SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 13 — Evitar — Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 791/2011 — Drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina — Dazji antidumping — Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 437/2012 — Kunsinna mit-Tajwan — Ftuħ ta’ investigazzjoni — Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 21/2013 — Estensjoni tad-dazju antidumping — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni”

Fil-Kawża C‑416/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest, Ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Selena România SRL

vs

Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice (DGRFP) București,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, C. Vajda u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu u M. Bejenar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França u G.‑D. Balan, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 21/2013, tal-10 ta’ Jannar 2013 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU 2013, L 11, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ estensjoni”), adottat wara investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifkia ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

2

Din it-talba tresqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Selena România SRL u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București (DGRFP) (direttorat ġenerali reġjonali tal-finanzi pubbliċi ta’ Bukarest, Ir-Rumanija) dwar deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni maħruġa minn din tal-aħħar li timponi fuq Selena România l-ħlas ta’ dazji antidumping.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

3

L-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 324, p. 23) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jistipula:

“1.   Leġislazzjoni doganali jew leġislazzjoni oħra tal-[Unjoni] li tirregola oqsma speċifiċi tista’ tistipula li għandu jiġi prodott dokument bħala prova tal-oriġini tal-merkanzija.

2.   Minkejja l-produzzjoni ta’ dak id-dokument, l-awtoritajiet doganali jistgħu, f’każ ta’ dubji serji, jitolbu prova oħra sabiex jiżguraw illi l-indikazzjoni ta’ l-oriġini hija skond ir-regoli stipulati mil-leġislazzjoni relevanti tal-[Unjoni].”

4

Il-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali huwa intitolat “irkupru ta’ l-ammont tad-dejn doganali”. Dan b’mod partikolari jinkludi l-Artikoli 217 sa 221 ta’ dan il-kodiċi.

Ir-Regolament bażiku

5

Skont il-premessa 22 tar-Regolament bażiku:

“[...] [h]uwa meħtieġ li jiġu introdotti disposizzjonijiet ġodda fil-leġislazzjoni tal-[Unjoni] li jkollhom x’jaqsmu mad-drawwiet, li jinkludu s-sempliċi assemblaġġ tal-merkanzija [fl-Unjoni Ewropea] jew f’pajjiż terz, li jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom, l-evitar tal-miżuri kontra d-dumping.”

6

L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Miżuri proviżorji u dazji definittivi kontra d-dumping għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu f’ċirkolazzjoni ħielsa wara ż-żmien meta d-deċiżjoni meħuda skond l-Artikoli 7(1) jew 9(4), kif jista’ jkun il-każ, tiġi infurzata, soġġetta għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

7

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Evażjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta’ kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju residwu ta’ kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed titwettaq l-evażjoni. Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-[Unjoni] jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-[Unjoni], li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia, il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu; il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi; l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ fil-pajjiż soġġett [pajjiżi suġġetti] għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn [l-Unjoni] permezz ta’ produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti; u, fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu2, l-assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ l-assemblaġġ [fl-Unjoni] jew f’pajjiż terz.

[...]

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni [Ewropea] jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta’ dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu.

[...]”.

8

Skont l-Artikolu 14(5) tal-istess regolament:

“Il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tidderieġi l-awtoritajiet tad-dwana biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jistgħu sussegwentament jiġu applikati kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ reġistrazzjoni bħal din. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija Komunitarja li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din. Għandha tiġi introdotta reġistrazzjoni mir-regolament li għandu jispeċifika l-iskop ta’ l-azzjoni u, jekk xieraq, l-ammont stmat ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni. L-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħmula soġġetti għal reġistrazzjoni ta’ perjodu itwal minn disa xhur.”

Ir-Regolamenti antidumping relatati ma drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ

9

Wara lment imressaq quddiem il-Kummissjoni minn produtturi Ewropej ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ġie adottat ir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011, tat-3 ta’ Awwissu 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, L 204, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament inizjali”.

10

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament inizjali, huwa stabbilit dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tad-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li tiżen aktar minn 35 g/m2, li jinsabu fil-kodiċijiet ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) (kodiċijiet tat-TARIC 7019510010 u 7019590010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

11

Abbażi tal-Artikolu 4 tiegħu, ir-regolament inizjali daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Awwissu 2011, jiġifieri fil-ġurnata ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

12

Wara talba mressqa minn erba’ produtturi tal-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 437/2012, tat-23 ta’ Mejju 2012, li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill [...] Nru 791/2011 [...], u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni (ĠU 2012, L 134, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ ftuħ”).

13

Skont l-Artikolu 1 tar-regolament ta’ ftuħ, l-investigazzjoni miftuħa bl-imsemmi regolament tirrigwarda l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżen iżjed minn 35 g/m2, minbarra diski tal-fibra tal-ħġieġ, ikkonsenjati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, sew jekk ikun iddikjarat li dawn joriġinaw minn dawn il-pajjiżi u sew jekk le, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019510012, 7019510013, 7019590012 u 7019590013).

14

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-regolament ta’ ftuħ jipprevedi li, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali huma mitluba jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ ftuħ.

15

Skont l-Artikolu 4 tiegħu, ir-Regolament ta’ ftuħ daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2012, jiġifieri fil-ġurnata ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

16

Wara l-investigazzjoni kkonċernata mir-regolament ta’ ftuħ, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ estensjoni.

17

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ estensjoni jipprevedi l-estensjoni tad-dazju antidumping definittiv stabbilit bl-Artikolu 1(2) tar-Regolament inizjali fuq l-importazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ta’ daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu iktar minn 35 g/m2 li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għall-importazzjonijiet ta’ dawn l-istess prodotti kkunsinnati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le.

18

Skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament ta’ estensjoni, id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinnati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-regolament ta’ ftuħ kif ukoll skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku.

19

Abbażi tal-Artikolu 4 tiegħu, ir-regolament ta’ estensjoni daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2013, jiġifieri fil-ġurnata ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Bejn it-12 ta’ Marzu u t-18 ta’ Mejju 2012, Selena România, kumpannija stabbilita fir-Rumanija, irrilaxxat għal ċirkulazzjoni libera, fl-Unjoni, drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li tiżen aktar minn 35 g/m2, importati mingħand fornitur stabbilit fit-Tajwan (iktar ’il quddiem l-“importazzjonijiet inkwistjoni”).

21

Permezz ta’ deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni tal-5 ta’ Frar 2014, id-DGRFP talab lil Selena România tħallas l-ammont ta’ RON 1151748 (Madwar EUR 257970), li jikkorrispondi għad-dazji antidumping u għat-taxxa fuq il-valur miżjud mhux imħallsa minn din tal-aħħar għal dan ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, miżjuda b’interessi u b’penalitajiet moratorji, minħabba li kien ġie kkonstatat, wara verifika a posteriori mwettaq fil-bini ta’ Selena România u wara investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li l-importazzjonijiet inkwistjoni kienu fil-verità joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li, konsegwentement, dawn kienu suġġetti għad-dazju antidumping previsti bir-Regolamenti inizjali u ta’ estensjoni. Id-DGRFP qies li r-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF kien stabbilixxa li l-lottijiet ta’ drappijiet tal-fibri tal-ħġieġ li kienu s-suġġett tal-importazzjonijiet inkwistjoni kienu ntbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn it-Tajwan, mingħajr ma kienu suġġetti għal trasformazzjoni jew trattament f’dan l-aħħar pajjiż, qabel ma ġew esportati lejn l-Unjoni, b’tali mod li l-oriġini mhux preferenzjali Ċiniża kellha tinżamm fir-rigward ta’ dawn il-lottijiet.

22

Selena România ressqet ilment amministrattiv kontra din id-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni quddiem id-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Galați (direttorat ġenerali reġjonali tal-finanzi pubbliċi ta’ Galați, Ir-Rumanija), li kkonferma l-imsemmija deċiżjoni.

23

Fit-22 ta’ Lulju 2014, Selena România ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tagħha hija tinvoka, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni retroattiva żbaljata mid-DGRFP tar-regolamenti ta’ ftuħ u ta’ estensjoni. Fil-fatt, fid-data ta’ meta seħħew l-importazzjonijiet inkwistjoni. L-ebda wieħed minn dawn ir-regolamenti ma kien fis-seħħ.

24

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regolament ta’ estensjoni. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk id-dazju antidumping definittiv, stabbilit bl-Artikolu 1 tar-regolament ta’ estensjoni japplikax għal importazzjonijiet fl-Unjoni li joriġinaw mit-Tajwan, bħall-importazzjonijiet inkwistjoni, imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, iżda wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament inizjali.

25

F’dan ir-rigward, il-qort tar-rinviju tosserva li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tal-Unjoni ġie sanċit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari dik mibdija mis-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1964, Capitaine vs Il-Kummissjoni (69/63, EU:C:1964:38) u tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, EU:C:1965:122), iżda li ġew aċċettati ċerti eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Bucureşti (Qorti tal-appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[Ir-regolament ta’ estensjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-importazzjonijiet minn residenti tal-Unjoni Ewropea mit-Tajwan qabel is-17/01/2013, jiġifieri fl-2012, iżda wara l-adozzjoni tar-[regolament inizjali]?

2)

Id-dazju antidumping definittiv, speċifikat fl-Artikolu 1 tar-[regolament ta’ estensjoni], għandu japplika wkoll għall-importazzjoni minn residenti tal-Unjoni Ewropea mit-Tajwan matul il-perijodu qabel is-17 ta’ Jannar 2013 u qabel id-data tal-adozzjoni tar-[regolament ta’ ftuħ] u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, iżda wara l-adozzjoni tar-[regolament inizjali]?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ estensjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dazju antidumping definittiv estiż b’din id-dispożizzjoni huwiex applikabbli retroattivament għal prodotti kkunsinnati mit-Tajwan, irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament inizjali, iżda qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ ftuħ.

28

Peress li r-Regolament ta’ estensjoni ġie adottat abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għandu jiġi osservat li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-dazji antidumping stabbiliti abbażi ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn Stati terzi ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet ta’ dawn il-prodotti meta l-miżuri fis-seħħ jiġu evitati. Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku l-investigazzjoni tinfetaħ permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni li jista’ jordna li l-awtoritajiet doganali jagħmlu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati obbligatorja skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

29

B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, fil-każ li jkun hemm evitar, l-estensjoni tal-miżuri definittivi diġà stabbiliti tibda tapplika mid-data li fiha r-reġistrazzjoni ssir obbligatorja skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Paltrade, C‑667/11, EU:C:2013:368, punt 26).

30

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 10(1) tar-regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-miżuri antidumping, peress li dawn jistgħu, bħala prinċipju, jiġu applikati biss għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera wara d-data li fiha r-regolament li jistabbilixxihom jidħol fis-seħħ, madankollu diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku jidderogaw minn dan il-prinċipju. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament li jistabbilixxihom, bil-kundizzjoni li l-importazzjonijiet ikkonċernati jkunu ġew irreġistrati skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 48).

31

Fir-rigward tar-Regolament ta’ estensjoni, fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament huwa espliċitament indikat li d-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, kif previsti f’din id-dispożizzjoni, ikkunsinnati mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiżi kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-regolament ta’ ftuħ kif ukoll skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-regolament bażiku.

32

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-importazzjonijiet inkwistjoni seħħew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ ftuħ, jiġifieri l-25 ta’ Mejju 2012, jiġifieri qabel ma dawn ma setgħu jiġu rreġistrati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

33

Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar il-fuq jirriżulta li d-dazju antidumping estiż permezz tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ estensjoni ma huwiex applikabbli retroattivament għal importazzjonijiet, bħall-importazzjonijiet inkwistjoni, li seħħew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ ftuħ.

34

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu madankollu jiġi speċifikat, hekk kif għamlu l-Gvern Rumen u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li din l-interpretazzjoni ma tipprekludix li d-dazju antidumping definittiv stabbilit bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament inizjali jiġi applikat għal tali importazzjonijiet jekk jiġi stabbilit, wara verifika a posteriori, li l-imsemmija importazzjonijiet fil-verità joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

35

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament inizjali, huwa stabbilit dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ deskritti f’din id-dispożizzjoni u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

36

Kif jirriżulta mill-Artikolu 26 tal-Kodiċi Doganali, għalkemm il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li l-oriġini tal-merkanzija għandha tkun iġġustifikata bil-produzzjoni ta’ dokument, il-produzzjoni ta’ dan id-dokument ma tipprekludix, fil-każ ta’ dubji serji, lill-awtoritajiet doganali milli jeżiġu kull ġustifikazzjoni kompatibbli sabiex jiżguraw ruħhom li l-indikazzjoni tal-oriġini tkun tabilħaqq konformi mar-regoli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tal-verifika a posteriori huwa li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-oriġini indikata fiċ-ċertifikat ta’ oriġini (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Minn dan jirriżulta li l-fatt li merkanzija tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ oriġini ma huwiex ċirkustanza li tista’ topponi l-irkupru tad-dazji dovuti għall-importazzjoni ta’ din il-merkanzija jekk, wara din l-importazzjoni, irriżulta li dawn iċ-ċertifikati huma ineżatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C‑97/95, EU:C:1997:370, punti 55 sa 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward tal-importazzjonijiet inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, għal kull wieħed mil-lottijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, l-awtoritajiet doganali għandhomx provi suffiċjenti sabiex jiġi deċiż li, għalkemm ikkunsinnati mit-Tajwan u ddikjarati bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż, dawn il-lottijiet kellhom jitqiesu bħala li fil-verità joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u f’dan il-każ id-dazju antidumping stabbilit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament inizjali jkun applikabbli għalihom. Jekk dan ikun il-każ, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-irkupru a posteriori ta’ dan id-dazju għandu jseħħ skont ir-regoli dwar l-irkupru tad-dejn doganali previsti fil-Kodiċi Doganali.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ estensjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazju antidumping definittiv estiż minn din id-dispożizzjoni ma huwiex applikabbli retroattivament għal prodotti kkunsinnati mit-Tajwan, irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament inizjali, iżda qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ ftuħ. Madankollu, id-dazju antidumping stabbilit bl-Artikolu 1(1) tar-regolament inizjali huwa applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ tali prodotti, jekk jiġi stabbilit li, għalkemm ikkunsinnati mit-Tajwan u ddikjarati bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż, dawn il-prodotti fil-verità joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 21/2013, tal-10 ta’ Jannar 2013 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazju antidumping definittiv estiż minn din id-dispożizzjoni ma huwiex applikabbli retroattivament għal prodotti kkunsinnati mit-Tajwan, irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011, tat-3 ta’ Awwissu 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 437/2012, tat-23 ta’ Mejju 2012, li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill [...] Nru 791/2011 [...], u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni. Madankollu, id-dazju antidumping stabbilit bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 791/2011 huwa applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ tali prodotti, jekk jiġi stabbilit li, għalkemm ikkunsinnati mit-Tajwan u ddikjarati bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż, dawn il-prodotti fil-verità joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.