Kawża C-336/15

Unionen

vs

Almega Tjänsteförbunden
u
ISS Facility Services AB

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbetsdomstolen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 3 – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi – Ftehimiet kollettivi applikabbli għaċ-ċessjonarja u għaċ-ċedenti – Terminu ta’ preavviż supplementari mogħti lill-ħaddiema mkeċċija – Teħid inkunsiderazzjoni tas-servizz imwettaq maċ-ċedenti”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-6 ta’ April 2017

Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Direttiva 2001/23 – Drittijiet u obbligi fis-sens tal-Artikolu 3 – Obbligu għaċ-ċessjonarju li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-mument tat-tkeċċija ta’ ħaddiem iktar minn sena wara t-trasferiment tal-impriża, it-tul ta’ servizz mill-imsemmi ħaddiem maċ-ċedenti, għall-kalkolu tat-tul ta’ servizz ta’ dan il-ħaddiem

(Direttiva tal-Kunsill 2001/23, Artikolu 3)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, iċ-ċessjonarja għandha tinkludi, fil-mument tat-tkeċċija ta’ ħaddiem iktar minn sena wara t-trasferiment tal-impriża, fil-kalkolu tat-tul ta’ servizz ta’ dan il-ħaddiem, rilevanti għad-determinazzjoni tal-preavviż li dan tal-aħħar għandu dritt għalih, it-tul ta’ servizz tal-imsemmi ħaddiem maċ-ċedenti.

(ara l-punt 33 u d-dispożittiv)