Kawża C‑341/15

Hans Maschek

vs

Magistratsdirektion der Stadt Wien – Personalstelle Wiener Stadtwerke

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2003/88/KE — Artikolu 7 — Dritt għal leave annwali mħallas — Irtirar fuq talba tal-persuna kkonċernata — Ħaddiem li ma jkunx għamel użu mid-drittijiet kollha tiegħu tal-leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-allowance għal leave annwali mħallas mhux meħud — Leave tal-mard — Uffiċjali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Lulju 2016

Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Allowance għal leave mhux meħud li titħallas meta tintemm ir-relazzjoni tax-xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta din l-allowance lil ħaddiem li jkun ressaq talba għall-irtirar u li ma jkunx jista’ jagħmel użu mid-drittijiet għal leave tiegħu qabel tmiem din ir-relazzjoni – Inammissibbiltà – Dritt għall-imsemmija allowance fil-każ ta’ nuqqas li jiġu eżerċitati l-funzjonijiet tal-ħaddiem għal raġunijiet ta’ mard – Assenza ta’ tali dritt fil-każ ta’ ftehim bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega dwar l-obbligu tal-ħaddiem li jkun assenti mix-xogħol filwaqt li jkompli jirċievi s-salarju tiegħu – Limiti – Nuqqas ta’ użu tad-drittijiet għal leave għal raġunijiet ta’ mard – Possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu lil ħaddiema leave annwali mħallas li jiżdied mal-leave annwali minimu – Modalitajiet u kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikoli 7(2) u 15)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad minn dritt għal allowance għal leave annwali mħallas mhux meħud lil ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu tkun intemmet wara talba għall-irtirar min-naħa tiegħu u li ma setax jagħmel użu mid-drittijiet kollha tiegħu qabel it-tmiem ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol. Ma hijiex rilevanti r-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet. Għaldaqstant, il-fatt li l-ħaddiem itemm, fuq talba tiegħu stess, ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, ma huwiex rilevanti għad-dritt tiegħu, skont il-każ, għal allowance għad-drittijiet għal leave annwali mħallas li ma setax jisfrutta qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu.

mal-irtirar, ħaddiem ikollu dritt għal allowance għal leave annwali mħallas mhux meħud minħabba l-fatt li ma setax jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu għal raġunijiet ta’ mard;

ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu tkun intemmet u li, abbażi ta’ ftehim konkluż ma’ min jimpjegah, filwaqt li baqa’ jirċievi s-salarju, kien marbut ma jmurx għax-xogħol matul perijodu partikolari li ppreċeda l-irtirar tiegħu, ma għandux dritt għal allowance għal leave annwali mħallas mhux meħud matul dan il-perijodu, sakemm ma setax jagħmel użu minn dawn id-drittijiet għal raġunijiet ta’ mard;

huma l-Istati Membri, minn naħa, li għandhom jiddeċiedu jekk jagħtux lil ħaddiema leave annwali mħallas flimkien mal-leave annwali minimu mħallas ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. F’din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-għoti, lil ħaddiem li, għal raġunijiet ta’ mard, ma setax jagħmel użu mill-leave annwali mħallas addizzjonali qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, ta’ dritt għal allowance li jikkorrispondi ma’ dan il-perijodu addizzjonali. Min-naħa l-oħra, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ dan l-għoti. Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 2003/88 għandha bħala għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, li l-Istati Membri għandhom josservaw, dawn tal-aħħar għandhom, konformement mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, id-dritt li jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema.

(ara l-punti 28, 29, 32, 35, 38, 40 u d-dispożittiv)