Kawża C‑329/15
ENEA S.A.
vs
Prezes Urzędu Regulacji Energetyki
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Obbligu għal kumpannija b’kapital azzjonarju tas-settur tal-enerġija, miżmuma fl-intier tagħha mill-Istat, li tixtri l-enerġija prodotta mill-koġenerazzjoni bil-produzzjoni tas-sħana”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2017
Għajnuna mogħtija mill-Istati-Kunċett-Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat-Assenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat-Assenza ta’ effett-Preeminenza tal-kriterju tal-kontroll pubbliku fuq tali vantaġġ
(Artikolu 107(1) TFUE)
Għajnuna mogħtija mill-Istati-Kunċett-Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat-Mekkaniżmu ta’ xiri obbligatorju ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bil-produzzjoni tas-sħana-Obbligu ta’ xiri impost fuq impriżi kemm privati kif ukoll pubbliċi-Finanzjament mir-riżorsi tagħhom stess-Esklużjoni
(Artikolu 107(1) TFUE)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 17, 20-25)
L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq impriżi kemm privati kif ukoll pubbliċi obbligu ta’ xiri ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bil-produzzjoni tas-sħana ma tikkostitwixxix intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.
Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta għalhekk li, f’ċerti ċirkustanzi, il-fornituri tal-elettriku jiksbu l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bi prezz ogħla minn dak applikat fil-kuntest tal-bejgħ lill-utenti finali, u dan iwassal għal spiża addizzjonali għalihom.
Għalhekk, fl-assenza ta’ trasferiment integrali ta’ tali spiża addizzjonali fuq l-utent finali, tal-finanzjament tagħha permezz ta’ kontribuzzjoni obbligatorja imposta mill-Istat Membru jew ukoll ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens integrali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C-262/12, EU:C:2013:851), għandu jitqies, bħalma qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-impriżi ta’ provvista ma kinux inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, iżda ffinanzjaw obbligu ta’ xiri impost fuqhom permezz tar-riżorsi tagħhom stess.
Fir-rigward tal-argument, imressaq minn ENEA u l-Kummissjoni, li l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ xiri kienet taqa’ fil-parti l-kbira tagħha fuq impriżi pubbliċi rregolati mid-dritt privat, li jippermetti li jitqies li l-imsemmi obbligu kien iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li riżorsi ta’ impriżi pubbliċi jistgħu jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat meta dan ikun jista’, bl-eżerċizzju tal-influwenza dominanti tiegħu, jorjenta l-użu tagħhom sabiex jiffinanzja vantaġġi favur impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni,C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 38).
Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 91, 94 sa 96 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt biss li l-Istat kellu l-parti l-kbira tal-kapital ta’ parti mill-impriżi suġġetti għall-obbligu ta’ xiri ma jippermettix, fil-kawża prinċipali, li jiġi dedott li kien hemm influwenza dominanti li tippermetti li jiġi orjentat l-użu tar-riżorsi ta’ dawn l-impriżi fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.
Jidher, fil-fatt, li l-obbligu ta’ xiri japplika mingħajr ebda distinzjoni fuq il-fornituri tal-elettriku, indipendentement minn jekk il-kapital tagħhom huwiex fil-parti l-kbira tiegħu miżmum mill-Istat jew minn operaturi privati.
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat Membru kkonċernat, kif ikkonstatat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ma tippermettix li jiġi dedott li hemm influwenza dominanti ta’ dan l-Istat fi ħdan impriża li fiha huwa azzjonist maġġoritarju fis-sens tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 38 u 39). Ebda element f’dan is-sens ma jista’ jiġi dedott fir-rigward tal-azzjoni tal-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġoritarju fi ħdan impriża mill-intervent ta’ dan tal-aħħar fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur.
(ara l-punti 29-33, 35, 37 u d-dispożittiv)