Kawża C‑430/15
Secretary of State for Work and Pensions
vs
Tolley
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance) – Persuna assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija li tkun waqfet definittivament kull attività professjonali – Kunċetti ta’ ‘benefiċċju tal-mard’ u ta’ ‘benefiċċju tal-invalidità’ – Esportabbiltà”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tal-1 ta’ Frar 2017
Sigurtà soċjali–Ħaddiema migranti–Leġiżlazzjoni tal-Unjoni–Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae–Ħaddiem fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71–Kunċett–Persuna assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali li tapplika għar-residenti kollha u li tidentifika din il-persuna bħala ħaddiem impjegat–Inklużjoni–Mewt ta’ din il-persuna qabel l-età tal-irtirar–Assenza ta’ effett
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 1(a))
Sigurtà soċjali–Ħaddiema migranti–Leġiżlazzjoni tal-Unjoni–Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae–Element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà–Inklużjoni inkwantu benefiċċju tal-mard u mhux inkwantu benefiċċju tal-invalidità
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4(1)(a))
Sigurtà soċjali–Ħaddiema migranti–Leġiżlazzjoni applikabbli–Persuna li tkun kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lill-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru–Waqfien sussegwenti tal-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għal din il-persuna–Ammissibbiltà
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 13(2)(f) u Anness VI u Regolament tal-Kunsill Nru 574/72, Artikolu 10b))
Sigurtà soċjali–Ħaddiema migranti–Assigurazzjoni għall-mard–Leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti li tissuġġetta l-benefiċċju tal-element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ presenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru–Inammissibbiltà–Żamma, wara t-trasferiment ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, ta’ riċeviment ta’ benefiċċji mogħtija mill-Istat kompetenti–Kundizzjoni–Awtorizzazzjoni tat-trasferiment ta’ residenza fi Stat Membru ieħor miksuba mill-istituzzjoni kompetenti
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 22(1)(b) u 22(2))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 38, 40-42)
Benefiċċju bħall-element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance) jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999 tat-8 ta’ Frar 1999.
Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, għall-finijiet tal-għoti tal-element tad-dipendenza tad-DLA, it-tnaqqis tal-mobbiltà għandu jirrigwarda perijodu ta’ żmien sostanzjali ma hijiex ta’ natura li tbiddel l-iskop ta’ din l-allowance, li huwa li tittejjeb il-ħajja ta’ persuni dipendenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 63).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandhom jiġu assimilati ma’ benefiċċji tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, benefiċċji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw ir-riskju ta’ dipendenza, minkejja li, bid-differenza ta’ benefiċċji tal-mard stricto sensu, bħala prinċipju dawn ma humiex intiżi li jitħallsu għal żmien qasir u li huma jista’ jkollhom, b’mod partikolari permezz tal-metodi ta’ applikazzjoni tagħhom, karatteristiċi li, fil-fatti, huma viċin ukoll, sa ċertu punti, fergħat ta’ invalidità u ta’ xjuħija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punti 47 u 48).
(ara l-punti 53-55 u d-dispożittiv 1)
L‑Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lill-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membri tista’ sussegwentement tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tat-tilwima mressqa quddiemha u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, f’liema mument din il-leġiżlazzjoni waqfet milli tkun applikabbli għal din il-persuna.
Fil-fatt, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 10b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/91 tal-25 ta’ Ġunju 1991 (ĠU 1991, L 206, p. 2), id-data u l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna intiża fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 huma ddeterminati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni.
Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-mument li fih il-leġiżlazzjoni ta Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna, skont il-każ, ukoll dispożizzjonijiet tal-Anness VI ta’ dan l-aħħar regolament, li jsemmi l-metodi partikolari ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri.
(ara l-punti 65, 66, 69 u d-dispożittiv 2)
L‑Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.
L-Artikolu 22(1)(b) u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali żżomm id-dritt li tirċievi l-benefiċċji intiżi f’din l-ewwel dispożizzjoni wara li tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti, bil-kundizzjoni li hija tkun kisbet awtorizzazzjoni għal dan il-għan
(ara l-punt 93 u d-dispożittiv 3)