Kawżi Magħquda C-361/15 P u C-405/15 P

Easy Sanitary Solutions BV
u
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

vs

Group Nivelles NV

“Appell – Proprjetà Intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 5 – Novità – Artikolu 6 – Karattru individwali – Artikolu 7 – Żvelar lill-pubbliku – Artikolu 63 – Kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-prova – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti – Disinn li jirrappreżenta drejn tal-ilma tad-doċċa – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Bord tal-Appell”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Settembru 2017

  1. Disinni Komunitarji–Rinunzja u invalidità–Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-eżistenza ta’ disinn jew mnudell preċedenti–Oneru tal-prova

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, premessa 12, Artikolu 3(a), 5 sa 7, 25(1)(b), 52(1) u (2) u 53(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2245/2002, Artikolu 28(1)(b), (v))

  2. Appell–Aggravji–Motivi ta’ sentenza vvizjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni–Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi–Ċaħda

    (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58(1)

  3. Disinni Komunitarji–Raġunijiet għal invalidità–Assenza ta’ novità–Żvelar preċedenti ta’ disinn identiku–Disinn preċedenti li għandu jiġi inkorporat fi prodott differenti jew applikat għal dan tal-aħħar–Assenza ta’ effett

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 5(1), 10, 19 u 36)

  4. Disinni Komunitarji–Raġunijiet għal invalidità–Assenza ta’ karattru individwali–Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti–Utent avżat–Kunċett–Konoxxenza, mill-utent avżat, tad-disinn preċedenti inkorporat fi prodott ta’ settur industrijali differenti minn dak ikkonċernat mid-disinn ikkontestat jew applikat għal tali prodott–Assenza ta’ effett

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 5 sa 7)

  1.  Minn naħa, skont l-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinnji Komunitarji, meta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat tkun ibbażata fuq il-fatt li dan id-disinn ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tkun tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinni preċedenti li jistgħu jostakolaw n-novità jew il-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, kif ukoll id-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dawn id-disinni preċedenti.

    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ibbażata fuq l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 6/2002, mill-Artikolu 52(1) u (2) kif ukoll mill-Artikolu 53(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea jew tal-Qorti Ġenerali, iżda dak biss dak tar-rikorrenti li tinvoka r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament, li għandha tipproduċi l-elementi li huma ta’ natura li juru r-realtà ta’ din ir-raġuni.

    Għaldaqstant, meta il-persuna li titlob l-invalidità tinvoka r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, din tkun obbligata tipproduċi elementi li huma ta’ natura li juru li d-disinn ikkontestat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, jeħtieġ li jiżdied li, billi tirrikjedi, sabiex disinn jitqies bħala ġdid, li “l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku”, din id-dispożizzjoni timplika li l-evalwazzjoni tal-karattru ġdid ta’ disinn għandha ssir inkonnessjoni ma’ disinn preċiż, individwalizzat, iddeterminat u identifikat wieħed jew iktar fost l-assjem ta’ disinni żvelati lill-pubbliku preċedentement.

    F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, disinn huwa ddefinit bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 6/2002, id-dehra tikkostitwixxi l-element determinanti ta’ disinn.

    Għaldaqstant, il-fatt li karatteristika ta’ disinn tkun viżibbli jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għal din il-protezzjoni. Kif huwa indikat fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 6/2002 li l-protezzjoni tad-disinni ma għandhiex tkopri l-partijiet li ma jkunux viżibbli waqt użu normali ta’ prodott, u lanqas il-karatteristiċi ta’ parti li ma jkunux viżibbli meta dan ikun armat u li dawn il-karatteristiċi ma għandhomx, konsegwentement, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk karatteristiċi oħra ta’ dan id-disinn jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa essenzjali li l-istanzi tal-EUIPO ikollhom stampa ta’ disinn preċedenti, li għandha tkun tippermetti li tirrifletti d-dehra tal-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn u li jiġi identifikat b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex ikunu jistgħu jipproċedu, skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, bl-evalwazzjoni tal-karattru ġdid u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u għall-paragun li din tinvolvi bejn id-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, l-eżami dwar jekk id-disinn ikkontestat huwiex effettivament nieqes minn novità jew minn karattru individwali jirrikjedi d-dispożizzjoni ta’ disinn preċedenti preċiż u ddeterminat.

    Minn dan isegwi li hija l-parti promotriċi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi lill-Uffiċju l-indikazzjonijiet neċessarji u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiżi u sħaħ tad-disinn li tkun allegat l-prijorità tiegħu, bil-għan li jintwera li d-disinn ikkontestat ma jistax jiġi rreġistrat b’mod validu.

    (ara l-punti 58-65)

  2.  Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher fondat fid-dawl ta’ raġunijiet oħra ta’ dritt.

    (ara l-punt 73)

  3.  Mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji jirriżulta li disinn huwa meqjus bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data li fiha tiddaħħal l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

    Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirrendix il-karattru ġdid ta’ disinn dipendenti fuq il-prodotti li fihom dan jista’ jiġi inkorporat jew li għalihom jista’ jiġi applikat.

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni mogħtija mid-disinn Komunitarju testendi għal “kull disinn” li ma jħallix impressjoni viżiva ġenerali differenti fuq l-utent informat.

    B’hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li kieku kellha tintlaqa’ l-pożizzjoni li l-protezzjoni ta’ disinn tiddependi fuq in-natura tal-prodott li fih dan id-disinn ikun inkorporat jew li għalih jiġi applikat, tali protezzjoni tkun limitata biss għal dawk id-disinni li jappartjenu lil settur partikolari. Għaldaqstant, tali pożizzjoni ma tistax tintlaqa’.

    Barra minn hekk, kemm mill-Artikolu 36(6) kif ukoll mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jirriżulta li disinn Komunitarju rreġistrat jagħti lill-proprjetarju tiegħu, id-dritt esklużiv li juża id-disinn kkonċernat fuq kull tip ta’ prodott, u mhux biss fuq il-prodott indikat fuq it-talba għal reġistrazzjoni.

    Fil-fatt, skont l-imsemmi Artikolu 36(6), l-informazzjoni msemmija, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, ma tippreġudikax il-portata tal-protezzjoni tad-disinn bħala tali. Konsegwentement, din l-informazzjoni, li tikkonsisti fl-indikazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa maħsub li jiġi applikat, ma tistax tillimita l-protezzjoni ta’ dan id-disinn, kif kienet prevista, b’mod partikolari, fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002.

    Fir-rigward tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, ir-riferiment għal “prodott” li fih id-disinn huwa inkorporat jew li għalih japplika dan tal-aħħar, ma jippermettix li jitqies li l-portata tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju hija limitata għall-prodott li fih dan id-disinn huwa inkorporat jew li japplika għalih.

    Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 19 kif ukoll tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju ma jistax jitqies bħala ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament, jekk disinn identiku jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-dati speċifikati f’dik id-dispożizzjoni, minkejja li dan id-disinn preċedenti jkun maħsub li jiġi inkorporat fi prodott differenti jew li jiġi applikat għal dan tal-aħħar. Fil-fatt, il-fatt li l-protezzjoni kkonferita lil disinn ma hijiex limitata għall-prodotti biss li fihom huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huma maħsuba li jiġi applikat jimplika neċessarjament li l-evalwazzjoni tal-karattru ġdida ta’ disinn lanqas ma għandha tkun limitata għal dawk il-prodotti biss.

    (ara l-punti 89-96)

  4.  Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji, disinn jitqies bħala li għandu karattru individwali jekk l-impressjoni globali li huwa jipproduċi fi ħdan l-utent informat tkun differenti minn dik prodotta fi ħdan tali utent minn kull disinn żvelat lill-pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ utent informat, li ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament, jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal utent li għandu mhux attenzjoni medja iżda viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tiegħu tas-settur ikkunsidrat.

    Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni “informat” tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom.

    Madankollu, il-kunċett ta’ utent informat ma jistax jiġi interpretat fis-sens huwa biss jekk dan l-utent ikun jaf bid-disinn preċedenti li dan id-disinn preċedenti jkun jostakola ir-rikonoxximent ta’ karattru individwali ta’ disinn sussegwenti. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002.

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ikun hemm lok ta’ paragun bejn disinn u ieħor sabiex jiġi kkonstatat il-karattru ġdid kif ukoll il-karattru individwali tal-ewwel wieħed, biss jekk it-tieni wieħed ikun ġie żvelat lill-pubbliku.

    Meta disinn jitqies bħala li ġie żvelat lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, tali żvelar ikun jgħodd kemm għall-eżami tal-karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, tad-disinn li miegħu jiġi pparagunat id-disinn żvelat, kif ukoll għal dak tal-karattru individwali ta’ dan l-ewwel disinn, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament.

    Barra minn hekk, is-“settur interessat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, ma huwiex limitat għal dak tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalih huwa maħsub li jiġi applikat.

    Issa, il-pożizzjoni li huwa biss jekk din il-kundizzjoni tal-aħħar tkun issodisfatta li dan id-disinn preċedenti jkun jista’ jipprekludi r-rikonoxximent ta’ karattru individwali fid-disinn sussegwenti, twassal sabiex, għall-finijiet tal-eżami tal-karattru individwali ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jiġi rikjest li d-disinn preċedenti, li l-iżvelar tiegħu lill-pubbliku jkun diġà ġie pprovat, fis-sens tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li dan ikun magħruf mill-utent informat tad-disinn ikkontestat.

    Madankollu, xejn fl-imsemmi Artikolu 7(1), ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa neċessarju li l-utent informat tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa inkorporat jew li għalih huwa applikat ikun jaf id-disinn preċedenti, meta dal tal-aħħar ikun inkorporat fi prodott ta’ settur industrijali differenti minn dak ikkonċernat mid-disinn ikkontestat jew huwa applikat għal tali prodott.

    (ara l-punti 124-131)