SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Suq tal-metakrilati — Multi — Responsabbiltà in solidum ta’ kumpanniji omm u tas-sussidjarja tagħhom għall-aġir ta’ ksur ta’ din tal-aħħar — Ħlas tal-multa mis-sussidjarja — Tnaqqis tal-ammont tal-multa tas-sussidjarja wara sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — Ittri tal-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea li jeżiġu mill-kumpanniji omm il-ħlas tas-somma rrimborsata minnha lis-sussidjarja, miżjuda bl-interessi moratorji — Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑351/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u F. Dintilhac, bħala aġenti,

appellanti,

sostnuta minn:

L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn C. Perrin, bħala aġent,

intervenjenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Total SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

Elf Aquitaine SA, stabbilita f’Courbevoie,

irrappreżentati minn E. Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2015, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑470/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:241), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat parzjalment l-ittri tal-Kummissjoni BUDG/DGA/C4/BM/s746396, tal-24 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011”), u BUDG/DGA/C4/BM/s812886, tat-8 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-8 ta’ Lulju 2011” u, meqjusa flimkien, l-“ittri kontenzjużi”), dwar il-ħlas, minn Total SA u Elf Aquitaine SA, tal-ammont tal-multa u tal-interessi moratorji dovut wara d-Deċiżjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Metakrilati”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 28 tas-sentenza appellata bil-mod segwenti:

“2

Bid-[deċiżjoni Metakrilati], il-Kummissjoni […] ikkundannat in solidum lil Arkema SA u lis-sussidjarji tagħha Altuglas International SA u Altumax Europe SAS (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, “Arkema”) għal multa ta’ EUR 219131250 talli pparteċipaw f’akkordju (iktar ’il quddiem il-“multa inizjali”).

3

[L-appellati], li kienu, matul il-perijodu ta’ ksur stabbilit fid-deċiżjoni Metakrilati, il-kumpanniji parent [omm] ta’ Arkema, inżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa inizjali fl-ammont ta’ EUR 181350000 u fl-ammont ta’ EUR 140400000, rispettivament.

4

Fis-7 ta’ Settembru 2006, Arkema ħallset il-multa inizjali fl-intier tagħha u, sussegwentement, bħalma għamlu, b’mod parallel u awtonomu, [l-appellati], ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni Metakrilati (iktar ’il quddiem il-“proċedura ġudizzjarja Metakrilati”).

Proċedura ġudizzjarja Metakrilati quddiem il-Qorti Ġenerali

5

Fl-4 u fl-10 ta’ Awwissu 2006, [l-appellati] u Arkema ppreżentaw, rispettivament, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni Metakrilati.

6

Fl-ambitu tal-kawża T‑206/06, [l-appellati] talbu, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni Metakrilati.

7

Fl-ambitu ta’ din il-kawża, [l-appellati] talbu wkoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa inizjali imposta in solidum fuq Arkema u fuqhom stess.

8

Fl-24 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni bagħtet lil Arkema ittra li biha hija stednitha tikkonferma li l-ħlas tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006 kien sar ‘għan-nom tad-debituri kollha responsabbli konġuntament u in solidum’, filwaqt li speċifikat, minn naħa, li, ‘fl-assenza ta’ tali konferma u fil-każ li d-deċiżjoni [Metakrilati kellha tiġi] annullata għall-impriża li għan-nom tagħha sar il-ħlas’, hija ‘tirrimborsa l-ammont ta’ EUR 219131250 bl-interessi’ u, min-naħa l-oħra, li, ‘jekk il-multa kollha jew parti minnha kellha tiġi kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ kwalunkwe wieħed mid-debituri in solidum l-oħra’, hija ‘titlob lil dan tal-aħħar kull somma li tibqa’ dovuta flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 6.09 %’.

9

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2008, Arkema informat lill-Kummissjoni li hija kienet ħallset is-somma ta’ EUR 219131250‘fil-kwalità tagħha ta’ koobbligata in solidum u li, wara dan il-ħlas, il-Kummissjoni [ġiet] kompletament sodisfatta fid-drittijiet tagħha kemm fil-konfront ta’ Arkema kif ukoll fil-konfront tal-koobbligati in solidum kollha’. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Arkema informatha ‘bid-dispjaċir [tagħha] li ma [setgħetx tawtorizza] lill-Kummissjoni żżomm kwalunkwe ammont fil-każ li r-rikors tagħha quddiem il-qorti Komunitarja [jkollu] suċċess’.

10

Fl-24 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra [lill-appellati], sabiex tinformahom, partikolarment, bl-ittra ta’ Arkema tal-25 ta’ Settembru 2008 u bil-fatt li Arkema rrifjutat li tagħmel id-dikjarazzjoni ta’ ħlas komuni pprovduta mill-Kummissjoni.

11

Ir-rikors [tal-appellati] ġie miċħud b’sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, […] EU:T:2011:250).

12

Min-naħa l-oħra, ir-rikors ippreżentat separatament minn Arkema kontra d-deċiżjoni Metakrilati ntlaqa’ parzjalment, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, […] EU:T:2011:251), sa fejn l-ammont tal-multa imposta fuq Arkema tnaqqas għal EUR 113343750.

13

Fis-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251)], il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm lok, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li tnaqqas iż-żieda tal-multa li, fid-deċiżjoni Metakrilati, ġiet applikata [fil-konfront ta’ Arkema] fuq il-bażi tal-effett dissważiv, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-jum meta l-multa ġiet imposta fuqha, hija ma kinitx għadha kkontrollata [mill-appellati] (sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/06, EU:T:2011:251], punti 338339).

14

Is-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251)], ma ġietx appellata, b’mod li kisbet is-saħħa ta’ res judicata.

15

Il-Kummissjoni rrimborsat lil Arkema, bid-data ta’ valur tal-5 ta’ Lulju 2011, is-somma fl-ammont ta’ EUR 119247033.72 (EUR 105787500 bħala somma prinċipali miżjuda bi EUR 13459533.72 bħala interessi).

Ittri [kontenzjużi]

L-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011

16

Fl-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni informat [lill-appellati] li, ‘sabiex teżegwixxi s-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251), hija] [kellha tirrimoborsa lil] Arkema l-ammont li jikkorrispondi għat-tnaqqis tal-multa deċiż mill-Qorti Ġenerali’.

17

Fl-istess ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni talbet ukoll [lill-appellati], ‘[b]’mod parallel, u fil-każ tal-preżentata ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250),] il-ħlas tas-somma li tibqa’ dovuta miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 6.09 % b’effett mit-8 ta’ Settembru 2006’, jiġifieri EUR 68006250, ħlas li bih Total kienet marbuta bħala responsabbli ‘konġuntament u in solidum’ sal-ammont ta’ EUR 27056250, flimkien mal-interessi moratorji, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 88135466.52.

18

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2011 mibgħuta lill-Kummissjoni, [l-appellati] sostnew, essenzjalment, li, sa mis-7 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni kellha ‘d-drittijiet kollha tagħha ssodisfatti’ u għamlu diversi mistoqsijiet lill-Kummissjoni sabiex jiksbu kjarifiki fuq diversi punti tal-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011.

L-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011

19

Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni wieġbet, b’mod partikolari, li, ‘kuntrarjament għall-fehma [tal-appellati, hija] bl-ebda mod ma [tirrinunzja] għall-irkupru tas-somom dovuti jekk [l-appellati] jirrinunzjaw għall-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja’, filwaqt li ppreċiżat li ‘r-responsabbiltà [tal-appellati] ma tintemmx biż-żamma tas-somom speċifikati mis-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251)] u mħallsa minn Arkema’.

20

Fl-istess ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ammettiet li wettqet żball fir-rigward tal-ammont li hija intendiet titlob u ppreċiżat li l-ammont dovut minn Elf Aquitaine, skont id-deċiżjoni Metakrilati u skont is-sentenzi [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250), kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251)], kien ta’ EUR 137099614.58, inklużi l-interessi moratorji ta’ EUR 31312114.58 […], li għalihom Total kienet marbuta in solidum sal-ammont ta’ EUR 84028796.03.

21

Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, li, fil-każ ta’ appell [mill-appellati] kontra s-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250)], huma setgħu jikkostitwixxu garanzija bankarja minflok iħallsu l-multa.

22

Fit-18 ta’ Lulju 2011, [l-appellati] ħallsu lill-Kummissjoni s-somma mitluba fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, jiġifieri EUR 137099614.58.

Proċedura ġudizzjarja Metakrilati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell

23

Fl-10 ta’ Awwissu 2011, [l-appellati] ppreżentaw appell mis-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250)].

[…]

25

L-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑421/11 P, [mhux ippubblikat] […] EU:C:2012:60), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talbiet kollha [tal-appellati].

[…]

28

Dwar it-talbiet, imressqa sussidjarjament, intiżi għad-dispensa mill-ħlas tal-interessi moratorji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

‘89

Din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli sa fejn din ma hijiex diretta […] kontra s-sentenza [tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250)], iżda kontra [l-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011] li hija, barra minn hekk, is-suġġett ta’ rikors [tal-appellati] quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat fir-Reġistru tagħha bin-Numru T‑470/11.’”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2011, l-appellati ppreżentaw rikors għal annullament kontra l-ittri kontenzjużi quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn talbu, sussidjarjament, it-tnaqqis tas-somom mitluba fihom kif ukoll, iktar sussidjarjament, l-annullament tal-interessi moratorji.

4

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija osservat, b’mod partikolari, li l-ittri kontenzjużi kienu jikkostitwixxu atti li ma jistgħux jiġu kkontestati sa fejn dawn kienu nieqsa minn effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw lill-appellati u li l-obbligu ta’ ħlas impost fuq dawn tal-aħħar kien jirriżulta biss mid-deċiżjoni Metakrilati.

5

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel nett, fil-punti 72 sa 101 tal-imsemmija sentenza, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

6

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari, li għal dak li jirrigwarda l-ammont prinċipali mitlub mingħand l-appellati fl-ittri kontenzjużi, dawn l-ittri ma kinux affettwaw l-interessi tagħhom billi jbiddlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE wara d-deċiżjoni Metakrilati.

7

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi moratorji, il-Qorti Ġenerali qieset li dan bl-ebda mod ma jirriżulta minn din id-deċiżjoni, u lanqas mis-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250), jew tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251), ladarba Arkema kienet ħallset, fl-estensjoni immedjata tal-imsemmija deċiżjoni, l-ammont kollu tal-multa inizjali, b’mod li l-att ikkontestat bidel tassew is-sitwazzjoni legali tagħhom billi żied is-somma dovuta mill-appellati skont din l-istess deċiżjoni.

8

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset ir-rikors ammissibbli sa fejn dan kien intiż kontra l-interessi moratorji mitluba mingħand l-appellati fl-ittri kontenzjużi.

9

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 107 sa 118 tas-sentenza appellata, ir-rikors fuq il-mertu u laqgħatu sa fejn dan kien intiż kontra l-interessi moratorji mitluba mingħand l-appellati.

10

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat l-ittri kontenzjużi sa fejn il-Kummissjoni talbet fihom mingħand l-appellati interessi moratorji u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż kollha.

12

L-appellati jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2016, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Madankollu, peress li t-talba għal intervent tressqet wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-parti ma ġietx ammessa, skont l-Artikolu 129(4) ta’ dawn ir-Regoli, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fid-9 ta’ Ġunju 2016.

Fuq l-appell

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

14

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’motivazzjoni kontradittorja.

15

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat, fil-punt 113 ta’ dik is-sentenza, li d-drittijiet tal-Kummissjoni kemm fir-rigward ta’ Arkema kif ukoll fir-rigward tal-appellati li kellhom obbligi in solidum, kienu ssodisfatti kompletament, filwaqt li l-Qorti Ġenerali osservat b’mod korrett, fil-punt 9 tal-imsemmija sentenza, li Arkema kienet informatha “bid-dispjaċir [tagħha] li ma [setgħetx tawtorizza] lill-Kummissjoni żżomm kwalunkwe ammont fil-każ li r-rikors tagħha quddiem il-qorti Komunitarja [jkollu] suċċess”.

16

Issa, din il-preċiżazzjoni ta’ Arkema timplika neċessarjament, skont il-Kummissjoni, li ma kienx hemm dikjarazzjoni ta’ ħlas komuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddikjara li d-drittijiet tal-Kummissjoni kienu ssodisfatti kompletament kemm fir-rigward tagħha kif ukoll fir-rigward tal-koobbligati in solidum kollha.

17

L-appellati jsostnu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala manifestament infondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

18

Il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, b’mod żbaljat, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li d-drittijiet tal-Kummissjoni kienu ssodisfatti kompletament, minkejja li Arkema, permezz tal-ittra tagħha tal-25 ta’ Settembru 2008, ma għamlitx id-dikjarazzjoni ta’ ħlas komuni. Din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni, bl-iskuża ta’ kontradizzjoni fil-motivazzjoni, tikkontesta l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat ta’ din l-ittra fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tevalwa l-fatti.

19

Issa, għalkemm il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 45, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 123), dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament li ġiex invokat f’dan il-każ, hija eskluża, skont ġurisprudenza kostanti, mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Il‑Ġreċja vs Il‑Kummissjoni, C‑391/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2061, punt 29, u tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40).

20

Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta ’ liġi meta qieset li l-ittri kontenzjużi kienu jipproduċu effetti legali vinkolanti

L-argumenti tal-partijiet

21

Permezz tal-ewwel aggravju, li jirrigwarda b’mod partikolari l-punti 81 sa 87 tas-sentenza appellata u li jinqasam fi tliet partijiet, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-ittri kontenzjużi jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-appellati. L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA taqbel, essenzjalment, ma’ dan l-aggravju.

22

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-ittri kontenzjużi huma sempliċi talbiet għal ħlas b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni Metakrilati, bi preparament għall-eżekuzzjoni forzata eventwali tagħha wara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250), kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251). Madankollu, dawn l-ittri għadhom ma jikkostitwixxux l-“eżekuzzjoni forzata” ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk ma jistabbilixxux pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni. Hija biss l-imsemmija deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata, li ġiet b’xi mod evitata permezz tal-ħlas imwettaq mill-appellati.

23

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-kontenut tal-ittri kontenzjużi juri li huma ma jipproduċux effetti legali vinkolanti. Fil-fatt, dawn l-ittri jesprimu l-opinjoni tad-dipartimenti tal-kontabbiltà għal dak li jirrigwarda l-irkupru tal-multa imposta mid-deċiżjoni Metakrilati u jfakkru biss il-modalitajiet ta’ pagament jew il-“ħlas tal‑multa sa llum”, li huwa b’mod ċar miżura meħuda fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

24

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-ittri kontenzjużi ma żiedu xejn mal-kontenut tad-deċiżjoni Metakrilati. L-obbligu li għandhom il-konvenuti li jħallsu l-multa u l‑interessi inċidentali tagħha huwa biss ir-riżultat tad‑deċiżjoni Metakrilati, moqrija fid-dawl tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250), tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251), u tad-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑421/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:60). Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma għandha ebda diskrezzjoni fil-qasam, peress li l-istabbiliment tal-interessi moratorji jirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1).

25

Skont il-Kummissjoni, l-ittri kkontestati juru biss l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapplika d-deċiżjoni Metakrilati u ma jipproduċu ebda effett legali ieħor ħlief dawk ta’ din id-deċiżjoni. Dawn l-ittri ma jistgħux ikunu sseparati mid‑deċiżjoni li tagħha huma jippreparaw l-implementazzjoni.

26

L-appellati jsostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

27

F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet parti ta’ dan l-aggravju, dawn huma, skont l-appellati, manifestament inammissibbli peress li, permezz ta’ dawn il-partijiet, il-Kummissjoni tillimita ruħha essenzjalment li tirriproduċi l-argumenti li hija diġà ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi l-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet f’dan ir-rigward u mingħajr ma tidentifika l-punti tas-sentenza appellata li hija tikkontesta.

28

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, din għandha, skont l-appellati, tiġi miċħuda bħala infondata.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-ittri kontenzjużi, sa fejn il-Kummissjoni, permezz ta’ dawn l-ittri, talbet l-interessi moratorji, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

30

Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, speċifikament it-tieni u t-tielet parti tagħha, għandi jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 168(1)(d) u tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod partikolari li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Appell li jillimita ruħu għal repetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tal-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti mqajma diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda parzjalment mis-sens tagħha (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 51, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 47).

32

F’dan il-każ, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, b’mod partikolari permezz tat-tieni u tat-tielet parti tiegħu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem l-Qorti Ġenerali, iżda għandha l-intenzjoni, speċifikament, li tikkontesta r-raġunament legali li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li l-ittri kontenzjużi kienu ta’ natura li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jemendaw is-sitwazzjoni tal-impriżi inkwistjoni.

33

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjenti fid-dritt, barra minn hekk, il-partijiet tas-sentenza appellata li hija tqis li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn tat-talba tagħha, li jippermettu għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha.

34

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

35

Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-ewwel aggravju, li għandu jiġi eżaminat billi jiġu kkunsidrati flimkien il-partijiet kollha tiegħu, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita sew li tikkonċerna l-ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ annullament jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax ikun is-suġġett ta’ tali rikors, għandha tingħata importanza lill-kontenut stess ta’ dan l-att, peress li l-forma li fiha dan ikun ġie adottat hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 27, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 43).

36

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li huma biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati f’rikors għal annullament, billi jibdlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 29; tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51, u tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament, C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 13).

37

Għaldaqstant, ir-rikorsi għal annullament jista’, bħala prinċipju, jintuża biss fil-konfront ta’ miżura li permezz tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tistabbilixxi definittivament, fi tmiem proċedura amministrattiva, il-pożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati l-atti intermedji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, kif ukoll l-atti konfermattivi jew dawk purament eżekuttivi, sa fejn tali atti ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti awtonomi minn dawk tal-att tal-istituzzjoni tal-Unjoni li huwa ppreparat, ikkonfermat u eżegwit (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55; tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Ferriere Nord, C‑516/06 P, EU:C:2007:763, punt 29, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52).

38

Hija minn din il-perspettiva li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, ssostni essenzjalment li, għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji mitlub fihom, l-ittri kontenzjużi ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti distinti minn dawk li jirriżultaw mid-deċiżjoni Metakrilati, peress li l-imsemmi obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji jirriżulta biss minn din id-deċiżjoni kif ukoll mir-regolamenti rilevanti u li l-imsemmija ittri ma żiedu xejn ma’ dan. Għaldaqstant, l-ittri kontenzjużi għandhom biss natura preparatorja bil-għan tal-eżekuzzjoni forzata eventwali tad-deċiżjoni Metakrilati.

39

Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, tali argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, permezz tad-deċiżjoni Metakrilati, li biha multa ta’ EUR 219131250 ġiet imposta fuq Arkema, l-appellati, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji omm tagħha, inżammu responsabbli “in solidum u konġuntament” għall-ħlas tal-multa fl-ammont, rispettivament, ta’ EUR 140.4 miljun u EUR 181.35 miljun.

41

Sussegwentement, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/06, EU:T:2011:251), l-ammont tal-multa imposta fuq Arkema tnaqqas għal EUR 113343750. Min-naħa l-oħra, l-ammont tal-multa imposta, bħala tali, fuq l-appellati baqa’ l-istess wara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (T‑206/06, EU:T:2011:250), liema fatt, barra minn hekk, ġie kkonfermat mid-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑421/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:60, punt 83).

42

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li ma huwiex qed jiġi kkontestat li, hekk kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 112 tas-sentenza appellata, Arkema ħallset il-multa inizjali kollha imposta mid-deċiżjoni Metakrilati, fl-ammont ta’ EUR 219131250, fis-7 ta’ Settembru 2006.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li mill-ittra ta’ Arkema mibgħuta lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Settembru 2008 jirriżulta li Arkema kienet informat b’mod ċar li l-Kummissjoni kienet “kompletament sodisfatta fid-drittijiet tagħha kemm fil-konfront [tagħha] kif ukoll fil-konfront tal-koobbligati in solidum kollha” u, għaldaqstant, kienet ħallset l-ammont kollu tal-multa inizjali f’isem l-appellati wkoll, liema evalwazzjoni ma tistax, hekk kif jirriżulta mir-raġunijiet esposti fil-punti 18 sa 20 ta’ din is-sentenza, tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

44

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, f’sitwazzjoni li fiha r-responsabbiltà tal-kumpannija omm toriġina purament minn dik tas-sussidjarja tagħha u li fiha ebda fattur ieħor ma jikkaratterizza individwalment l-aġir ikkritikat tal-kumpannija omm, ir-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punti 37, 39, 4349, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il‑Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 38).

45

F’dan il-każ, ir-responsabbiltà konġunta u in solidum tal-appellati fil-konfront ta’ Arkema kienet toriġina purament minn dik tas-sussidjarja tagħhom, bl-esklużjoni ta’ kull fattur ieħor. Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, hekk kif osserva b’mod partikolari l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 sa 68 tal-konklużjonijiet tiegħu u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk Arkema għamlitx dikjarazzjoni ta’ ħlas komuni, li l-Kummissjoni ma kinitx, wara l-ħlas sħiħ tal-multa inizjali minn Arkema, liema fatt fi kwalunkwe każ ma ġiex ikkontestat, intitolata titlob mill-appellati pagamenti f’dan ir-rigward.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddikjarat korrettament fil-punt 116 tas-sentenza appellata, permezz tal-ittri kontenzjużi, il-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt titlob mill-appellati l-interessi moratorji relatati mal-multa imposta fid-deċiżjoni Metakrilati.

47

Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn l-ittri ma setgħux jitqiesu, sa fejn hija kienet talbet fihom l-interessi moratorji mhux dovuti, li kienu purament konfermattivi tal-obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjoni Metakrilati u li kellhom natura preparatorja bil-għan tal-eżekuzzjoni forzata eventwali tagħha.

48

Konsegwentement, għalkemm l-ittri li permezz tagħhom il-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lid-destinatarji ta’ deċiżjoni dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, bħad-deċiżjoni Metakrilati, il-ħlas tal-multa imposta fiha jew tal-interessi moratorji li eventwalment jirriżultaw minnha, jistgħu, bħala prinċipju, jikkostitwixxu biss sempliċi ittri ta’ intimazzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, u ma jistgħux, għalhekk, jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Ferriere Nord, C‑516/06 P, EU:C:2007:763, punt 29), dan ma huwiex il-każ, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-ittri kontenzjużi, sa fejn dawn jitolbu mill-appellati l-ħlas tal-interessi moratorji minkejja l-ħlas sħiħ tal-ammont inizjali tal-multa u jikkostitwixxu għalhekk, fil-fatt, modifika tal-obbligu pekunjarju li għalih dawn huma responsabbli.

49

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-ittri kontenzjużi, sa fejn permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet talbet l-interessi moratorji, kienu jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-appellati, billi jbiddlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħhom u, għaldaqstant, meta kklassifikat dawn l-ittri bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

50

Għalhekk, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta ’ lis pendens u ta ’ awtorità ta ’ res judicata

L-argumenti tal-partijiet

51

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, kisret il-prinċipji ta’ lis pendens u ta’ awtorità ta’ res judicata, sa fejn hija sseparata, b’mod partikolari fil-punti 80 u 93 sa 101 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni tal-interessi moratorji li għandhom jitħallsu mill-bqija tad-deċiżjoni Metakrilati.

52

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni Metakrilati tinkludi, fl-Artikolu 2 tagħha, dispożizzjonijiet dwar il-multa imposta b’mod prinċipali u dwar l-interessi li għandhom jitħallsu fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, li huma anċillari għaliha. Issa, fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata, l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑421/11 P dwar din id-deċiżjoni kien għadu pendenti. Barra minn hekk, wara d-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑421/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:60), l-imsemmija deċiżjoni saret definittiva fil-konfront tal-appellati għal dak li jirrigwarda l-elementi kollha tagħha, inkluża l-kwistjoni tal-interessi.

53

L-appellati jikkontestaw il-fondatezza tat-tieni aggravju billi josservaw, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet ta’ lis pendens bejn żewġ kawżi u ta’ awtorità ta’ res judicata, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Sa fejn it-tieni aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-premessa tal-Kummissjoni, kif żviluppata fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, li t-talba għall-interessi moratorji, fl-ittri kontenzjużi, għandha biss l-għan li teżegwixxi dak li huwa previst mid-deċiżjoni Metakrilati u ma tistax tiġi sseparata minnha, għandu jiġi kkonstatat li din il-premessa, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 44 sa 52 ta’ din is-sentenza, ma tistax tintlaqa’.

55

Barra minn hekk, u fl-istess sens, fil-punt 89 tad-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑421/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:60), hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali korrettament fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala manifestament inammissibbli t-talba, imressqa mill-appellati fil-kuntest tal-appell tagħhom li ta lok għal dan id-digriet, għall-eżenzjoni mill-interessi fid-dawl tal-fatt li din ma kinitx tirrigwarda s-sentenza li kienet is-suġġett ta’ dak l-appell u, għaldaqstant, id-deċiżjoni Metakrilati, iżda l-ittri kontenzjużi li jimponu l-interessi moratorji.

56

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

57

Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-Kummissjoni ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

58

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

59

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-appellati, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

60

Skont l-Artikolu 140(2) tal-imsemmija Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess meta hija tkun intervjeniet fil-kawża.

61

Konsegwentement, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi, l-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minn Total SA u Elf Aquitaine SA.

 

3)

L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.