Kawża C‑455/15 PPU
P
vs
Q
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varbergs tingsrätt)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 23(a) — Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri — Ordni pubbliku”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-19 ta’ Novembru 2015
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni — Motivi tar-rifjut — Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub — Kundizzjonijiet — Evalwazzjoni mill-qorti mitluba — Limiti — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 23(a))
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni — Projbizzjoni ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni fil-qrati tal-oriġini — Kamp ta’ applikazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 15 u 24)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni — Motivi tar-rifjut — Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub — Kundizzjonijiet — Ksur manifest, fid-dawl tal-aħjar interessi tat-tfal, ta’ regola tad-dritt meqjusa essenzjali fis-sistema legali ta’ Stat Membru jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 23(a))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 35-40)
L-Artikolu 23(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, jipprojbixxi kull stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini u jippreċiża espliċitament li l-Artikolu 23(a) tal-istess regolament ma jistax jiġi invokat sabiex isir tali stħarriġ. Ċertament, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirreferi biss għall-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-regolament, u mhux għall-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament. Madankollu, li jidher fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jikkompleta r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 14 tal-imsemmi kapitolu permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru, li jkollha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża bis-saħħa ta’ wieħed minn dawn ir-regoli, li tibgħat il-kawża, eċċezzjonalment, lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor, liema qorti tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża. B’hekk, allegat ksur tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament mill-qorti ta’ Stat Membru ma jippermettix lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor tistħarreġ il-ġurisdizzjoni ta’ din l-ewwel qorti, minkejja l-fatt li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 24 tar-regolament ma jkun fih l-ebda riferiment espliċitu għall-Artikolu 15.
(ara l-punti 42-45)
L-Artikolu 23(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ ksur ċar, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild, ta’ regola tad-dritt li titqies li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jew ta’ dritt irrikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-qorti ta’ dan l-Istat Membru, li tqis li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kustodja ta’ wild, li tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li tat deċiżjoni fuq il-kustodja ta’ dan il-wild.
(ara l-punt 53 u d-dispożittiv)