipprovdu lil xulxin u jużaw bħala evidenza kwalunkwe fatt jew liġi, incluż informazzjoni konfidenzali.

2.   L-informazzjoni skambjata ħa tintuża biss bħala evidenza għall-għan li jiġi applikat [l-Artikolu 101 TFUE jew 102 TFUE] u b’rispett għas-suġġett li għalih inġabar mil-awtorità trasmettenti. Madankollu, fejn liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni hi applikata fl-istess każ u paralel mal-liġi tal-kompetizzjoni Komunità u ma twassalx għar-riżultat differenti, informazzjoni skambjata taħt dan l-Artikolu jista jiġi intużat għall-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni.

[…]”

3

L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

4

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

5

L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”), jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni mibdija minnha fir-rigward ta’ akkordju jistgħu jiġu eżentati minn multi jew jistgħu jgawdu minn tnaqqis tal-multa li altrimenti kien ikollhom iħallsu. F’dan ir-rigward, il-punt 11(a) ta’ dan l-avviż jispeċifika li l-impriża għandha tagħti lill-Kummissjoni kooperazzjoni sħiħa, kontinwa u rapida matul il-proċedura amministrattiva kollha u għandha tipprovdilha kull prova li taqa’ fil-pussess tagħha jew li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u li tkun marbuta mal-ksur issuspettat.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6

L-appellanti, FSL Holdings u Firma Léon Van Parys, żewġ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata rregolati mid-dritt Belġjan, u Pacific Fruit Company Italy, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Taljan, jimportaw, jikkummerċjalizzaw u jbigħu banana taħt it-trade mark “Bonita” fl-Ewropa.

7

Fit-8 ta’ April 2005, Chiquita Brands International Inc. (iktar ’il quddiem “Chiquita”) ippreżentat applikazzjoni għal immunità minn multi taħt l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-attività ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ banana kif ukoll ta’ frott frisk ieħor importat fl-Ewropa. Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata bin-numru tal-każ COMP/39188 – Banana (iktar ’il quddiem il-“każ tal-Ewropa tat-Tramuntana”). Din l-immunità ngħatatilha fit-3 ta’ Mejju 2005.

8

Fis-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni rċeviet dokumenti mill-Guardia di Finanzia (pulizija doganali u finanzjarja, l-Italja), li kienu nstabu waqt spezzjoni fid-dar u fl-uffiċċju ta’ impjegat ta’ Pacific Fruit Company Italy fil-kuntest ta’ investigazzjoni fiskali nazzjonali.

9

Fis-26 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni informat lil Chiquita li l-aġenti tagħha kienu ser iwettqu spezzjoni fil-bini ta’ din l-impriża fit-28 ta’ Novembru 2007. F’din l-okkażjoni, Chiquita ġiet informata li kienet ser tinfetaħ investigazzjoni ġdida dwar prattiki fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall (iktar ’il quddiem “il-każ tal-Ewropa tan-Nofsinhar”). Chiquita kienet imfakkra li hija kienet kisbet l-immunità kundizzjonali minn multi għall-Unjoni Ewropea kollha u li, għalhekk, hija kellha l-obbligu li tikkoopera.

10

Mit-28 sat-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ importaturi ta’ banana fi Spanja u fl-Italja. Matul spezzjonijiet imwettqa f’Ruma (l-Italja) fil-bini ta’ Pacific Fruit Company Italy, il-Kummissjoni sabet żewġ paġni ta’ noti li kienu diġà ġew trażmessi lilha mill-pulizija doganali u finanzjarja.

11

Chiquita ġiet mistiedna sabiex tidentifika l-partijiet mid-dikjarazzjonijiet orali tagħha fil-każ tal-Ewropa tat-Tramuntana li, fil-fehma tagħha, kienu marbuta wkoll mal-każ tal-Ewropa tan-Nofsinhar.

12

Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2008) 5955 final, rigward proċedura skont l-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/39188 – Banana), li permezz tagħha kkonstatat li diversi importaturi kbar tal-banana fl-Ewropa tat-Tramuntana, fosthom Chiquita, kienu kisru l-Artikolu 81 KE billi pparteċipaw fi prattika miftiehma li permezz tagħha kienu jikkoordinaw il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana li huma kienu jiffissaw kull ġimgħa għal diversi Stati Membri bejn is-sena 2000 u s-sena 2002. FSL Holdings u Firma Léon Van Parys ma kinux fost id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

13

Fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet fil-każ tal-Ewropa tan-Nofsinhar li kienet tikkonċerna, b’mod partikolari, lil Chiquita u lill-appellanti. Wara li ngħataw aċċess għall-fajl, id-destinatarji kollha ta’ din id-dikjarazzjoni kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni u assistew għal smigħ li nżamm fit-18 ta’ Ġunju 2010.

14

Fit-12 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha kkonstatat li Chiquita u l-appellanti kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw f’akkordju fil-qasam tal-importazzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ ta’ banana fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall, matul il-perijodu bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005, perijodu li matulu dawn l-impriżi kkoordinaw l-istrateġija tal-prezzijiet tagħhom f’dawn it-tliet Stati Membri, u imponitilhom multi li kienu ddeterminati skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”) u skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

15

Il-Kummissjoni, l-ewwel nett, iddeterminat ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta:

EUR 47922000 fir-rigward ta’ Chiquita, u

EUR 11149000 fir-rigward tal-appellanti.

16

Il-Kummissjoni, it-tieni nett, ikkonstatat li ċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ tal-Ewropa tat-Tramuntana, li fuq il-bażi tagħhom kienet naqqset l-ammont bażiku tal-multa b’60 %, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-qafas ta’ regoli partikolari fis-settur tal-banana u l-fatt li, f’dan l-ewwel każ, il-koordinazzjoni kienet tikkonċerna l-prezz ta’ referenza, ma kinux preżenti fil-każ tal-Ewropa tan-Nofsinhar.

17

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika tnaqqis ta’ 20 % għall-ammont bażiku fir-rigward tal-impriżi kkonċernati kollha.

18

Wara dan l-aġġustament, l-ammonti bażiċi tal-multi li kellhom jiġu imposti kienu stabbiliti kif ġej:

EUR 38337600 fir-rigward ta’ Chiquita, u

EUR 8919200 fir-rigward tal-appellanti.

19

Madankollu, Chiquita bbenefikat mill-immunità mill-multi taħt l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Peress li, għall-kuntrarju, ma kien hemm ebda aġġustament ieħor fir-rigward tal-appellanti, dawn tal-aħħar ġew ikkundannati in solidum għal ammont finali arrotondat għal EUR 8919000.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2011, l-appellanti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet biss parzjalment dawn it-talbiet.

22

Wara li kkonstatat li l-ksur kien waqaf bejn it-12 ta’ Awwissu 2004 u d-19 ta’ Jannar 2005, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kien ikopri dan il-perijodu ta’ ksur u sa fejn kien jikkonċerna lil FSL Holdings, lil Firma Léon Van Parys u lil Pacific Fruit Company Italy, u naqqset il-multa ffissata fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża minn EUR 8919000 għal EUR 6689000.

It-talbiet tal-partijiet

23

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti qegħdin jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fir-rigward tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom u tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-ammont tagħha;

b’mod iktar sussidjarju, tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx li l-ksur kellu l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż li huma sostnew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali.

24

Il-Kummissjoni qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

25

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti qegħdin jinvokaw erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

26

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti formali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx l-illegalità tal-użu ta’ provi trażmessi mill-pulizija doganali u finanzjarja lill-Kummissjoni.

27

F’dan ir-rigward l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn sempliċement fakkret, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-legalità tat-trażmissjoni tal-imsemmija provi lill-Kummissjoni kienet taqa’ esklużivament taħt is-sistema legali Taljana, meta din it-trażmissjoni għandha tosserva wkoll id-dritt tal-Unjoni.

28

Huma jsostnu li l-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tevita li d-drittijiet tad-difiża jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat permezz ta’ tali trażmissjoni, u dan jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk id-dokumenti trażmessi jkunux effettivament użati biss għall-iskop li għalih ikunu nġabru mill-awtorità nazzjonali, kif jipprevedi l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest tal-kuntatti bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

29

L-appellanti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża minħabba li kien biss kważi sentejn wara t-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni mill-awtorità nazzjonali li hija informathom dwarha.

30

L-appellati jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta qieset, fil-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni ta’ jekk iż-żewġ paġni ta’ noti kinux ġew trażmessi illegalment mill-awtoritajiet Taljani ma kinitx rilevanti għal-legalità tal-użu tagħhom, peress li dawn id-dokumenti kienu nstabu wkoll mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ispezzjoni tagħha matul ix-xahar ta’ Lulju 2007. Fil-fatt, huma jsostnu li, għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad fil-punt 68 tas-sentenza appellata, huma kienu kkontestaw il-legalità tal-ispezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Huma jirreferu wkoll għas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404), sabiex isostnu li, fid-dawl tal-illegalità tat-trażmissjoni tad-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni wettqet spezzjoni, id-dokumenti misjuba fil-kuntest ta’ din l-ispezzjoni ma setgħux jintużaw b’mod validu bħala provi.

31

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Fir-rigward tal-ewwel aspett tal-argumenti żviluppati insostenn tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali fakkret ġustament, fil-punti 45 u 80 tas-sentenza appellata, li, minn naħa, il-legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni, minn prosekutur jew mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni miġbura skont id-dritt kriminali nazzjonali, hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità, taħt id-dritt nazzjonali, ta’ att meħud minn awtorità nazzjonali (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 62).

33

Irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali, sabiex taċċetta l-ammissibbiltà tad-dokumenti inkwistjoni mill-Kummissjoni, setgħetx sempliċement tikkonstata, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li t-trażmissjoni tagħhom ma kinitx ġiet iddikjarata illegali minn qorti nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali mhux biss eżaminat, fil-punti 82 sa 89 tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet li fihom saret din it-trażmissjoni, iżda ċaħdet ukoll ġustament bħala infondat, fil-punti 71 sa 79 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellanti fis-sens li, fid-dawl ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, id-dokumenti trażmessi mill-pulizija doganali u finanzjarja lill-Kummissjoni ma setgħux jintużaw bħala provi minnha ħlief għall-iskop li għalih kienu nġabru minn din l-awtorità nazzjonali.

34

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu l-għan partikolari li jissemplifika u li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni billi jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni. Għal dan il-għan, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom is-setgħa li jikkomunikaw u li jużaw bħala prova kwalunkwe element ta’ fatt jew ta’ liġi, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, filwaqt li jispeċifika, b’mod partikolari fl-Artikolu 12(2), il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tintuża din l-informazzjoni.

35

Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott li jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ regola iktar ġenerali, li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tuża l-informazzjoni trażmessa minn awtoritajiet nazzjonali li ma jkunux l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, għas-sempliċi raġuni li din l-informazzjoni kienet inkisbet għal skopijiet oħra.

36

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, tali regola kienet ixxekkel b’mod eċċessiv ir-rwol tal-Kummissjoni fil-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

37

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wieġbet b’mod korrett għall-kritika magħmula mill-appellanti fil-konfront tal-legalità tal-użu tad-dokumenti trażmessi mill-pulizija doganali u finanzjarja.

38

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li użu ta’ dawn id-dokumenti għal skopijiet oħra għajr dawk li għalihom kienu nġabru jista’ jikkomprometti b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat id-drittijiet tad-difiża, għandu jitfakkar li l-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 63).

39

It-tieni nett, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma kkonstatatx ksur tad-drittijiet tad-difiża mill-Kummissjoni minħabba li stenniet kważi sentejn qabel ma informathom li dawn id-dokumenti kienu fil-pussess tagħha.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li l-impriża kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tesprimi b’mod utli l-pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ fażijiet, dik li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dik sussegwenti għaliha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 27).

42

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinforma lill-impriża kkonċernata dwar il-fatt li jkollha provi fil-pussess tagħha qabel tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet peress li huma, minn naħa, it-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-aċċess għall-fajl li jippermetti lid-destinatarju ta’ dik id-dikjarazzjoni jkollu għarfien tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u li l-impriża kkonċernata tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha wara t-trażmissjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 5859).

43

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-Kummissjoni għandha tiżgura li d-drittijiet tad-difiża ma jiġux kompromessi matul il-fażi tal-proċedura ta’ investigazzjoni li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 63).

44

Sabiex ċaħdet l-ilment ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni kellha ċerti dokumenti fil-pussess tagħha għal żmien twil ħafna qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li f’din id-dikjarazzjoni l-Kummissjoni kienet semmiet espliċitament il-fatt li kienet qiegħda tibbaża ruħha fuq id-dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet Taljani u li l-Kummissjoni kienet għaddiet dawn id-dokumenti lill-appellanti ftit xhur qabel l-imsemmija dikjarazzjoni.

45

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma invokawx raġunijiet għaliex il-fatt li ma kellhomx għarfien tal-imsemmija dokumenti matul il-fażi ta’ investigazzjoni seta’ jkollu xi effett fuq il-possibbiltajiet ulterjuri ta’ difiża tagħhom, matul il-fażi ta’ wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 61).

46

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ġustament din il-parti tal-argumenti tal-appellanti.

47

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li jkun hemm żnaturament meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17).

48

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, l-appellant għandu, barra minn hekk, jindika bi preċiżjoni l-provi li jkunu ġew żnaturati u għandu jesponi l-iżbalji ta’ evalwazzjoni li allegatament ikunu twettqu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 16).

49

Madankollu, l-appellanti ma humiex qegħdin jikkontestaw l-analiżi tad-dokumenti inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali iżda l-ammissibbiltà tagħhom fil-każ li t-trażmissjoni tagħhom mill-pulizija doganali u finanzjarja titqies li hija illegali, punt dan li, fi kwalunkwe każ, ma ġiex stabbilit.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

51

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata ksur, mill-Kummissjoni, tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni tagħha, sa fejn tat l-immunità lil Chiquita, u meta ma kkunsidratx, b’konsegwenza ta’ dan, li l-informazzjoni trażmessa minn din l-impriża lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ din l-immunità, kellhom jiġu rtirati mill-fajl.

52

Huma jsostnu li, fir-rigward tal-każ tal-Ewropa tan-Nofsinhar, din l-impriża ma stabbilixxietx li kienet ikkooperat b’mod sħiħ, kontinwu u rapidu, matul il-proċedura kollha, kif jirrikjedi l-punt 11(a) ta’ dan l-avviż.

53

Barra minn hekk, uħud mill-elementi ta’ informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni huma kunfidenzjali u għalhekk ma setgħux jintużaw bħala provi peress li l-appellanti ma kellhomx aċċess għalihom.

54

L-appellanti jenfasizzaw li t-tieni aggravju tagħhom jikkonċerna punt ta’ liġi li jirrigwarda l-osservanza, mill-Kummissjoni, tar-regoli tagħha stess u li dan ma huwiex motiv ġdid fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punt 42 tar-rikors tagħhom u tal-punt 21 tar-replika tagħhom.

55

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju, li huwa inammissibbli sa fejn jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-fatti li l-iżnaturament tagħhom ma ġiex allegat fl-appell, huwa barra minn hekk ġdid u, fi kwalunkwe każ, jidher li huwa ineffettiv peress li, anki jekk l-immunità ma kienx imissha ngħatat lil Chiquita, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni li din ipprovdiet tiġi rtirata mill-fajl.

56

Il-Kummissjoni ssostni, b’mod sussidjarju, li l-applikazzjoni għal immunità ta’ Chiquita ma kinitx limitata għall-każ tal-Ewropa tat-Tramuntana, iżda kienet tkopri l-fatti li seħħew fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Hija tqis li din l-impriża pprovdiet, f’ħin opportun, provi li jikkonċernaw ukoll l-aġir illegali fil-każ tal-Ewropa tan-Nofsinhar.

57

Il-Kummissjoni żżid li l-argument li hija ma tistax tirreferi għal informazzjoni kunfidenzjali sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju mhux biss huwa inammissibbli, minħabba li ma huwiex marbut mat-tieni aggravju, iżda huwa wkoll, fi kwalunkwe każ, infondat, peress li l-appellanti kellhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni matul il-proċedura fil-bini tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Irrispettivament saħansitra mill-kwistjoni ta’ jekk it-tieni aggravju għandux jitqies bħala motiv ġdid, jew jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 11(a) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jistax ikollu impatt fuq il-legalità tal-użu mill-Kummissjoni tal-informazzjoni pprovduta minn Chiquita f’dan il-kuntest, il-kwistjoni ta’ jekk impriża tkunx ikkooperat b’mod sħiħ, kontinwu u rapidu, fis-sens ta’ dan il-punt, tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ punt ta’ fatt, li l-evalwazzjoni tiegħu mill-Qorti Ġenerali ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, sakemm il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jkunux ivvizzjati bi żball materjali jew bi żnaturament li jidhru b’mod manifest mill-elementi fil-proċess, punt dan li ma ġiex allegat f’dan il-każ.

59

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti fis-sens li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li wħud mid-dikjarazzjonijiet ipprovduti minn Chiquita f’dan il-kuntest ma setgħux jintużaw mill-Kummissjoni minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom, dan fil-fatt huwa motiv ġdid li, barra minn hekk, ma huwiex issostanzjat b’mod suffiċjenti.

60

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

61

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, invokat b’mod sussidjarju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn wettqet biss stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-multa u ma eżerċitatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, l-appellanti jsostnu li, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkalkolat il-multa b’mod żbaljat.

62

Huma jargumentaw ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u t-tip ta’ ksur inkwistjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa u jirreferu għall-punt 80 tas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778).

63

Huma jsostnu li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha fuq il-bażi tal-elementi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati u jenfasizzaw li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward huma jirreferu, b’mod partikolari, għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 129).

64

Madankollu, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali sempliċement iċċitat, fil-punt 525 tas-sentenza appellata, il-Linji Gwida tal-2006 sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod korrett ir-rata ta’ 15 % sabiex tevalwa l-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur.

65

Skonthom, il-Qorti Ġenerali kompliet bl-istess mod sabiex imbagħad ċaħdet l-argumenti tagħhom dwar il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sehem tas-suq akkumulat limitat u l-portata ġeografika limitata tal-ksur.

66

Huma jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet, fil-punt 532 tas-sentenza appellata, li ma kienx meħtieġ li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni fatti jew ċirkustanzi supplimentari, meta fil-fatt hija kien imissha evalwat l-elementi oġġettivi, bħalma huma l-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru ta’ istanzi ta’ tali aġir u l-intensità ta’ dan l-aġir, il-portata tas-suq milqut u d-deterjorazzjoni mġarrba mill-ordni ekonomiku pubbliku, l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva, minkejja riferiment espliċitu għalihom, konformement mas-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, point 91).

67

Huma jifformulaw kritika simili fir-rigward tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 544 sa 554 tas-sentenza appellata.

68

Huma jsostnu li, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat b’mod korrett il-livell tal-multa, hija kien ikollha tiddeċiedi li jkun hemm tnaqqis identiku għal dak ta’ 60 % applikat mill-Kummissjoni fil-każ tal-Ewropa tat-Tramuntana, peress li ż-żewġ fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’dak il-każ, jiġifieri l-qafas ta’ regoli speċifiku u l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan, huma preżenti wkoll fil-każ ineżami.

69

Bi tweġiba għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, l-appellanti jispeċifikaw li huma talbu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

70

Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma talbux lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, b’tali mod li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, u li l-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe każ eżaminat iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ konformement mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja.

71

Il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali kienx imissha naqqset il-multa b’mill-inqas 60 %, bl-istess mod bħalma l-Kummissjoni kienet iddeċidiet fil-każ tal-Ewropa tat-Tramuntana, minħabba li huwa involut ukoll ksur minħabba l-għan, tikkonċerna, barra minn hekk, punt ta’ fatt.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti talbu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi tannulla jew billi tnaqqas il-multa li kienet ġiet imposta fuqhom, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 142 tar-rikors tagħhom, u li, għalhekk, it-tielet aggravju ma huwiex motiv ġdid.

73

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-multi imposti mill-Kummissjoni fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita l-istħarriġ tal-legalità fuq il-bażi tal-elementi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni, la fir-rigward tal-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji gwida u lanqas fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja milli twettaq stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi u kemm ta’ fatt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 62).

74

L-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tippermetti lill-qorti sabiex, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha u, għaldaqstant, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità imposti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63).

75

Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-ammont tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, il-Qorti Ġenerali hija meħtieġa, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, teżamina kull ilment fuq punt ta’ liġi jew ta’ fatt li jkun intiż li jistabbilixxi li l-ammont tal-multa ma jirriflettix b’mod adegwat il-gravità u t-tul tal-ksur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 86).

76

Fil-kuntest ta’ appell, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi fil-mod kif iddeċidiet ir-rikors li kien ġie ppreżentat quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 46).

77

Madankollu, meta tiddeċiedi punti ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tiddeċiedi dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur min-naħa tagħhom tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 72).

78

Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni ma huwiex biss inadegwat iżda wkoll eċċessiv, tant li jkun sproporzjonat, li jkun hemm lok li tikkonstata żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali minħabba n-natura inadegwata tal-ammont tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 73).

79

F’dan il-każ, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli, f’dan il-kuntest, irreferiet għal-Linji Gwida tal-2006 peress li l-motiv imqajjem mill-appellanti fl-ewwel istanza kien ibbażat, kif jirriżulta mill-punt 501 tas-sentenza appellata, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Linji Gwida tal-2006 minħabba l-evalwazzjoni inkorretta, b’mod partikolari, tal-gravità tal-ksur kif ukoll taċ-ċirkustanzi attenwanti.

80

Għandu jitfakkar ukoll li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li, ħlief għall-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija obbligata tqajjem, huwa r-rikorrent li għandu jressaq il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u li għandu jipproduċi l-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64).

81

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punt 525 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tapplika, fir-rigward tal-iktar restrizzjonijiet gravi, bħal dik inkwistjoni, rata ta’ minn tal-inqas 15 % tal-valur tal-bejgħ, li jirrappreżenta l-minimu tal-“parti għolja tal-iskala”, fis-sens tal-punt 23 tal-Linji Gwida tal-2006, għal dan it-tip ta’ ksur (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punt 124).

82

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali evalwat u wieġbet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fil-punti 528 sa 533 tas-sentenza appellata, għall-argument tal-appellanti bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni n-natura limitata tas-sehem tas-suq akkumulat u tal-portata ġeografika tal-ksur sabiex tiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari, fil-punt 530 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament li, fir-rigward tal-iktar restrizzjonijiet gravi, din ir-rata kellha tkun minn tal-inqas iktar minn 15 %.

83

Għalkemm l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 532 tas-sentenza appellata, li meta l-Kummissjoni sempliċement tapplika rata ekwivalenti jew kważi ekwivalenti għar-rata minima ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ prevista fir-rigward tal-iktar restrizzjonijiet gravi, ma huwiex meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi addizzjonali, hija a priori żbaljata, din l-affermazzjoni madankollu ma tirriflettix ir-realtà tal-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li eżaminat ir-rilevanza taċ-ċirkustanzi invokati mill-appellanti fir-rikors tagħhom dwar l-analiżi tal-gravità tal-ksur, b’mod partikolari fil-punt 533 tas-sentenza appellata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punt 129). Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, peress li fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset ġustament li l-ksur inkwistjoni kien jaqa’ fil-kategorija tal-iktar ksur gravi, l-aġir individwali tal-impriżi effettivament ittieħed inkunsiderazzjoni.

84

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jintqal fil-punt 531 tas-sentenza appellata, mill-premessa 329 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jirriżultax li r-rata ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ kienet iffissata mill-Kummissjoni fuq il-bażi biss tan-natura tal-ksur, peress li l-imsemmija premessa tirreferi wkoll għaċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ.

85

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti Ġenerali ma fakkritx biss, fil-punt 549 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, iżda qieset, fil-punt 551 tal-istess sentenza, li wieħed miż-żewġ fatturi li ġġustifikaw l-għoti ta’ tnaqqis fil-każ tal-Ewropa tat-Tramuntana, jiġifieri l-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza, effettivament ma kienx preżenti fil-każ ineżami, u dan kien jiġġustifika d-differenza fil-perċentwali tat-tnaqqis mogħti f’dan il-każ.

86

L-argument tal-appellanti fis-sens li l-Qorti Ġenerali kien imissha madankollu ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-każ ineżami, bħall-każ tal-Ewropa tat-Tramuntana, kien jikkonċerna ksur minħabba l-għan, minbarra li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti, ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun effettiv peress li effettivament tali fatt ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

87

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret ġustament, fil-punti 552 u 553 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha b’tali mod li s-sempliċi fatt li fil-passat tkun aċċettat ċerta rata ta’ tnaqqis fir-rigward ta’ aġir partikolari ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva sussegwenti.

88

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

89

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

90

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw ksur mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ ftehim li jkollu għan antikompetittiv, minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u legali tal-ftehim eżaminat u minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża li rriżulta minn dan.

91

Huma jallegaw ukoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 466 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet ġustament li l-aġir tal-partijiet kellu l-għan li jipprekludi, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq intern.

92

Huma jsostnu li analiżi tal-kuntest ekonomiku u legali tal-ftehim inkwistjoni hija meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punti 3648, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 16).

93

Huma jargumentaw ukoll li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jiġi interpretat b’mod ristrett, li l-Qorti Ġenerali għandha tiġġustifika r-raġunijiet għaliex din ir-restrizzjoni għandha livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni u li l-Qorti Ġenerali ma tistax tirreferi għal aġir analogu kklassifikat bħala ksur minħabba l-għan f’ġurisprudenza preċedenti sakemm dan l-aġir ma jkunx qrib biżżejjed l-aġir eżaminat (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204).

94

Minn dan l-appellanti jiddeduċu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċement tqis, fil-punt 468 tas-sentenza appellata, li l-prattika inkwistjoni kienet taqa’ taħt l-Artikolu 101(1)(a) TFUE, li jirreferi biss għall-iffissar tal-prezzijiet u mhux għas-sempliċi komunikazzjoni ta’ intenzjonijiet futuri dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet.

95

Huma jqisu li, li kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti, il-kundizzjonijiet tal-funzjonament u l-istruttura tas-suq, hija kien ikollha tasal għall-konklużjoni li l-ftehim inkwistjoni ma għandux għan antikompetittiv.

96

F’dan ir-rigward, huma jirreferu b’mod partikolari għall-fatt li, fil-mument tal-ksur, is-suq Ewropew tal-banana kien suġġett għal organizzazzjoni komuni tas-swieq li skonthom kienet wasslet għal nuqqas ta’ flessibbiltà kif ukoll għal livell għoli ta’ trasparenza fir-rigward tal-volumi u tal-prezzijiet li fl-aħħar mill-aħħar inkoraġġixxew lill-kompetituri sabiex jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali bejniethom. Huma jżidu li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni seħħ b’mod okkażjonali u li ma hemm ebda rabta manifesta bejn id-dati ta’ dawn il-kuntatti u d-dati tal-iffissar rispettiv tal-prezzijiet. Huma jsostnu wkoll li l-ksur kien jimplika biss żewġ kompetituri fis-suq, li Pacific Fruit Company Italy, bħala l-operatur li kellha taċċetta l-prezzijiet, ma setgħetx timponi prezzijiet fuq il-klijenti tagħha u li kienet ikkonċernata biss parti limitata tas-suq Ewropew tal-banana.

97

L-appellanti jqisu li referenzi sparsi għall-kuntest tal-kawża fis-sentenza appellata, lil hinn mill-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-prattiki inkwistjoni bħala ksur minħabba l-għan, ma jistgħux jippermettu li jitqies li dan il-kuntest effettivament ittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala ksur minħabba l-għan.

98

Huma jispeċifikaw ukoll, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li l-konstatazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv ċaħdithom minn dibattitu fil-fond u kontradittorju fir-rigward tal-effetti tal-aġir tagħhom.

99

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli minħabba n-natura ġdida tiegħu u wkoll minħabba li l-argumenti dwar il-kuntest legali u ekonomiku tal-ksur inkwistjoni jdaħħlu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti.

100

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt il-kuntest ekonomiku u legali tal-ftehim inkwistjoni u ma wettqitx żball ta’ liġi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni minħabba n-natura ġdida tar-raba’ aggravju, għandu jiġi kkonstatat li mill-punt 135 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-appellanti kkontestaw il-klassifikazzjoni bħala ksur minħabba l-effett, “fid-dawl b’mod partikolari tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-każ”, iżda li f’dan ir-rigward huma sostnew biss li l-ftehim inkwistjoni kien jikkonċerna biss skambji ta’ informazzjoni vagi u sporadiċi dwar it-tendenzi ġenerali tas-suq.

102

Madankollu, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-raba’ aggravju, għandu jiġi kkonstatat li dan, fi kwalunkwe każ, ma huwiex fondat.

103

Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod ristrett u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jkollhom livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 17, u tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 26).

104

Il-kriterju legali essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jimplikax restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jinsab fil-konstatazzjoni li tali ftehim jirrappreżenta, fih innifsu, livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx lok li jiġu mistħarrġa l-effetti tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 20).

105

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni, l-għanijiet tiegħu kif ukoll il-kuntest ekonomiku u legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 27).

106

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mis-sentenza appellata u b’mod partikolari mill-punti 246, 524 u 550 tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat li l-appellanti kienu pparteċipaw f’akkordju li l-għan tiegħu kien l-iffissar tal-prezzijiet, u li din l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma ddaħlitx inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

107

Fir-rigward ta’ tali ftehimiet, li jikkostitwixxu ksur partikolarment gravi tal-kompetizzjoni, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u legali tal-prattika tista’, għaldaqstant, tkun limitata għal dak li jirriżulta strettament neċessarju sabiex jiġi konkluż li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, b’analoġija mal-ftehimiet dwar it-tqassim tas-swieq, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 29).

108

Issa, fil-punt 466 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wieġbet b’mod korrett għall-argument invokat mill-appellanti f’dan ir-rigward fir-rikors tagħhom billi rreferiet b’mod partikolari għall-eżami tal-fatti eżaminati fil-kuntest tat-tielet aggravju.

109

Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argumenti dwar il-kuntest ekonomiku u legali tal-każ, invokati mill-appellanti insostenn tar-raba’ aggravju tagħhom, ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata b’mod validu talli ma ħadithomx inkunsiderazzjoni fis-sentenza appellata.

110

Barra minn hekk, uħud minn dawn l-argumenti huma intiżi li juru l-assenza ta’ koordinazzjoni dwar il-prezzijiet u li jikkontestaw, fir-realtà, l-eżistenza stess tal-ftehim. Dan fil-fatt huwa l-każ fir-rigward tal-fatt li s-suq Ewropew tal-banana huwa suġġett għal organizzazzjoni komuni tas-swieq.

111

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 473 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet indikat ġustament li l-ksur seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

112

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata b’mod validu talli kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju minħabba li l-klassifikazzjoni bħala ftehim li għandu għan antikompetittiv ċaħdet lill-appellanti mill-possibbiltà li jinvokaw l-assenza ta’ effett antikompetittiv.

113

Minn dan jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

114

Għaldaqstant, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jista’ jintlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

115

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu fir-rigward tal-aggravji tagħhom u peress li l-Kummissjoni talbet li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, l-appellanti għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

FSL Holdings NV, Firma Léon Van Parys NV u Pacific Fruit Company Italy SpA huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.