SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

28 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Mument tat-tnissil tal-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti — Artikolu 3 — Anness I — Kunċett ta’ ‘installazzjoni’ — Attività ta’ kombustjoni ta’ kombustibbli fl-installazzjonijiet b’input termiku totali ta’ kombustjoni li jaqbeż l-20 MW”

Fil-Kawża C‑457/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

Vattenfall Europe Generation AG

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vattenfall Europe Generation AG, minn M. Ehrmann, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU L 140,p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), kif ukoll tal-Artikolu 19(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas‑27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Vattenfall Europe Generation AG (iktar ’il quddiem “Vattenfall”) u l-Bundesrepublik Deutschland (Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar id-determinazzjoni tal-mument minn meta installazzjoni li tipproduċi l-elettriku hija suġġetta għall-obbligu ta’ rapportar u ta’ ċediment ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti”) previsti mid-Direttiva 2003/87.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/87

3

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘emissjonijiet’ ifissru r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ġewwa stallazzoni […]

[…]

e)

‘stallazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż;

[…]

(t)

‘kombustjoni’ tfisser kull ossidazzjoni tal-karburanti irrispettivament mill-mod li bih jintużaw is-sħana, l-enerġija mekkanika jew elettrika prodotti minn dan il-proċess u kwalunkwe attività oħra assoċjati direttament inkluż tindif tal-gass tal-iskart;

(u)

‘ġeneratur tal-elettriku’ tfisser istallazzjoni li fl-1 ta’ Jannar 2005 jew wara, kienet ipproduċiet elettriku għall-bejgħ lil partijiet terzi u li fiha ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I barra dik tal-‘kombustjoni tal-karburanti’.”

5

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/87 jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda istallazzjoni ma twettaq xi attività mniżżla fl-Anness I li tirriżulta f’emissjonijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività sakemm l-operaturi tagħha ma jkollhomx permess maħruġ minn awtorità kompetenti konformement mal-Artikoli 5 u 6, jew l-istallazzjoni ma tiġix eskluża mill-iskema Komunitarja taħt l-Artikolu 27. Din għandha tapplika wkoll għal istallazzjonijiet magħżula taħt l-Artikolu 24.”

6

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/87:

“1.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra li jagħti awtorizzazzjoni għall-emissjoni tal-gassijiet serra dinja minn stallazzjoni fl-intier tagħha jew f’parti minnha jew tkun sodisfatta illi l-operatur huwa kapaċi li jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet.

[…]

2.   Il-permessi għall-emissjoni tal-gassijiet serra għandu jkun fihom dan li ġej:

a)

l-isem u l-indirizz ta’ l-operatur;

b)

deskrizzjoni ta’ l-attivitajiet u l-emissjonijiet mill-istallazzjoni;

[…]

e)

obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti ekwivalenti ghall-emissjonijet totali ta’ l-installazzjoni f’kull sena kalendarja, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ din is-sena.”

7

L-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2.”

8

L-Artikolu 12(3) tal-istess direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, ekwivalenti ghat-total tal-emissjonijet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati.”

9

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87 jiddisponi:

“1   Sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet […] li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rappurtar stabbiliti fl-Anness IV u għandu jispeċifika l-potenzjal għat-tisħin globali ta’ kull gass serra fir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet għal dak il-gass.

Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata bil-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3).

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur ta’ istallazzjoni jew ta’ ajruplan jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet minn din l-istallazzjoni matul kull sena kalendarja jew, mill-1 ta’ Jannar 2010, l-ajruplan li hu jopera, lill-awtorità kompetenti wara t-tmiem ta’ din is-sena konformement mar-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1.

[…]”

10

L-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jelenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom japplika dan l-anness. Fost dawn l-attivitajiet hemm inklużi, b’mod partikolari, il-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW (minbarra istallazzjonijiet għat-trattament [inċinerazzjoni] ta’ skart perikoluż jew muniċipali)”.

Id-Deċiżjoni 2011/278

11

Il-premessa 31 tad-Deċiżjoni 2011/278 tistabbilixxi:

“Minħabba li l-bejgħ sħiħ bl-irkant għandu jkun ir-regola mill-2013 ’il quddiem għas-settur tal-enerġija, meta titqies l-abbiltà tiegħu li jgħaddi l-ispiża ogħla tad-diossidu tal-karbonju, u li ma għandha ssir l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tranżizzjonali għall-immodernizzar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-elettriku prodott mill-gassijiet ta’ skart, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkopri l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni jew il-konsum tal-elettriku. Madankollu, skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva [2003/87/KE], is-setturi jew subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ tnixxija tal-karbonju jistgħu jingħataw kumpens minħabba l-ispejjeż relatati mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mgħoddija lilhom fil-prezzijiet tal-elettriku permezz ta’ miżuri finanzjarji adottati mill-Istati Membri skont ir-regoli applikabbli ta’ għajnuna mill-Istat u li sejrin jiġu adottati mill-Kummissjoni f’dan il-qasam.”

12

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet taħt id-Direttiva [2003/87/KE] mill-2013 ’il quddiem.”

13

L-Artikolu 19 ta’ din l-istess deċiżjoni, intitolat “L-allokazzjonijiet lill-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq”, jiddisponi:

“1.   Għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet lil installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, bl-eċċezzjoni tal-allokazzjonijiet lill-installazzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 3(h) tad-Direttiva [2003/87/KE], l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mal-bidu tal-attività normali tal-installazzjoni għal kull subinstallazzjoni separatament, kif ġej:

[…]

c)

għal kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għandu jikkorrispondi mal-valur tal-parametru referenzjarju tal-fjuwil kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell ta’ attività relatat mal-fjuwil;

[…]

2.   Għal emissjonijiet ivverifikati b’mod indipendenti tal-installazzjoni li daħlet ġdida fis-suq u li seħħew qabel il-bidu tal-attività normali, għandhom jiġu allokati kwoti addizzjonali fuq il-bażi ta’ emissjonijiet storiċi espressi bħala tunnellati metriċi ta’ ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju.

[…]”

Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012

14

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, p. 30), jipprevedi:

“Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu kompluti u jkopru l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva [2003/87/KE] u attivitajiet rilevanti oħra inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju.”

15

L-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“Operatur għandu jiddefinixxi l-konfini tal-monitoraġġ għal kull installazzjoni.

Fi ħdan dawk il-konfini, l-operatur għandu jinkludi l-emissjonijiet rilevanti kollha ta’ gassijiet serra mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi minn sorsi kollha li jagħmlu parti minn attivitajiet imwettqa fl-installazzjoni u elenkati fl-Anness I tad-Direttiva [2003/87/KE], kif ukoll minn attivitajiet u gassijiet serra inklużi minn Stat Membru skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE.

L-operatur għandu jinkludi wkoll l-emissjonijiet minn operazzjonijiet regolari u avvenimenti anormali inkluż sitwazzjonijiet ta’ bidu u għeluq u ta’ emerġenza matul il-perjodu ta’ rapportar, bl-eċċezzjoni ta’ emissjonijiet minn makkinarju mobbli għal finijiet ta’ trasport.”

Id-dritt Ġermaniż

16

L-Artikolu 2(1) tal-Gesetz über den Handel mit Berechtigungen zur Emission von Treibhausgasen (Liġi fuq l-iskambji ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra), tal-21 ta’ Lulju 2011 (BGB1. 2011 I 1475, p. 3154, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), jipprevedi:

“Din il-liġi tapplika għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra msemmija fil-Parti 2 tal-Anness 1, li jirriżultaw mill-attivitajiet hemm imsemmija. […]”

17

Il-Parti 2 tal-Anness 1 tat-TEHG huwa fformulat kif ġej:

“1.

Unitajiet ta’ kombustjoni intiżi sabiex jaħarqu kombustibili fejn l-input termiku totali ta’ kombustjoni huwa ugwali għal jew jaqbeż l-20 MW, sakemm ma jkunux koperti minn wieħed mill-punti li ġejjin.

2

Installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku, ta’ fwar, ta’ ilma sħun, ta’sħana industrijali jew ta’ gassijiet tal-egżost imsaħħan permezz tal-użu ta’ karburanti f’installazzjoni ta’ kombustjoni (bħal ma huwa impjant, impjant elettriku għas-sħana, impjant għas-sħana, installazzjoni ta’ turbini tal-gass, installazzjoni ta’ magna tal-kombustjoni jew installazzjoni oħra ta’ tisħin), inklużi kaldaruni li jiġġeneraw fwar, b’input termiku ta’ kombustjoni ugwali għal jew li jaqbeż il-50 MW.”

18

L-Artikolu 18(4) tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (Regolament għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għall-perijodu ta’ skambju mill-2013 sal-2020), tas-26 ta’ Settembru 2011 (BGB1, 2011 I, p. 1921), jipprevedi:

“Għall-emissjonijiet ta’ elementi ta’ allokazzjoni, li huma prodotti qabel ma din tibda titħaddem normalment, l-installazzjoni l-ġdida tiġi allokata drittijiet ta’ emissjoni supplimentari fuq il-bażi ta’ dawn l-emissjonijiet espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Vattenfall topera impjant elettriku ġdid mibni f’Moorburg ħdejn Hamburg (il-Ġermanja). L-input termiku ta’ kombustjoni ta’ dan l-impjant tal-faħam jitla’ sa 3700 MW.

20

Permezz ta’ żewġ ittri tas-7 ta’ Awwissu u tat-3 ta’ Settembru 2013, Vattenfall indika lil Deutsche Emissionshandelsstelle im Umweltbundesamt (dipartiment Ġermaniż għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-uffiċċju federali għall-ambjent, iktar ’il quddiem id-“dipartiment għall-iskambju ta’ kwoti”) li, sakemm l-impjant ta’ Moorburg kien għadu taħt kostruzzjoni, dan ma kienx suġġett għall-obbligi ta’ skambju u ta’ ċediment ta’ kwoti li jirriżultaw mill-iskema stabbilita mid-Direttiva 2003/87 (iktar ’il-quddiem l-“iskema ta’ skambju ta’ kwoti”).

21

Peress li d-dipartiment għall-iskambju ta’ kwoti, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Settembru 2013, ċaħad din l-interpretazzjoni, Vattenfall adixxiet lill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), b’rikors sabiex jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti tnissel biss mal-bidu tat-testijiet imwettqa mill-operatur.

22

Vattenfall tikkunsidra, fil-fatt, li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 li din tal-aħħar ma ssemmix l-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku ħlief mill-mument li dawn jipproduċu l-elettriku intiż għall-bejgħ lil terzi. Tkun għalhekk konsistenti ma’ din id-dispożizzjoni tat-TEHG, peress li, fil-paragrafu 2 tal-Anness 1, Parti 2, hija ma tissuġġetax għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti l-emissjonijiet maħruġa minn impjanti elettriċi qabel il-produzzjoni tal-elettriku għall-bejgħ lil terzi. L-obbligu ta’ skambju tal-kwoti jitnissel biss mir-riċezzjoni tal-installazzjoni fi stat funzjonali mill-operatur, meta dan tal-aħħar jibda l-ittestjar operattiv tagħha. Din l-interpretazzjoni tkun konsistenti mal-punt 1 tal-Parti 2 tal-Anness 1 tat-TEHG li hija intiża biss sabiex tiżgura li t-tipi kollha ta’ installazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TEHG, iżda ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ratione temporis.

23

Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-impjant ta’ Moorburg, minħabba l-input termiku tiegħu li jaqbeż l-20 MW, huwa suġġett għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti mill-mument meta beda jarmi gassijiet serra relatati mal-attività tiegħu, mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni għall-għan tal-kombustjoni. Fil-fatt, l-attività ta’ installazzjoni tibda bl-ewwel testijiet operattivi u, konsegwentement, ġaladarba l-installazzjoni tibda tarmi gassijiet serra, għal kwalunkwe raġuni. Din ir-regola tirriżulta mit-TEHG fejn il-punt 1 tal-Parti 2 tal-Anness 1, jipprevedi li l-emissjonijiet kollha li jirriżultaw minn kombustjoni għandhom jiġu meqjusa. Dan ikun konformi kemm mal-kunċett ta’ kombustjoni li jinsab fl-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll mal-limiti ta’ żmien għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 601/2012.

24

Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward li la d-dritt Ġermaniż u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jinkludu dispożizzjoni espliċita dwar il-mument li fih l-installazzjonijiet ikkummissjonati matul il-perijodu ta’ skambju ta’ bejn is-sena 2013 sas-sena 2020 huma suġġetti għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti. Madankollu, risposta għal din id-domanda tista’ tinstab fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li jsemmi “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, kif ukoll fl-Artikolu 19(2) tad-Deċiżjoni 2011/278. B’mod partikolari, anki jekk din l-aħħar deċiżjoni ma tapplikax għall-installazzjonijiet intiżi għall-produzzjoni tal-elettriku, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 19(2), dwar l-operaturi l-ġodda, li l-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti tnissel qabel ma tali installazzjonijiet bdew jitħaddmu normalment. Madankollu, jekk dan l-obbligu jitnissel biss minn meta din tibda titħaddem normalment, Vattenfall kienet ċediet għadd ta’ kwoti għoli wisq.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-inklużjoni tal-kategorija ta’ attività ta’ kombustjoni fl-‘istallazzjonijiet tal-kombustjoni bi dħul termali tratat li jaqbeż il-20 MW’ fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE għandha l-effett li l-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku jibda fid-data li jsiru l-ewwel emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u għalhekk possibbilment qabel id-data tal-ewwel produzzjoni ta’ elettriku minn din l-installazzjoni?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija negattiva:

L-Artikolu 19(2) tad-Deċiżjoni [2011/278/UE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jsiru qabel ma tinbeda l-operazzjoni normali ta’ installazzjoni li taqa’ taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE jiskattaw l-obbligu tal-operatur li jirrapporta u li jirrinunzja d-drittijiet ta’ emissjoni fid-data ta’ meta jsiru l-ewwel emissjonijiet matul il-fażi ta’ kostruzzjoni tal-installazzjoni?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv:

L-Artikolu 19(2) tad-Deċiżjoni [2011/278/UE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni, jiġifieri l-paragrafu 18(4) [tar-Regolament għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għall-perijodu ta’ skambju mill‑2013 sal-2020], għal installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-elettriku fid-dawl tad-determinazzjoni tad-data ta’ meta jiġi stabbilit l-obbligu ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li jinkludi l-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l‑20 MW” fil-lista ta’ kategoriji ta’ attività li għalihom tapplika din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ installazzjoni intiża għall-produzzjoni tal-elettriku jitnissel mill-ewwel emissjoni ta’ gassijiet serra, u għalhekk possibbilment qabel l-istess bidu tal-ewwel produzzjoni ta’ elettriku.

27

Għandu jitfakkar li l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/87 hija bbażata fuq il-kontabbiltà stretta tal-kwoti maħruġa, miżmuma, ittrasferiti u annullati. Din il-kontabbiltà speċifika hija inerenti għall-għan stess ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ skema ta’ skambju ta’ kwoti, intiża sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet fl-atmosfera fuq livell li jimpedixxi kull interferenza antropoġenika perikoluża għall-klima u fejn l-għan aħħari huwa l-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 28).

28

Għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ din l-iskema, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar jestendi għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha u għall-gassijiet serra elenkati fl-Anness II tagħha, li jinkludi, b’mod partikolari, id-diossidu tal-karbonju.

29

Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva li l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-ebda installazzjoni ma teżerċita attività msemmija fl-Anness I tagħha li tirriżulta fl-emissjonijiet speċifikati fejn tidħol din l-attività għajr jekk l-operatur tagħha jkollu permess maħruġ minn awtorità kompetenti konformement mal-kundizzjonijiet previsti minn din l-istess direttiva.

30

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/87, il-ħruġ ta’ tali permess huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-obbligu msemmi fl-Artikolu 12(3) ta’ din, skont liema l-operaturi huma obbligati li jċedu, qabel it-30 ta’ April tas-sena kurrenti, għall-annullament, għadd ta’ kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 29).

31

Kif jirriżulta mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87, dan l-obbligu ta’ ċediment jistrieħ fuq id-dikjarazzjonijiet li l-operaturi ta’ installazzjoni jistabbilixxu b’konformità mar-regoli esposti fir-regolament li l-adozzjoni tagħhom hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 31).

32

Abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 601/2012, fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) jipprevedi li fi ħdan il-limiti għall-monitoraġġ iddefiniti għal kull installazzjoni mill-operatur, dan tal-aħħar għandu jinkludi l-emissjonijiet rilevanti kollha ta’ gassijiet serra mis-sorsi u mill-flussi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet imwettqa fl-installazzjoni u msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

33

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 601/2012 jippreċiża li dan l-obbligu japplika mhux biss għall-emissjonijiet relatati mal-operazzjonijiet normali iżda wkoll dawk iġġenerati matul avvenimenti eċċezzjonali, bħalma huma l-bidu u l-għeluq ta’ installazzjoni. Peress li din il-lista ma hijiex eżawrjenti, l-emissjonijiet iġġenerati waqt avvenimenti eċċezzjonali oħra, bħal dawk prodotti matul il-perijodu ta’ ttestjar ta’ installazzjoni, għandhom ukoll jitqiesu għall-finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar tal-emissjonijiet.

34

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi installazzjoni għall-finijiet ta’ din id-direttiva bħala unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività waħda jew iktar elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva kif ukoll kull attività oħra assoċjata direttament li hija relatata teknikament mal-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ, C‑158/15, EU:C:2016:422, punt 25).

35

Fost l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva, hemm il-kombustjoni ta’ kombustibbli fl-installazzjonijiet b’input termiku totali ta’ kombustjoni li jaqbeż l-20 MW, bl-eċċezzjoni tal-installazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali.

36

Fil-każ tal-kunċett ta’ kombustjoni, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87 bħala kull ossidazzjoni ta’ kombustibbli irrispettivament mill-użu li jsir tas-sħana, tal-enerġija elettrika jew mekkanika prodotti minn dan il-proċess u kwalunkwe attività oħra assoċjata.

37

Għalhekk huwa mingħajr rilevanza l-fatt li, fl-ewwel perijodu ta’ testijiet li matulu jseħħ ir-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera, impjant elettriku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 ma jipproduċix elettriku, peress li ma huwiex neċessarju, fir-rigward tal-obbligu ta’ ċediment tal-kwoti, li s-sħana li tirriżulta mill-kombustjoni tal-kombustibbli tintuża għal dan l-iskop.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li installazzjoni intiża sabiex tipproduċi l-elettriku permezz tal-kombustjoni tal-kombustibbli bil-kapaċità ta’ produzzjoni taqbeż il-valur previst fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 hija suġġetta għall-obbligi involuti fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti u, b’mod partikolari, għal dak tar-rapportar, għall-emissjonijiet mis-sorsi kollha u mill-flussi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet fl-installazzjoni, inklużi l-emissjonijiet iġġenerati matul perijodu ta’ testijiet preliminari għat-tħaddim normali ta’ din l-installazzjoni.

39

Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87 hija konformi mal-għan ewlieni tagħha, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-gassijiet serra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 79) u ma hijiex invalidata mill-fatt li l-kwalifika ta’ installazzjoni bħal produttur tal-elettriku, fis-sens tal-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva, hija suġġetta għall-kundizzjoni li hija tipproduċi elettriku għall-bejgħ lil terzi.

40

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 iżda tikkontribwixxi għall-implementazzjoni ta’ distinzjoni importanti għad-determinazzjoni tal-ammont annwali massimu tal-kwoti fis-sens tal-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punti 64 sa 70).

41

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) u l-Artikolu 10a(3) sa (5) tad-Direttiva 2003/87, għandha ssir distinzjoni bejn l-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva mill-installazzjonijiet l-oħra li jiġġeneraw emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fost dawn tal-ewwel jinkludu, b’mod partikolari, il-prodotturi tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 70).

42

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li ċ-ċirkustanza li dawn l-obbligi huma indirizzati lill-operatur ta’ installazzjoni ma jfissirx li l-emissjonijiet iġġenerati matul l-ittestjar mill-produttur ta’ din tal-aħħar ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, u kif issostni l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” fl-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 ma huwiex rilevanti għat-tnissil tal-obbligu tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ rapportar u ta’ ċediment tal-operatur tikkonċerna wkoll dawn l-emissjonijiet, ġaladarba l-iskema tal-iskambju ta’ kwoti japplika, konformement mal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, għall-emissjonijiet kollha li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I ta’ din tal-aħħar.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li jinkludi l-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l‑20 MW” fil-lista ta’ kategoriji ta’ attività li għalihom tapplika din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ installazzjoni intiża għall-produzzjoni tal-elettriku jitnissel mill-ewwel emissjoni ta’ gassijiet serra, u għalhekk possibbilment qabel l-istess bidu tal-ewwel produzzjoni ta’ elettriku.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

44

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li jinkludi l-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l‑20 MW” fil-lista ta’ kategoriji ta’ attività li għalihom tapplika din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ installazzjoni intiża għall-produzzjoni tal-elettriku jitnissel mill-ewwel emissjoni ta’ gassijiet serra, u għalhekk possibbilment qabel l-istess bidu tal-ewwel produzzjoni ta’ elettriku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.