Kawżi magħquda C‑333/15 u C‑334/15

María Pilar Planes Bresco

vs

Comunidad Autónoma de Aragón

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika agrikola komuni — Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Skema ta’ pagament uniku — Artikoli 43 u 44 — Drittijiet għall-pagament ibbażati fuq iż-żoni — Ettari eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna għaż-żona — Mergħat permanenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eliġibbiltà taż-żoni ta’ mergħat permanenti li jeċċedu ż-żoni għall-għalf inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tad-drittijiet għall-pagament għal kundizzjonijiet ta’ użu għall-bżonnijiet ta’ trobbija li huma proprji għar-razzett”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016

Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skema ta’ pagament uniku – Kunċett ta’ żona eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna – Mergħat permanenti – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

[Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 2012/2006, premessi 4 u 24 u Artikoli 2(ċ), 3 sa 5 u 44; Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, Artikolu 2(2)]

Ir-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 2012/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala ettari eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna għaż-żona għal ġuta, żoni ta’ mergħat permanenti ddikjarati minn bidwi li jeċċedu ż-żona ta’ mergħat permanenti meħuda inkunsiderazzjoni inizjalment fid-determinazzjoni tal-ammont tad-drittijiet tiegħu għall-pagament għal kull ettaru, sakemm dan tal-aħħar ma jistabbilixxix li l-imsemmija żoni effettivament jintużaw għall-bżonnijiet ta’ trobbija li huma proprji għar-razzett matul l-imsemmija ġuta.

Fil-fatt, mill-Artikoli 2(ċ), 3, 4 u 5 tal-imsemmi regolament jirriżulta li li ż-żoni ta’ mergħat permanenti ta’ razzett huma eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna għaż-żona ladarba jaqgħu taħt iż-żona agrikola tal-imsemmi razzett u li ż-żamma tagħhom f’kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tkun tikkostitwixxi minnha nnifisha attività agrikola, u l-fatt li l-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix, li, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 796/2004, jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, l-imsemmija żoni għandhom jiġu ddedikati għall-produzzjoni tagħhom, ma jintużawx direttament għall-bżonnijiet tat-trobbija proprji għar-razzett, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Din l-analiżi hija kkorroborata mill-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1782/2003 u mir-rwol mogħti lill-mergħat permanenti fil-kuntest tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament Nru 1782/2003 jindika, fil-premessa 4 tiegħu, li l-mergħat permanenti għandhom effett pożittiv fuq l-ambjent u li għandhom jiġu adottati miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu ż-żamma ta’ mergħat permanenti eżistenti biex tiġi evitata l-konverżjoni massiva tagħhom f’art li tinħarat. F’dan ir-rigward, il-protezzjoni tal-ambjent, li tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni, hija għan li jagħmel parti mill-politika komuni fil-qasam tal-agrikoltura. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1782/2003 huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 24 tiegħu, sabiex jissostitwixxi sistema ta’ għajnuna diretta għall-produzzjoni b’sistema ta’ għajnuna diretta għall-irziezet, diżakkoppjata mill-produzzjoni u mħallsa direttament lill-bdiewa bħala suppliment għad-dħul tagħhom.

(ara l-punti 43-47, 49 u dispożittiv)