Kawża C-453/15

Proċeduri kriminali

vs

A
u
B

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – VAT – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 56 – Post tal-provvista ta’ servizzi – Kunċett ta’ ‘drittijiet simili’ – Trasferiment ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2016

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Provvista ta’ servizzi – Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni – Ċessjonijiet u konċessjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur, privattivi, liċenzji, trade marks kummerċjali, u drittijiet simili – Kunċett ta’ “drittijiet simili” – Kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 3(a); Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 56(1)(a))

L-Artikolu 56(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-“drittijiet simili” imsemmija f’din id-dispożizzjoni jinkludu l-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ddefiniti fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità.

Fil-fatt, l-inklużjoni tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fid-drittijiet simili msemmija fl-Artikolu 56(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 tindirizza l-għan u l-loġika ta’ din id-direttiva. Minn naħa, peress li t-trasferiment tal-kwoti għandu jiġi rreġistrat, b’mod obbligatorju, fir-reġistru previst fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87, l-identità tax-xerrej, il-post fejn huwa stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu jew fejn għandu stabbiliment stabbli li għall-bżonnijiet tiegħu jitwettaq it-trasferiment, jew ukoll il-post tad-domiċilju tiegħu jew tar-residenza abitwali tiegħu u, konsegwentement, ukoll il-pajjiż ta’ destinazzjoni tat-trasferiment jistgħu jiġu ddeterminati b’mod faċli u b’ċertezza kbira. Min-naħa l-oħra, peress li, bħala prinċipju, il-kwoti ttrasferiti għandhom jintużaw fil-post fejn ix-xerrej jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu, it-tassazzjoni f’dan il-post tal-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu f’trasferiment ta’ kwoti tippermetti li din il-provvista tiġi suġġetta għas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintużaw l-imsemmija kwoti.

(ara l-punti 26-28, 30 u d-dispożittiv)