SENTENZA TAL-QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

24 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ħalib u prodotti mill-ħalib – Imposta addizzjonali fuq il-ħalib – Snin minn 1995/1996 sa 2008/2009 – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikoli 79, 80 u 83 – Regolament (KE) Nru 595/2004 – Artikoli 15 u 17 – Ksur – Assenza ta’ ħlas effettiv tal-imposta fit-termini previsti – Nuqqas ta’ rkupru f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-imposta”

Fil-Kawża C‑433/15

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2015,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi, D. Nardi u J. Guillem Carrau, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir‑Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u S. Fiorentino, avvocati dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tiżgura li l-imposta addizzjonali dovuta fuq il-produzzjoni li seħħet fl-Italja li taqbeż il-kwota nazzjonali, mill-ewwel sena ta’ impożizzjoni effettiva tal-imposta addizzjonali fl-Italja (1995/1996) u sal-aħħar sena li fiha kienet ikkonstatata produzzjoni żejda fl-Italja (2008/2009),

kienet effettivament ġiet allokata lill-produtturi li kkontribwixxew għal kull eċċess ta’ produzzjoni u

kienet tħallset fiż-żmien opportun, malli saritilhom komunikazzjoni dwar l-ammont dovut, mix-xerrejja jew mill-produtturi fil-każ ta’ bejgħ dirett, jew

f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fit-termini previsti, li kienet iskritta fir-reġistru u, eventwalment, irkuprata permezz ta’ eżekuzzjoni forzata mingħand dawk ix-xerrejja jew produtturi,

ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għas-snin ikkonċernati, b’mod partikolari tal‑Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU 1992, L 405, p. 1), tal‑Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 391), tal-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU 2007, L 299, p. 1), kif ukoll, fir-rigward tad- dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/1993 tad-9 ta’ Marzu 1993 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u prodotti mill-ħalib (ĠU 1993, L 57, p. 12), tal-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1392/2001 tad-9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3950/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 104), kif ukoll, fl-aħħar lok, tal-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament Nru 1788/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 333), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2006 tal-4 ta’ Ottubru 2006 (ĠU 2006, L 274, p. 6) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 595/2004”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 3950/92, l-iskema ta’ imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib “għandha bħala għan li tnaqqas l-iżbilanċ bejn l-offerta u t-talba għal ħalib u prodotti mill-ħalib u l-eċċessi strutturali bħala riżultat ta’ dan, […] tibqa’ neċessarja fil-futur sabiex ikun hemm ekwilibriju aħjar tas-suq”.

3

L‑Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3950/92 jipprovdi:

“Matul seba’ perijodi konsekuttivi ġodda ta’ tnax-il xahar li jibdew fl-1 ta’ April 1993, hija stabbilita imposta addizzjonali fuq produtturi tal-ħalib tal-baqra fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib jew ta’ ekwivalenti ta’ ħalib ikkunsinnati lil xerrej jew mibjugħa direttament għall-konsum matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar inkwistjoni u li jaqbżu kwantità li għandha tiġi stabbilita.

L-imposta hija stabbilita għal 115 % tal-prezz indikattiv tal-ħalib.”

4

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-imposta hija dovuta fuq il-kwantitajiet kollha ta’ ħalib jew ta’ ekwivalenti ta’ ħalib ikkumerċjalizzati matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar inkwistjoni u li jkunu jeċċedu kwantità waħda jew oħra tal-kwantitajiet previsti fl-Artikolu 3. Din tiġi maqsuma bejn il-produtturi li kkontribwixxew għall-eċċess.

Skont id-deciżjoni tal-Istat Membru, il-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-ħlas tal-imposta dovuta hija stabbilita, kemm jekk assenjati mill-ġdid jew le kwantitajiet ta’ riferiment mhux użati, kemm fil-livell tax-xerrej skont l-eċċess li jeżisti wara t-tqassim, proporzjonalment mal-kwantitajiet ta’ riferiment li kull wieħed minn dawn il-produtturi jkollu, il-kwantitajiet ta’ riferiment mhux użati, kemm fil-livell nazzjonali skont l-eċċess tal-kwantità ta’ riferiment li kull wieħed minn dawn il-produtturi jkollu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Ir-Regolament Nru 3950/92 ġie mħassar mill-1 ta’ April 2004, permezz tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1788/2003. Il-premessa 5 ta’ dan l-aħħar regolament tipprovdi li:

“It-taxxa għandha tkun stabbilita fuq livell disswassiv u għandha titħallas mill-Istati Membri jekk il-kwantità tar-referenza nazzjonali tkun inqabżet. L-Istat Membru, imbagħad, għandu jaqsam il-piż tal-ħlas fost il-prodotturi li jkunu wasslu biex jinqabeż il-limitu. F’rabta ma’ l-Istat Membru, dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantità disponibbli tagħhom.”

6

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L‑Għan”, jipprovdi:

“1.   Għal 11 il-perjodu konsekuttiv ta’ tnax-il xahar li jibdew mill-1 ta’ April 2004 (minn hawnhekk ’il quddiem imsejjaħ “il-perjodu ta’ tnax-il xahar”), qed tiddaħħal hawnhekk taxxa (minn hawnhekk ’il quddiem imsejħa “it-taxxa”) fuq il-ħalib tal-baqra u tal-prodotti mill-ħalib li jkunu tqiegħdu fis-suq matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar ikkonċernat fi kwantitajiet iżjed mill-kwantitajiet ta’ referenza nazzjonali ffissati fl-Anness I.

2.   Dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu bejn il-produtturi fi qbil ma’ l-Artikolu 6, li jiddistingwi bejn it-twassil u l-bejgħ dirett kif imfisser fl-Artikolu 5. Kull żejjed li jkun hemm fil-kwantità tar-referenza nazzjonali u t-taxxa li tirriżulta għandhom ikunu stabbiliti minn kull Stat Membru fuq livell nazzjonali u fi qbil mal-Kapitlu 3, waqt li ssir differenza bejn it-twassil u l-bejgħ dirett.

3.   Il-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali li hemm fl-Anness I għandhom ikunu stabbiliti mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni possibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali fis-suq u tal-kondizzjonijiet li jkun hemm f’uħud mill-Istati Membri.”

7

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1788/2003, intitolat “Il‑Ħlas tat-taxxa”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għat-taxxa li tkun ġejja miż-żejjed tal-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali ffissati fl-Anness I, li jkunu ġew stabbiliti fuq livell nazzjonali u b’mod separat għat-twassil u l-bejgħ dirett. Qabel l-1 ta’ Ottubru wara l-perjodu ta’ tnax-il xahar ikkonċernat, dawn għandhom iħallsuha fi ħdan il-limitu ta’ 99 % ta’ l-ammont dovut fil-Fond Agrikolu Ewropew dwaril-Gwida u l-Garanzija (FAEGG).

2.   Jekk it-taxxa msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tħallset qabel id-data dovuta, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-[FAEGG], il-Kummissjoni għandha tnaqqas somma li tkun daqsinsew għat-taxxa mhix imħallsa mill-avvanzi ta’ kull xahar fuq id-diżposizzjoni għan-nefqa li l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414] […]

3.   Il-Kummissjoni għandha twaqqaf l-arranġamenti għat-tħaddim ta’ dan l-Artikolu fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2).”

8

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Kontribuzzjoni tal-produtturi għat-taxxa dovuta”:

“I-taxxa għandha tkun allokata kollha kemm hi, fi qbil mad-diżposizzjonijiet ta’ l-Artikli 10 u 12, bejn il-produtturi li jkunu wasslu biex ikun hemm iż-żejjed fil-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 12(1) u f’rabta ma’ l-Istat Membru, il-produtturi għandhom ikunu responsabbli għall-ħas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta. Din għandha tinħadem fi qbil mad-diżposizzjonijiet tal-Kapitlu 3, minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantitajiet tar-referenza disponibbli tagħhom.”

9

Ir-Regolament Nru 1788/92 ġie mħassar permezz tal-Artikolu 201(1)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007 mill-1 ta’ April 2008. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament jirreoglaw is-sistema ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib li tapplika, skont l-Artikolu 204(2)(f) tiegħu, mill-1 ta’ Lulju 2008. Il-premessa 38 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

“L-imposta għaż-żejjed għandha tiġi ffissata f’livell dissważiv u għandha titħallas mill-Istati Membri hekk kif tinqabeż il-kwota kwantità nazzjonali. L-Istat Membru imbagħad għandu jaqsam il-piż tal-ħlas fost il-produtturi li jkunu kkontribixxew għall-ammont żejjed. Dawk il-produtturi għandhom ikunu responsabbli vis-à-vis l-Istat Membru għall-ħlas tal-kontribut tagħhom għall-imposta minħabba l-fatt li jkunu qabżu l-ammont disponibbli tagħhom. L-Istati Membri għandhom iħallsu lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) l-imposta li tikkorrispondi għall-ammont żejjed tal-kwota nazzjonali tagħhom, imnaqqsa b’ammont ta’ rata fissa ta’ 1 % sabiex jittieħed kont ta’ każijiet ta’ falliment jew ta’ inabbiltà definittiva ta’ ċerti produtturi li jagħmlu l-kontribut tagħhom għall-ħlas ta’ l-imposta dovuta.”

10

L‑Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Imposta għaż-żejjed” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għandha titħallas imposta għaż-żejjed fuq il-ħalib u prodotti oħra tal-ħalib ikkummerċjalizzati li jaqbżu l-kwota nazzjonali kif stabbilit skond is-Subtaqsima II.

L-imposta għandha tkun stabbilita, għal kull 100 kilogramma ta’ ħalib, f’EUR 27,83.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għall-imposta għaż-żejjed li tirriżulta mill-kwantitajiet maqbużin tal-kwota nazzjonali, iddeterminata nazzjonalment u separatament għal provvisti u bejgħ dirett, u bejn is-16 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru wara l-perijodu ta’ 12-il xahar kkonċernat, għandhom iħallsuha 99 % ta’ l-ammont dovut, lill-FAEG.

3.   Jekk l-imposta għaż-żejjed prevista fil-paragrafu 1 ma tħallsitx qabel id-data dovuta u wara konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Fondi Agrikoli, il-Kummissjoni għandha tnaqqas somma ekwivalenti għall-imposta għaż-żejjed mhux imħallsa mill-pagamenti ta’ kull xahar skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 14 u 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005. Qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha twissi lill-Istat Membru konċernat, li għandu jgħarraf il-pożizzjoni tiegħu fi żmien ġimgħa. […]

[…]”

11

L‑Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontribut tal-produtturi għall-imposta għaż-żejjed dovuta”, jipprovdi:

“L-imposta għaż-żejjed għandha tkun allokata fis-sħiħ, skond l-Artikoli 77 u 80, fost il-produtturi li ikkontribwew għal kull waħda mill-kwantitajiet maqbużin tal-kwoti nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 66(2).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 80(3) u 83(1), il-produtturi għandhom ikunu responsabbli fil-konfront ta’ l-Istati Membri għall-ħlas tal-kontribut tagħhom għall-imposta għaż-żejjed dovuta, ikkalkulata skond l-Artikoli 69, 70 u 80, għas-sempliċi raġuni li qabżu l-kwoti disponibbli tagħhom.”

12

L‑Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Imposta għall-bilanċ favorevoli fuq il-kunsinni”, fil-verżjoni tiegħu kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 30, p. 1), jipprevedi:

“1.   Sabiex titfassal id-dikjarazzjoni definittiva dwar l-imposta għaż-żejjed, il-kwantitajiet konsenjati minn kull produttur għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu sabiex jirriflettu kwalunkwe differenza bejn il-kontenut veru tax-xaħam u l-kontenut ta’ referenza tax-xaħam, permezz ta’ koeffiċjenti u fuq termini li għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Fil-livell nazzjonali, l-imposta għaż-żejjed għandha tiġi kkalkolata abbażi tas-somma tal-kunsinni, aġġustata f’konformità mal-ewwel subparagrafu.

[…]

3.   Il-kontribut ta’ kull produttur għall-ħlas ta’ l-imposta għaż-żejjed għandu jkun stabbilit minn deċiżjoni ta’ l-Istat Membru, wara li kwalunkwe parti mhux użata tal-kwota nazzjonali allokata għal kunsinni tkun ġiet jew ma tkunx ġiet riallokata, fi proporzjon tal-kwoti individwali ta’ kull produttur jew skond kriterji oġġettivi li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri:

a)

jew f’livell nazzjonali abbażi ta’ l-ammont li fih ġiet maqbuża l-kwota ta’ kull produttur,

b)

jew l-ewwel fuq il-livell tax-xerrej u minn hemm ‘il quddiem f’livell nazzjonali kif meħtieġ.

Fejn japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 78(1), l-Istati Membri, fl-istabbiliment tal-kontribut ta’ kull produttur għall-ammont tal-imposta li għandha titħallas minħabba l-applikazzjoni tar-rata ogħla msemmija f’dak is-subparagrafu, għandhom jiżguraw li dan l-ammont huwa kontribwit proporzjonalment mill-produtturi responsabbli skont il-kriterji oġġettivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru.”

13

Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Imposta għaż-żejjed fuq il-bejgħ dirett”:

“1.   Fil-każ ta’ bejgħ dirett, il-kontribut ta’ kull produttur għall-ħlas ta’ l-imposta għaż-żejjed għandu jkun stabbilit minn deċiżjoni ta’ l-Istat Membru, wara li kwalunkwe parti mhux użata tal-kwota nazzjonali allokata għall-bejgħ dirett tkun ġiet jew ma tkunx ġiet riallokata, fil-livell territorjali xieraq jew f’livell nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-bażi tal-kalkolu tal-kontribut tal-produttur għall-imposta għaż-żejjed dovuta fuq il-kwantità totali ta’ ħalib mibjugħ, trasferut jew użat għall-manifattura ta’ prodotti tal-ħalib jew trasferut permezz ta’ kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni.

3.   Ma għandu jittieħed kont ta’ l-ebda korrezzjoni marbuta mal-kontenut tax-xaħam għall-fini tat-tfassil tad-dikjarazzjoni definittiva dwar l-imposta għaż-żejjed.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina kif u meta l-imposta għaż-żejjed għandha titħallas lill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru.”

14

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 536/93 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ta’ kontroll kollha neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir tal-imposta fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib u ta’ ekwivalenti ta’ ħalib ikkummerċjalizzati li jeċċedu kwantità waħda jew oħra tal-kwantitajiet previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 3950/92. […]

[…]

3.   L-Istat Membru jivverifika fil-fatti l-eżattezza tal-kontabbiltà fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ ħalib u ta’ ekwivalenti ta’ ħalib imqiegħda fis-suq u, għal dak l-iskop, għandu jikkontrolla t-trasport tal-ħalib matul il-ġbir fl-irziezet u għandu, b’mod partikolari, jikkontrolla:

a)

għand ix-xerrejja […]

b)

għand il-produtturi […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

Ir-Regolament Nru 1392/2001, skont l-Artikoli 16(1) u 17, issostitwixxa r-Regolament Nru 536/93 b’effett mill-31 ta’ Marzu 2002. L‑Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1392/2001, intitolat “Kontroll mill-Istati Membri” jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-imposta fuq kwantitajiet ta’ ħalib u l-ekwivalenti tal-ħalib imqiegħda fis-suq in eċċess tal-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 3950/92 hija mitluba sewwa u, fil-każ ta’ kunsinni, li hi taqa’ fuq il-produtturi kkonċernati.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżuri neċessarji sabiex:

a)

jivverifikaw każijiet ta’ abbandun totali jew parzjali ta’ produzzjoni tal-ħalib u/jew kwantitajiet ta’ referenza skond l-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KEE) Nru 3950/92 meta d-disposizzjonijiet rilevanti tiegħu huma applikati;

b)

jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati huma konxji tal-penalitajiet kriminali u amministrattivi li huma responsabbli għalihom jekk huma jonqsu li jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 3950/92 jew ma’ dan ir-Regolament.

[…]”

16

Ir-Regolament Nru 1392/2001 ġie mħassar, b’effett mill-1 ta’ April 2004, bir-Regolament Nru 595/2004, li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw, skont l-Artikolu 28 tiegħu, mill-perijodu 2004/2005. L‑Artikolu 15 ta’ dan l-aħħar regolament, intitolat “Limitu ta’ żmien għall-ħlas” jipprovdi:

“1.   Qabel l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, ix-xerrejja u, fil-każ ta’ bejgħ dirett, il-produtturi responsabbli għall-imposta għandhom iħallsu l-awtorità kompetenti l-ammont dovut skond ir-regoli stabbiliti mill-Istat Membru.

2.   Meta l-limitu ta’ żmien għall-ħlas imsemmi fil-paragrafu 1 mhuwiex imħares, is-somom dovuti għandhom jgħaddu mgħax ta’ kull sena bir-rati ta’ referenza applikabbli fl-1 ta’ Ottubru kull sena, kif imsemmi f’L-Anness II, biż-żjieda ta’ punt persentaġġ.

L-imgħax għandu jitħallas lill-Istat Membru.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddikjaraw lill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 flimkien man-nefqa ddikjarata fir-rigward ta’ Settembru ta’ kull sena l-iktar tard.

[…]”

17

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 595/2004, intitolat “Ħlas ta’ l-imposta”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li l-imposta tkun iddebitata b’mod korrett u li jaqa’ fuq il-produtturi li kkontribwew għall-eċċess.”

18

Fis-16 ta’ Lulju 2003, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2003/530/KE dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi ta’ ħalib tagħha (ĠU 2003 L 184, p. 15), abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. Il-premessi 2 sa 5 kif ukoll 7 u 8 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedu:

“(2)

Produtturi tal-ħalib Taljani pproduċew ħalib li qabeż il-kwantitajiet ta’ referenza tagħhom matul il-perijodu mill-1995/1996 sal-2001/2002 u huma obbligati jħallsu lill-Komunità ammont ta’ EUR 1386475250 skont imposta addizzjonali fuq il-ħalib u prodotti mill-ħalib stabbilita f’konformità mar-Regolament (KEE) Nru 3950/92.

(3)

Dan l-ammont ma kienx irkuprat fil-parti l-kbira tiegħu mill-awtoritajiet Taljani wara sospensjonijiet ta’ ħlas miksuba minn dawn il-produtturi minn qrati amministrattivi nazzjonali.

(4)

Is-sitwazzjoni attwali fl-Italja hija kkaratterizzata mill-fatt li l-ġbir tal-imposta addizzjonali għaddej minn sensiela ta’ diffikultajiet, li b’mod partikolari ġabu magħhom numru kbir ta’ kawżi pendenti li jistgħu jkomplu jdewmu ħlasijiet attwali għal żmien kunsiderevoli fil-futur.

(5)

L-awtoritajiet Taljani beħsiebhom jieħdu miżuri għal soluzzjoni ta’ dan il-kontenzjuż u li jneħħu t-tensjonijiet soċjali li jeżistu bħalissa billi jippermettu lil dawn il-produtturi tal-ħalib biex iħallsu d-dejn pendenti tagħhom permezz ta’ ħlas iddifferit mingħajr interessi tul numru ta’ snin.

[…]

(7)

Sabiex jiġu evitati problemi simili fil-futur, il-Gvern Taljan beħsiebu minn issa ’l quddiem japplika bir-reqqa l-imposta addizzjonali abbażi ta’ liġi ġdida relatata mal-ġestjoni fil-futur ta’ kwoti tal-ħalib, billi jipprevedi reviżjoni u modernizzazzjoni radikali tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha. Skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-liġi inkwistjoni tikkostitwixxi bażi leġiżlattiva tajba għall-applikazzjoni tal-iskema u għandha, minn meta tiġi għalkollox u korrettament implementata, tippermetti l-funzjonament tajjeb tal-iskema.

(8)

Biex tkun evitata l-impożizzjoni ta’ piżijiet finanzjarji kbar fuq il-produtturi tal-ħalib individwali Taljani kkonċernati, li probabbilment jiġu kkawżati bl-irkupru sħiħ immedjat tal-ammonti dovuti kollha, u, b’hekk, sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet soċjali eżistenti, jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li titqies l-għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lil dawn il-produtturi tal-ħalib fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem u pagament iddifferit bħala kompatibbli mas-suq komuni, b’deroga mill-Artikolu 87 tat-Trattat, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19

L‑Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“L-għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lil produtturi tal-ħalib, billi hija stess tħallas lill-Komunità l-ammont dovut minnhom lill-Komunità permezz tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u prodotti mill-ħalib għall-perijodu mill-1995/1996 sal-2001/2002, u billi dawn il-produtturi jitħallew iħallsu d-dejn tagħhom fil-forma ta’ ħlas iddifferit mingħajr interessi, imqassam fuq numru ta’ snin, b’mod eċċezzjonali hija meqjusa kompatibbli mas-suq komuni, kemm-il darba:

l-ammont jitħallas lura kollu, b’rata annwali u tal-istess daqs,

il-perijodu tal-ħlas lura ma jkunx iktar minn 14-il sena, li jibda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2004.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

20

Wara li rċeviet informazzjoni dwar l-insuffiċjenza tas-somom miġbura fl-Italja fid-dawl tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi ta’ ħalib tal-baqra, il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Taljana ma kinitx issodisfat l-obbligi tagħha li kienu jikkonsistu li tqassam integralment bejn il-produtturi li kienu kkontribwixxew għal kull eċċess tal-kwantitajiet ta’ riferiment nazzjonali l-imposta addizzjonali dovuta individwalment minnhom, li tikkalkola d-dejn individwali korrispondenti, li tikkontrolla l-ħlas effettiv ta’ dan id-dejn mill-persuni kkonċernati u, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, li tirkupra s-somom dovuti.

21

Permezz ta’ sensiela ta’ skambji ta’ ittri bejn ix-xahar ta’ Lulju 2008 u dak ta’ Lulju 2012, essenzjalment fil-kuntest ta’ proċedura ta’ EU Pilot, is-servizzi tal-Kummissjoni indirizzaw talbiet għal informazzjoni lill-Gvern Taljan dwar l-istat ta’ progress tal-ikrupru ta’ din l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib. It-talbiet tal-Kummissjoni kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, it-tqassim tal-imposta addizzjonali bejn il-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-miżuri meħuda għall-irkupru f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, l-effett tal-emendi leġiżlattivi introdotti dwar l-effikaċja tal-irkupru tal-imposta addizzjonali kif ukoll il-proċeduri amministrattivi ta’ rkupru u l-ġestjoni tal-kontenzjuż.

22

Billi ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet miġjuba mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni intimat formalment lir-Repubblika Taljana permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ġunju 2013, billi stednitha sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Dan l-Istat Membru wieġeb permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Settembru 2013, flimkiem ma’ tliet ittri addizzjonali tat-30 ta’ Settembru 2013 kif ukoll tal-21 ta’ Jannar u tas-7 ta’ Frar 2014.

23

Il‑Kummissjoni, fir-rigward ta’ “l-istaġnazzjoni persistenti tal-proċeduri ta’ rkupru u tal-importanza tal-ammonti li kienu għadhom dovuti”, fl-10 ta’ Lulju 2014, ħarġet opinjoni motivata kontra r-Repubblika Taljana u stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn li kien jiddekorri mar-riċezzjoni tagħha. Billi l-Gvern Taljan kien talab li jibbenefika minn terminu addizzjonali għal tweġiba, il-Kummissjoni laqgħet din it-talba li kienet tippermettilu jippreżenta t-tweġiba tiegħu sal-11 ta’ Ottubru 2014.

24

B’ittra tat-13 ta’ Ottubru 2014, ikkompletata fit-22 ta’ Ottubru u fil-25 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika Taljana wieġbet għall-ilmenti mqajma fl-opinjoni motivata.

25

Billi l-argument tal-awtoritajiet Taljani ma kkonvinċiex lill-Kummissjoni, din tal-aħħar iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Osservazzjonijiet preliminari

26

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fil-konklużjonijiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt “dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għas-snin ikkonċernati, u b’mod partikolari” dispożizzjonijiet previsti fil-punt 1 ta’ din is-sentenza. Madankollu, fil-parti introduttiva ta’ dan ir-rikors u fil-punt 2 tiegħu, il-Kummissjoni telenka, mingħajr ma tirreferi ruħha għat-terminu “b’mod partikolari” id-dispożizzjonijiet differenti tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat. Minbarra dan, ma jirriżultax minn dan ir-rikors li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tinkludi fir-rikors tagħha dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni ħlief dawk li huma previsti, b’mod espliċitu, fil-punt 1 ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet tar-rikors għandhom jinftehmu fis-sens li jirreferu biss għal dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

27

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni jirrigwarda l-ommissjoni tar-Repubblika Taljana li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ ċerti obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni u li huma relatati mal-iskema tal-imposta addizzjonali dwar il-produzzjoni ta’ ħalib li seħħet li taqbeż il-kwota nazzjonali li dan l-Istat Membru għandu. Il‑Kummissjoni tikkritika lil dan l-Istat Membru li ma stabbilixxiex skema li tiggarantixxi li l-imposta addizzjonali dovuta fil-livell nazzjonali tkun effettivament allokata lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati u mħallsa minn dawn tal-aħħar jew, fin-nuqqas ta’ ħlas, irkuprata mill-awtoritajiet kompetenti.

28

Madankollu t-talbiet tar-rikors ma jsemmux ammonti speċifiċi li għalihom in-nuqqas ta’ rkupru kien ta lok matul is-snin ta’ tassazzjoni differenti, u lanqas ammont globali li jkopri s-snin ta’ tassazzjoni previsti kolllha.

29

Isegwi li ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jekk l-ammont totali tal-imposti addizzjonali li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati jikkorrispondi mas-somma ta’ EUR 1343 miljun, kif dan jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, jew mas-somma ta’ EUR 827.39 miljun, skont ir-Repubblika Taljana.

30

Fid-dawl ta’ dan, minkejja d-diverġenzi ta’ opinjoni bejn il-partijiet fir-rigward tal-ammonti diġà rkuprati u dawk li kienu għadhom iridu jiġu rkuprati, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-data tal-11 ta’ Ottoubru 2014, imsemija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, jiġifieri iktar minn 18-il sena wara t-tmiem tal-ewwel sena ta’ tassazzjoni tal-imposta addizzjonali fl-Italja u iktar minn 5 snin wara l-aħħar sena, l-awtoritajiet Taljani kienu għadhom ma rkuprawx l-ammonti kunsiderevoli dovuti fid-dawl tal-imposta addizzjonali.

31

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat ir-rikors preżenti.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

32

Il-Kummissjoni ssostni li, fid-data tal-11 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, li fiha terminu addizzjonali ta’ xahar ġie miżjud, ir-Repubblika Taljana ma kinitx stabbilixxiet skema effettiva li kienet tippermettilha li tirkupra l-ammonti dovuti fid-dawl tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib għas-snin 1995/1996 sa 2008/2009.

33

Il‑Kummissjoni tqis li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tqassam u li tirkupra integralment, b’diliġenza u fil-pront, l-imposta addizzjonali bejn il-produtturi li kkontribwixxew għal kull eċċess fil-kwantitajiet ta’ riferiment nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑54/95, EU:C:1999:11, punt 177), li kienet tgħid li huma l-Istati Membri, skont l-obbligu ta’ diliġenza ġenerali li jinsab fl-Artikolu 4(3) TUE, li għandhom jirkupraw fil-pront is-somom dovuti skont l-imposta addizzjonali.

34

Għalhekk, hija tqis li ċ-ċirkustanza li l-ammonti dovuti skont l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib huma daqstant għolja, hekk kif dan jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, tirriżulta min-negliġenzi proprji tar-Repubblika Taljana u mill-assenza ta’ effettività tal-iskema stabbilita minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-allokazzjoni u l-irkupru ta’ din l-imposta fit-territorju tiegħu matul il-perijodu previst fir-rikors.

35

Skont il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, l-implementazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ġiet eċċessivament konfuża, li kien ħoloq dewmien konsegwenti fl-applikazzjoni tal-iskema nazzjonali tal-imposta addizzjonali kif ukoll kontenzjuż sinjifikattiv. Konsegwentement, l-irkupru ta’ din l-imposta kien sar iktar diffiċli, b’mod partikolari minħabba sospensjonijiet ta’ ħlas li saru minn ċerti qrati nazzjonali taħt titolu kawtelatorju.

36

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana ma kinitx użat b’mod effikaċi l-mekkaniżmi amministrattivi li hija setgħet użat sabiex tirkupra s-somom dovuti skont l-imposta addizzjonali, b’mod partikolari l-iskema tal-kumpens. Fl-Italja, il-possibbiltà li jiġu kkumpensati s-somom dovuti f’dan ir-rigward u l-ammonti tal-għajnuna li għandhom jitħallsu fil-kuntest tal-politika agrikola komuni kienet ġiet introdotta b’mod ineffikaċi u tardiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi li għadhom fis-seħħ jostakolaw l-implementazzjoni tal-kumpens.

37

Fit-tielet lok, il-proċeduri ta’ rkupru kienu għal parti kbira blokkati sa mid-dħul fis-seħħ ta’ ċerti emendi leġiżlattivi introdotti matul is-sena 2003, minħabba l-assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jew ta’ ftehimiet konvenzjonali bejn l-awtoritajiet u l-kollettivitajiet ikkonċernati neċessarji sabiex jerġgħu jiġu applikati.

38

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tesponi li, minħabba żbalji mwettqa minn awtoritajiet nazzjonali inkarigati milli jwettqu l-irkupru tal-imposta addizzjonali u minħabba diversi emendi magħmula għall-proċedura ta’ rkupru, ir-Repubblika Taljana stess irrikonoxxiet li tinsab quddiem “ostakolu sostanzjali fil-qasam ta’ rkupru”. F’dan ir-rigward din l-istituzzjoni tippreċiża li ammonti pagabbli kienu ġew ikkunsidrati, b’mod żbaljat, bħala li ma setgħux jiġu rkuprati, li kien ukoll dgħajjef l-effettività ta’ dan l-irkupru.

39

Bħala tweġiba, ir-Repubblika Taljana ssostni, minn naħa, li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE jikser, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ speċjalità. Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li r-Repubblika Taljana kisret l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-allokazzjoni u tal-irkupru tal-imposta addizzjonali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3950/92, l-imposta addizzjonali stabbilita mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament tinqasam bejn il-produtturi li kkontribwixxew għall-eċċess tal-kwantitajiet ta’ riferiment. Tali tqassim tal-imposta addizzjonali huwa previst ukoll mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1788/2003 kif ukoll mill-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament Nru 1234/2007.

41

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 536/93, l-Artikoli 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 1392/2001 kif ukoll l-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament Nru 595/2004, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li l-imposta, inklużi l-interessi dovuti f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ ħlas, tkun korrettament miġbura u effettivament imqassma bejn il-produtturi li kkontribwixxew għall-eċċess.

42

F’dan il-kuntest, skont ġurisprudenza stabbilita sew, huma l-Istati Membri, skont l-obbligu ta’ diliġenza ġenerali li jinsab fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ippreċiżat mir-regolamenti tal-Unjoni fil-qasam, li għandhom jieħdu l-miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw l-irregolaritajiet fil-pront. Fil-fatt, wara li jgħaddi ċertu terminu, it-tqassim u l-irkupru tal-imposta addizzjonali jirriskjaw li jsiru kumplikati jew li jsiru impossibbli, minħabba ċerti ċirkustanzi, bħal, b’mod partikolari, il-waqfien ta’ attivitajiet jew it-telf ta’dokumenti ta’ kontabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1990, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑34/89, EU:C:1990:353, punt 12, u tal-21 ta’ Jannar 1999, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑54/95, EU:C:1999:11, punt 177).

43

Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Għalhekk hija għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi li juru ċerti fatti li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall l-informazzjoni hekk kif ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha b’mod ċirkostanzjali u ddettaljat il-punti fattwali, li, skont din l-istituzzjoni, taw lok għan-negliġenzi u għan-nuqqasijiet li huma s-suġġett tal-ilmenti li hija takkuża lir-Repubblika Taljana bihom. Barra minn hekk, u mingħajr ma hija kkontestata f’dan ir-rigward minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni osservat li dawn il-punti fattwali fil-parti l-kbira joriġinaw mid-dokumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-korrispondenza tagħhom u huma essenzjalment ikkonfermati minn opinjonijiet tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri, l‑Italja) kif ukoll minn kummissjonijiet ta’ investigazzjoni governattivi u parlamentari ta’ dan l-Istat Membru.

46

Fid-dawl taċ-ċirkustanza li s-somom dovuti fir-rigward tal-imposta addizzjonali, bħal dawk imsemmija fil-punt 29 ta din is-sentenza, setgħu jakkumulaw matul perijodu daqstant twil, mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti qatt waslu sabiex inaqqsuhom b’mod sostenibbli, jidher li dawn l-awtoritajiet ma ħadux il-miżuri neċessarji sabiex josservaw l-obbligi tagħhom skont dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jinsabu fit-talbiet tar-rikors.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pproduċiet biżżejjed provi li juru r-realtà tal-fatti li tibbaża fuqhom fir-rikors tagħha sabiex turi li r-Repubblika Taljana kisret l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu eżaminati l-motivi ta’ difiża ppreżentati.

48

Ir-Repubblika Taljana, filwaqt li tammetti li jeżisti obbligu, skont id-dritt tal-Unjoni, li ssir l-allokazzjoni u, skont il-każ, l-irkupru tal-imposta addizzjonali, issostni, l-ewwel nett, li dan l-obbligu huwa obbligu “ta’ motivi” u mhux ta’ “riżultat” u li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tan-nuqqas ta’ osservanza tiegħu mill-awtoritajiet Taljani.

49

Insostenn ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Taljana tinvoka l-punt 36 tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑277/98, EU:C:2001:603), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1546/88 tat-3 ta’ Ġunju 1988 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali prevista fl-Artikolu 5 quater tar-Regolament (KE) Nru 804/68 (JO 1988, L 139, p. 12), li skont dan l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir tal-imposta addizzjonali, stabbilixxa obbligu ta’ motivi u mhux obbligu ta’ riżultat.

50

Hija tqis, għalhekk, li l-uniku fatt li parti mis-somom relatati mal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib ma ġietx irkuprata ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu akkużat.

51

F’dan ir-rigward, jidher li l-argument żviluppat mir-Repubblika Taljana jwassal għal qari żbaljat tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, permezz tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma ħaditx, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 27 ta din is-sentenza, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi ggarantit li l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib tiġi allokata lill-produtturi kkonċernati u, skont il-każ, irkuprata mill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, is-suġġett ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jirrigwardax il-fatt li dan l-Istat Membru ma kienx irkupra s-somom dovuti kollha skont din l-imposta.

52

Ir-Repubblika Taljana ma tistax, minħabba dan il-fatt, teżenta ruħha min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużat bih billi ssostni li hija ħadet miżuri li ppermettewlha tirkupra parti mis-somom dovuti fir-rigward tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib.

53

Għalkemm ir-Repubblika Taljana tiddedika parti kbira mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha għad-deskrizzjoni ddettaljata tal-kuntest ġuridiku nazzjonali relatat mat-tqassim u mal-irkupru tal-imposta addizzjonali u tal-emendi tiegħu, hija madankollu ma tipproduċix elementi preċiżi ta’ natura li jikkontestaw in-nuqqas ta’ funzjonament sostnut mill-Kummissjoni jew sabiex turi li hija, konformement mal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, implementat fil-ħin sistema effettiva li tippermettilha tirkupra l-ammonti kkonċernati skont ir-regolamenti ċċitati mill-Kummissjoni.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud l-argument relatat ma’ allegat “obbligu ta’ motivi” bħala ineffettiv. Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi fil-pront l-allokazzjoni tal-imposta għall-produtturi tal-ħalib ikkonċernati u l-irkupru effikaċi tagħha.

55

Sussegwentement ir-Repubblika Taljana ssostni li l-bidliet kunsiderevoli tal-kuntest leġiżlattiv tal-Unjoni dwar l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib ikkontribwixxew sostanzjalment għad-diffikultajiet leġiżlattivi u amministrattivi li rriżultaw fil-livell nazzjonali.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, anki jekk jiġi preżuppost li l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-imposta fuq il-ħalib tat lok għal diffikultajiet kunsiderevoli fil-livell nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑160/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:161, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minbarra dan, għalkemm ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib kienet ipprekludiet, min-natura tagħha, l-allokazzjoni u, skont il-każ, l-irkupru ta’ din l-imposta, fil-pront u b’mod effikaċi, kien permissibbli għal dan l-Istat Membru li jippreżenta rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ stħarriġ ta’ legalità tal-miżuri kkonċernati tal-Unjoni. Issa, fuq il-perijodu kkontestat kollu, li jkopri iktar minn tnax-il sena, ebda rikors f’dan is-sens ma ġie ppreżentat mir-Repubblika Taljana. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-iskema tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib kienet tat lok għal diffikultatjiet legali u politiċi fil-livell tal-Unjoni, u li din l-iskema finalment ġiet issostitwita, bl-ebda mod ma jiġġustifika li l-Istati Membri ma jiħdux il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-effettività tagħha fil-livell nazzjonali.

58

Barra minn hekk, fir-rigward iktar partikolarment tad-Deċiżjoni 2003/530, li minnha r-Repubblika Taljana tiddeduċi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma setax jadotta din id-deċiżjoni kieku hija kienet f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kunsill, permezz ta’ din id-deċiżjoni, illimita ruħu sabiex japprova l-miżuri ta’ għajnuna ddestinati sabiex jiffaċilitaw il-ħlas tal-imposta addizzjonali mill-prodotturi tal-ħalib ikkonċernati, mingħajr ebda evalwazzjoni tas-sitwazzjoni hekk kif kienet tippreżenta ruħha fid-data tal-adozzjoni tagħha fl-Italja. Minbarra dan, permezz tad-Deċiżjoni 2003/530, il-Kunsill impliċitament ikkonferma l-obbligu li kellu dan l-Istat Membru li jiżgura l-ħlas tal-imposta addizzjonali mill-produtturi tal-ħalib u indika, hekk kif dan jirriżulta mill-premesa 7 ta’ din id-deċiżjoni, li “il-Gvern Taljan [kien beħsiebu] minn issa ’l quddiem japplika bir-reqqa l-imposta addizzjonali abbażi ta’ liġi ġdida” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika Taljana dwar l-osservanza tal-obbligi tagħha fil-qasam ta’ allokazzjoni u ta’ rkupru eventwali tal-imposta addizzonali fuq il-ħalib ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

60

Għandhom ukoll jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika Taljana li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE jikser il-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ speċjalità. Hija ssostni li, sa fejn hija diġà ħallset lill-FAEGG is-somom relatati mal-imposta korrispondenti mal-eċċess tal-kwantità ta’ riferiment nazzjonali tagħha, konformement mal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1788/2003 u, sussegwentement, mal-Artikoli 78 u 79 tar-Regolament Nru 1234/2007, dan ir-rikors jimplika li din tista’ mill-ġdid tiġi “sanzjonata” għan-nuqqas ta’ twettiq tal-istess obbligi relatati mal-allokazzjoni u, skont il-każ, għall-irkupru tal-imposta addizzjonali.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 1788/2003 u mill-premessa 38 tar-Regolament Nru 1234/2007, id-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti jimponu fuq ir-Repubblika Taljana obbligi different li, minn naħa, kienu jirrigwardaw il-ħlas tal-imposta addizzjonali lill-FAEGG fuq dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1788/2003 u tal-Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 1234/2007. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jqassam l-imposta addizzjonali bejn il-produtturi tal-ħalib li kkontribwixxew għall-eċċess tal-kwoti nazzjonali u li jirkupraha, konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1788/2003 u mal-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1234/2007. Għalhekk, il-fatt li r-Repubblika Taljana eventwalment issodisfat l-ewwel minn dawn l-obbligi ma jipprekludix li hija tkun setgħet naqset milli twettaq it-tieni minn dawn l-obbligi li, waħdu, huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

62

Tali evalwazzjoni tapplika wkoll minħabba li l-argument tar-Repubblika Taljana jasal, b’mod definittiv, sabiex jikser l-iskop tal-imposta addizzjonali li jikkonsisti li l-produtturi tal-ħalib jiġu obbligati li josservaw il-kwantitajiet ta’ riferiment li ġew allokati lilhom (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et, C‑231/00, C‑303/00 u C‑451/00, EU:C:2004:178, punt 75).

63

Isegwi li l-argument tar-Repubblika Taljana dwar ksur tal-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ speċjalità għandu jiġi miċħud.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tiżgura li l-imposta addizzjonali dovuta fuq il-produzzjoni li seħħet fl-Italja li taqbeż il-kwota nazzjonali, mill-ewwel sena ta’ impożizzjoni effettiva tal-imposta addizzjonali fl-Italja (1995/1996) u sal-aħħar sena li fiha kienet ikkonstatata produzzjoni żejda fl-Italja (2008/2009),

kienet effettivament ġiet allokata lill-produtturi li kienu kkontribwixxew għal kull eċċess ta’ produzzjoni u

kienet tħallset fiż-żmien opportun, malli saritilhom komunikazzjoni dwar l-ammont dovut, mix-xerrejja jew mill-produtturi fil-każ ta’ bejgħ dirett, jew

fejn l-imposta ma kinitx tħallset fit-terminu previst, li kienet iskritta fir-reġistru u, meta kien possibbli, irkuprata permezz ta’ eżekuzzjoni forzata mingħand dawk ix-xerrejja jew produtturi,

ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 3950/92, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1788/2003, tal-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 536/1993, tal-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 1392/2001, kif ukoll, fl-aħħar lok, tal-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament Nru 595/2004.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tiżgura li l-imposta addizzjonali dovuta fuq il-produzzjoni li seħħet fl-Italja li taqbeż il-kwota nazzjonali, mill-ewwel sena ta’ impożizzjoni effettiva tal-imposta addizzjonali fl-Italja (1995/1996) u sal-aħħar sena li fiha kienet ikkonstatata produzzjoni żejda fl-Italja (2008/2009),

kienet effettivament ġiet allokata lill-produtturi li kkontribwixxew għal kull eċċess ta’ produzzjoni u

kienet tħallset fiż-żmien opportun, malli saritilhom komunikazzjoni dwar l-ammont dovut, mix-xerrejja jew mill-produtturi fil-każ ta’ bejgħ dirett, jew

f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fit-termini previsti, li kienet iskritta fir-reġistru u, eventwalment, irkuprata permezz ta’ eżekuzzjoni forzata mingħand dawk ix-xerrejja jew produtturi,

ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib, tal-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika), kif ukoll, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/93 tad-9 ta’ Marzu 1993 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u prodotti mill-ħalib, tal-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1392/2001 tad-9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3950/92, kif ukoll, fl-aħħar lok, tal-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament Nru 1788/2003, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2006 tal-4 ta’ Ottubru 2006.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.