SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Artikolu 3(a) — Artikoli 11 u 12 — Waqfien tal-operazzjonijiet ta’ installazzjoni — Restituzzjoni ta’ kwoti mhux użati — Perijodu 2008-2012 — Nuqqas ta’ kumpens — Struttura tas-sistema ta’ skambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet”

Fil-Kawża C-321/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża

ArcelorMittal Rodange et Schifflange SA

vs

L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ArcelorMittal Rodange et Schifflange SA, minn G. Loesch, avukat,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, assistita minn P. Kinsch, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White, A. Buchet u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU 2003, L 275, p. 32), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009 (ĠU L 2009, L 87 p. 109) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ArcelorMittal Rodange et Schifflange SA (iktar ’il quddiem “ArcelorMittal”) u l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Ministru delegat għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Infrastruttura li timponi fuq din il-kumpannija r-restituzzjoni, mingħajr kumpens, ta’ 80922 kwota ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra mhux użati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, din “tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika”.

4

L-Artikolu 3(a) ta’ din id-Direttiva jiddefinixxi l-“kwota ta’ emissjoni” bħala “id-dritt ta’ emissjoni ta’ tunnellata metrika ta’ l-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju matul perjodu taż-żmien speċifikat, li għandha tkun valida biss sabiex tissodisfa l-ħtiġiet ta’ din d-Direttiva u għandha tkun trasferibbli skond id-disposizzjonijiet ta’ dan id-Direttiva”.

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-operatur għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti b’kull bidla ppjanata fin-natura u l-funzjonament, jew l-estensjoni, ta’ l-istallazzjoni li jistgħu jeħtieġu l-aġġornament tal-permess ta’ l-emissjoni tal-gassijiet tas-sera. Meta xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess. Meta jkun hemm bidla fl‑identità ta’ l-operatur, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess hekk li jinkludi l-isem u l-indirizz ta’ l-operatur il-ġdid.”

6

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi l-elaborazzjoni, minn kull Stat Membru, ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti (iktar ’il quddiem, il-“PNA”). B’mod partikolari, il-paragrafi 1 u 3 jipprovdu:

“1.   Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa pjan nazzjonali fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-pjan għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku. Mingħajr prġudizzju għat-Trattat [KE], il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-iktar tard sal 31 ta’ Diċembru 2003 gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

[…]

3.   Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni.”

7

L-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi:

“2.   Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perjodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-[PNA] żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.

[…]

4.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ porzjon mill-kwantità totali tal-kwoti għal kull sena tal-perjdu taż-żmien riferit fil-paragrafi 1 jew 2, sat-28 ta’ Frar għal din is-sena.”

8

L-Artikolu 12(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-kwoti jistgħu jiġu ttrasferiti bejn:

a)

persuni ġewwa l-Komunità;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, l-iktar tard sat 30 ta’ April ta’ kull sena, l-opertur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet iċedi numru ta’ kwoti egwali għall-emissjonijiet totali minn din l-istallazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel kif verifikat skond l-Artikolui 15, u dawn jiġu sossegwentement ikkanċellati.”

9

L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1. Il-konċessonijiet għandhom ikunu validi għall-emissjonijiet matul il-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) jew (2) li għalih jinħarġu.”

10

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li jiġi stabbilit u miżmum uffiċċju tar-reġistrazzjonijiet sabiex jiżgura l-kontabbiltà eżatta tal-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti. L-Istati Membri jistgħu jżommu l-uffiċċji tagħhom tar-registrazzjonijiet f’sistema konsolidata, flimkien ma’ Stat Membri ieħor jew iktar.”

Id-dritt Lussemburgiż

11

L-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi:

“Ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad mill-proprjetà tiegħu, ħlief fl-interess pubbliku u bi ħlas ta’ kumpens ġust, fil-każijiet u bil-mod previst mil-liġi.”

12

Id-Direttiva 2003/87 ġiet trasposta fil-liġi tal-Lussemburgu permezz tal-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 2004, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Mémorial A 2004, p. 3792, iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-2004”). L-Artikolu 12(2) u (4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“2.   Għall-perijodu ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perijodu ta’ ħames snin sussegwenti, il-Ministru għandu jiddeċiedi l-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li għandhom jiġu allokati għal dan il-perijodu u għandu jibda l-proċess għall-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-installazzjonijiet. Il-Ministru għandu jadotta dawn il-mezzi mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perijodu kkonċernat, abbażi tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-kwoti mfassal skont l-Artikolu 10.

[…]

4.   Il-Ministru għandu joħroġ parti mill-kwantità totali tal-kwoti ta’ emissjonijiet għal kull sena tal-perijodu msemmi fil-paragrafi 1 jew 2, sat‑28 ta’ Frar tas-sena inkwistjoni.”

13

L-Artikolu 13(6) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Kull waqfien totali jew parzjali tal-operazzjoni ta’ installazzjoni għandu jiġi nnotifikat lill-Ministru immedjatament. Il-Ministru għandu jiddeċiedi dwar ir-restituzzjoni totali jew parzjali tal-kwoti mhux użati.”

14

Fir-rigward tal-perijodu 2008-2012, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu fassal, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, il-PNA tiegħu. Dan il-PNA ġie approvat mill-Kummissjoni b’deċiżjonijiet tad-29 ta’ Novembru 2006 u tat-13 ta’ Lulju 2007. Fil-paġna 7 tal-imsemmi PNA, hemm stabbilit, essenzjalment, li f’każ ta’ żmantellament jew għeluq ta’ installazzjoni, il-kwoti ma għandhomx jinħarġu għas-sena sussegwenti.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Hekk kif jirriżulta mill-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Ministru tal-Ambjent alloka lil ArcelorMittal, għall-perijodu mill-2008-2012, kwantità totali ta’ 405365 kwota ta’ emissjonijiet. F’dak li jikkonċerna l-2012, dan il-Ministru, fit-22 ta’ Frar ta’ dik is-sena, alloka lil ArcelorMittal, biex jitniżżlu fir-reġistru nazzjonali, 81073 kwota għall-impjant ta’ Schifflange (il-Lussemburgu) ta’ din il-kumpannija.

16

B’ittra tat-23 ta’ April 2012, ArcelorMittal talbet lill-Ministru msemmi biex jissospendi l-kontrolli ambjentali, għar-raġuni li l-attivitajiet ta’ dan l-impjant ta’ Schifflange kienu sospiżi mill-aħħar tal-2011, għal perijodu indefinit.

17

B’digriet tas-6 ta’ Ġunju 2013, il-Ministru delegat għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Infrastruttura, minn naħa, naqqas it-total tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati lil din il-kumpannija għall-perijodu 2008-2012 u, min-naħa l-oħra, talab ir-restituzzjoni, mingħajr kumpens, ta’ 80922 kwota ta’ emissjonijiet (iktar ’il quddiem il-“kwoti kkontestati”). Din il-miżura, adottata b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 13(6) tal-Liġi tal-2004, kienet iġġustifikata mid-dikjarazzjoni ta’ ArcelorMittal relattiva għas-sospensjoni, mill-aħħar tal-2011, tal-attivitajiet tal-impjant tagħha ta’ Schifflange.

18

Fit-8 ta’ Lulju 2013, ArcelorMittal ippreżentat appell amministrattiv mid-digriet Ministerjali tas-6 ta’ Ġunju 2013, liema appell ġie miċħud b’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2013. Adita b’rikors ta’ din il-kumpannija fir-rigward tad-deċiżjoni msemmija, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) iddeċidiet, b’deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2014, li tressaq quddiem il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali, il-Lussemburgu) talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 13(6) tal-Liġi tal-2004 mal-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni. Fil-fatt, skont il-qorti amministrattiva, restituzzjoni, mingħajr kumpens, tal-kwoti kkontestati tkun tikkorrispondi, minħabba l-effetti tagħha, għal esproprjazzjoni illegali, peress li l-kwoti kkontestati nħarġu u tniżżlu fir-reġistru nazzjonali u peress li, konsegwentement, kienu daħlu fl-assi ta’ ArcelorMittal. Il-qorti kostituzzjonali, min-naħa tagħha, tistaqsi ruħha dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 13(6) tal-Liġi tal-2004 mad-Direttiva 2003/87, sa fejn din id-dispożizzjoni tista’ tmur kontra l-istruttura tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-qorti kostituzzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 13(6) tal-[Liġi tal-2004], li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sa fejn jippermetti lill-Ministru kompetenti jeżiġi r-restituzzjoni mingħajr kumpens totali jew parzjali tal-kwoti maħruġa skont l-Artikolu 12(2) u (4) tal-istess liġi, iżda mhux użati, huwa konformi mad-Direttiva [2003/87], b’mod partikolari mal-istruttura tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti prevista fiha, fejn din id-domanda testendi għal dik tal-eżistenza effettiva, jew anki, fl-affermattiv, tal-klassifikazzjoni tar-restituzzjoni ta’ kwoti maħruġa, iżda mhux użati, kif ukoll għal dik tal-klassifikazzjoni possibbli ta’ tali kwoti bħala beni?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2003/87 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jeżigu r-restituzzjoni, mingħajr kumpens, tal-kwoti ta’ emissjonijiet maħruġa, iżda mhux użati mill-operatur.

21

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-kwoti kkontestati jistgħux jiġu kkwalifikati bħala kwoti ta’ emissjoni, fis-sens tad-Direttiva 2003/87, u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema hija n-natura legali tal-kwoti msemmija.

22

F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tad-domanda magħmula, għandu jitfakkar, qabel kollox, li s-sistema ta’ skambju ta’ kwoti stabbilita mid-Direttiva 2003/87 hija bbażata fuq loġika ekonomika, sabiex tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-imsemmija skema jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex jittrasferixxi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 32).

23

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/87 jimponi l-ħolqien ta’ sistema ta’ reġistri nazzjonali, biex tinżamm “kontabbiltà eżatta” tal-operazzjonijiet magħmula bil-kwoti ta’ emissjoni.

24

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/87 hija bbażata fuq kontabbiltà stretta tal-kwoti maħruġa, miżmuma, ittrasferiti u annullati, li l-qafas tagħha huwa ffissat fl-Artikolu 19 tagħha. Din il-kontabbiltà preċiża hija inerenti għall-għan stess tad-direttiva msemmija, jiġifieri l-istabbiliment ta’ skema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjoni ta’ gassijiet serra, li hija maħsuba sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet fl-atmosfera għal livell li jimpedixxi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima, u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C-203/12, EU:C:2013:664, punt 27).

25

Barra minn hekk, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta’ eżattezza taċ-ċifri u taċ-ċirkustanzi madwar il-kwoti jissodisfa r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jitjieb il-funzjonament tas-suq stabbilit mid-Direttiva 2003/87, billi jiġu evitati d-distorsjonijiet li jirriżultaw minn kull dubju f’dak li jikkonċerna l-validità tal-kwoti. Barra minn hekk, lil hinn mill-interess purament ekonomiku fiż-żamma tal-affidabbiltà tas-suq imsemmi, dan ir-rekwiżit ta’ eżattezza jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex minnu, jiġifieri l-ġlieda kontra t-tniġġis. Il-korrispondenza bejn l-emissjonijiet attwali u dawk awtorizzati permezz tal-kwoti ta’ emissjonijiet tikkostitwixxi, għal din ir-raġuni, prijorità tal-iskema fl-intier tagħha.

26

Għal dan il-għan, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/87 jimponi fuq l-operaturi ta’ installazzjoni li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti kull bidla fl-użu tagħha li tista’ tkun teħtieġ aġġornament fl-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra.

27

Finalment, għandu jiġi enfasizzat li, fid-definizzjoni tal-PNA tagħhom, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C-505/09 P, EU:C:2012:179, punti 51 sa 53). Fl-aħħar tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, PNA jgawdi minn preżunzjoni ta’ legalità, peress li, fl-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, dan jitqies bħala definittiv, fin-nuqqas ta’ osservazzjonijiet mill-Kummissjoni, b’tali mod li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jadottah (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja, C-267/11 P, EU:C:2013:624, punt 46).

28

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Ministru delegat għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Infrastruttura ordna, bid-digriet tiegħu tas-6 ta’ Ġunju 2013, ir-restituzzjoni mingħajr kumpens tal-kwoti kkontestati.

29

Skont il-Gvern Lussemburgiż u l-Kummissjoni, din ir-restituzzjoni kienet intiża biex tirrimedja sitwazzjoni irregolari. Fil-fatt, il-kwoti kkontestati nħarġu lil ArcelorMittal biss minħabba l-fatt li din il-kumpannija kienet naqset milli tinforma lill-awtoritajiet kompetenti, qabel id-data prevista għall-ħruġ tagħhom, bis-sospensjoni, għal perijodu indeterminat, tal-attivitajiet tal-installazzjoni tagħha ta’ Schifflange. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, ArcelorMittal kisret l-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 13(6) tal-Liġi tal-2004. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit previst mill-PNA Lussemburgiż, li jgħid li, f’każ ta’ żmantellament jew għeluq ta’ installazzjoni, il-kwoti ta’ emissjoni ma jistgħux jinħarġu għas-sena sussegwenti, ma ġiex osservat.

30

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 13(6) tal-Liġi tal-2004 jikkostitwixxi traspożizzjoni ta’ dak li jinsab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, ir-rekwiżit stabbilit mill-PNA Lussemburgiż, li jgħid li l-kwoti ta’ emissjoni ma jinħarġux f’każ ta’ għeluq ta’ impjant, jissodisfa l-istess kriterji ta’ kontabbiltà stretta tal-emissjonijiet u ta’ eżattezza taċ-ċifri u taċ-ċirkustanzi madwar il-kwoti, imsemmija fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza.

31

Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, ArcelorMittal effettivament issospendietx l-attivitajiet tal-impjant tagħha ta’ Schifflange mix-xahar ta’ Novembru 2011 u jekk din is-sospensjoni setgħetx tiġi kkwalifikata bħala “waqfien tal-attivitajiet”, fis-sens tal-Artikolu 13(6) tal-Liġi tal-2004.

32

Jekk dan huwa l-każ, id-Direttiva 2003/87 ma tipprekludix li l-awtorità kompetenti tadotta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li tordna r-restituzzjoni, mingħajr kumpens, ta’ kwoti ta’ emissjoni. Fil-fatt, jekk impjant ikun waqqaf l-attivitajiet tiegħu f’data qabel dik tal-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni, dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu, evidentement, jintużaw bil-għan li jingħaddu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ma għadhomx jistgħu jiġu prodotti minnu.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ restituzzjoni tal-kwoti kkontestati jikser ir-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà stretta, ta’ eżattezza u ta’ konkordanza bejn l-emissjonijiet reali u l-emissjonijiet awtorizzati, imfakkra fil-punti 23 sa 25 ta’ din is-sentenza. Hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-restituzzjoni tal-kwoti attribwiti irregolarment tikkostitwixxi każ relattiv għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ funzjonament tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/87, bil-għan li tiġi evitata distorsjoni fis-suq tal-kwoti u li jintlaħaq, indirettament, l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li jfittex dan is-suq.

34

Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument invokat minn ArcelorMittal, li jgħid li s-sempliċi ipoteżi li fiha d-Direttiva 2003/87 tipprevedi r-restituzzjoni tal-kwoti hija dik imsemmija fl-Artikolu 12(3) tagħha.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 jirrigwarda r-restituzzjoni tal-kwoti “egwali għall-emissjonijiet totali minn [impjant] matul is-sena kalendarja ta’ qabel”. B’hekk, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tirrigwarda l-kwoti neċessarji biex jingħaddu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra prodotti minn impjant matul is-sena preċedenti. Issa, fil-każ li jiġi stabbilit li l-impjant ta’ Schifflange kien waqqaf l-attivitajiet tiegħu f’data qabel dik tal-ħruġ tal-kwoti kkontestati, dan l-użu ma setax iseħħ f’dak li jikkonċerna dawn il-kwoti.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 2003/87 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li teżiġi r-restituzzjoni mingħajr kumpens, totali jew parzjali, ta’ kwoti mhux użati li nħarġu indebitament lil operatur, bħala konsegwenza tal-ksur minn dan tal-aħħar tal-obbligu li jinforma fiż-żmien stabbilit lill-awtorità kompetenti bit-terminazzjoni tal-operat ta’ impjant.

37

Din il-konstatazzjoni ma titpoġġiex indiskussjoni mill-argumentazzjoni ta’ ArcelorMittal intiża biex turi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex konformi mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li l-kwoti kkontestati kienu attribwiti indebitament lil ArcelorMittal, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ kontabbiltà preċiża li fuqhom hija bbażata s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/87, ma jkunx jista’ jiġi aċċettat li dawn il-kwoti kienu validament ikkostitwiti bħala kwoti ta’ emissjoni, fis-sens tad-Direttiva 2003/87.

38

Għalhekk ir-restituzzjoni ta’ dawn il-kwoti ma timplikax l-esproprjazzjoni ta’ beni diġà integrat fl-assi tal-operatur, iżda sempliċiment ir-revoka tal-att ta’ allokazzjoni tal-kwoti, minħabba li ma ġewx issodisfatti r-rekwiżiti ffissati mid-Direttiva 2003/87.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni parti tad-domanda preliminari hija li l-kwoti maħruġa wara li operatur ikun waqqaf l-attivitajiet eżerċitati fl-impjant ikkonċernat minn dawn il-kwoti, mingħajr ma jkun informa lill-awtorità kompetenti minn qabel, ma jistgħux jiġu kkwalifikat bħala “kwoti” ta’ emissjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun is-segwenti:

id-Direttiva 2003/87 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li teżiġi r-restituzzjoni mingħajr kumpens, totali jew parzjali, ta’ kwoti mhux użati li nħarġu indebitament lil operatur, b’konsegwenza tal-ksur minn dan tal-aħħar tal-obbligu li jinforma fiż-żmien meħtieġ lill-awtorità kompetenti bil-waqfien tal-operazzjoni ta’ impjant.

il-kwoti maħruġa wara li operatur ikun waqqaf l-attivitajiet eżerċitati fl-impjant ikkonċernat minn dawn il-kwoti, mingħajr ma jkun informa minn qabel lill-awtorità kompetenti, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “kwoti” ta’ emissjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li teżiġi r-restituzzjoni mingħajr kumpens, totali jew parzjali, ta’ kwoti mhux użati li nħarġu indebitament lil operatur, b’konsegwenza tal-ksur minn dan tal-aħħar tal-obbligu li jinforma fiż-żmien meħtieġ lill-awtorità kompetenti bil-waqfien tal-operazzjoni ta’ impjant.

 

Il-kwoti maħruġa wara li operatur ikun waqqaf l-attivitajiet eżerċitati fl-impjant ikkonċernat minn dawn il-kwoti, mingħajr ma jkun informa minn qabel lill-awtorità kompetenti, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “kwoti” ta’ emissjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bir-Regolament Nru 219/2009.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.