SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 5(3) — Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ tħassir jew ta’ dewmien twil ta’ titjira — Portata — Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens — Kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur — Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ — Kunċett ta’ ‘miżuri raġonevoli’ sabiex tiġi evitata ċirkustanza straordinarja jew jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ tali ċirkustanza”

Fil-Kawża C‑315/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Marcela Pešková,

Jiří Peška

vs

Travel Service a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Pešková u J. Peška, minn D. Sekanina, avukat,

għal Travel Service a.s., minn J. Bureš, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Kall, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u P. Ondrusek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Marcela Pešková flimkien ma’ Jiří Peška u Travel Service a.s., trasportatur bl-ajru, fir-rigward tar-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil dawn il-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet ġarrbet dewmien twil.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 1, 7, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(7)

Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetá, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.

[…]

(14)

Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il [darba] […]

3.   Trasportatur tal-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

5

Bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

6

L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal rimedju”, jistabbilixxi:

“F’każijiet fejn trasportatur tal-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skont il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur bl-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mit-trasportatur bl-ajru li jopera skont il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rriżervaw titjira ma’ Travel Service, bi tluq minn Burgas (il-Bulgarija) b’destinazzjoni lejn Ostrava (ir-Repubblika Ċeka).

8

Din it-titjira ġiet operata fl-10 ta’ Awwissu 2013 b’dewmien mal-ħin tal-wasla ta’ ħames sigħat u għoxrin minuta.

9

Din it-titjira kellha l-iskeda ppjanata kif ġej: Praga – Burgas – Brno (ir-Repubblika Ċeka:) – Burgas – Ostrava.

10

Matul it-titjira minn Praga lejn Burgas, ġiet identifikata ħsara teknika f’valvola. It-tneħħija ta’ din kienet tirrikjedi intervent ta’ siegħa u ħamsa u erbgħin minuta.

11

Waqt l-inżul tat-titjira minn Burgas lejn Brno, l-ajruplan, skont Travel Service, ħabat ma’ għasfur, u minħabba f’hekk, dan l-ajruplan kellu jiġi vverifikat iżda ma nstabu l-ebda danni. Madankollu, inġabet persuna teknika ta’ Travel Service permezz ta’ ajruplan privat minn Slaný (ir-Repubblika Ċeka) lejn Brno sabiex dan l-ajruplan ikun jista’ jopera mill-ġdid. Hija saret taf mill-ekwipaġġ ta’ dan li kien diġà twettaq kontroll minn kumpannija oħra iżda li l-proprjetarju tal-ajruplan, Sunwing, irrifjuta li jawtorizza lil din sabiex twettaq dan il-kontroll. Travel Service għal darb’oħra vverifikat il-punt tal-impatt, li ġie preċedentement imnaddaf, mingħajr ma sabet traċċi fuq il-magni jew partijiet oħra tal-ajruplan.

12

L-ajruplan mbagħad tar minn Brno lejn Burgas u sussegwentement minn Burgas lejn Ostrava, it-titjira meħuda mir-rikorrenti.

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2013 quddiem l-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6, ir-Repubblika Ċeka), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu kull wieħed għall-ħlas ta’ ammont ta’ madwar CZK 6825 (krona Ċeka) (madwar EUR 250) skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004. B’deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014 din il-qorti laqgħet it-talba tagħhom għar-raġuni li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, peress li l-għażla tal-proċedura sabiex ajruplan jibda jopera mill-ġdid wara inċident tekniku, bħal kolliżjoni ma’ għasfur, kienet ta Travel Service. F’dan ir-rigward, l-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6, ir-Repubblika Ċeka) żiedet tgħid li Travel Service ma kinitx stabbilixxiet li għamlet minn kollox sabiex tevita d-dewmien tat-titjira, peress li hija qalet biss li “kien neċessarju”, wara l-kolliżjoni tal-ajruplan ma’ għasfur, li tistenna l-wasla tal-persuna teknika awtorizzata.

14

Fit-2 ta’ Lulju 2014 Travel Service appellat din id-deċiżjoni. Il-Městský soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) ċaħdet dan l-appell permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Lulju 2014 peress li dan kien inammissibbli minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tal-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6, ir-Repubblika Ċeka) kienet tirrigwarda żewġ talbiet separati li l-ebda waħda minnhom ma kienet taqbeż l-ammont ta’ CZK 10000 (madwar EUR 365).

15

Fit-18 ta’ Awwissu 2014 Travel Service ppreżentat quddiem l-Ústavní soud (qorti kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) rikors kostituzzjonali kontra d-deċiżjoni tal-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6) tat-22 ta’ Mejju 2014. Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2014, l-Ústavní soud (qorti kostituzzjonali) laqgħet dan ir-rikors u annullat id-deċiżjoni tal-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6) peress li din kienet kisret id-dritt fundamentali ta’ Travel Service għal smigħ xieraq u d-dritt fundamentali għal qorti sa fejn, bħala qorti tal-aħħar istanza, kienet meħtieġa li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE peress li t-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur, flimkien ma’ avvenimenti oħra ta’ natura teknika, kellhiex tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, ma kinitx tirriżulta b’mod ċar la minn dan ir-regolament u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16

Il-kawża ġiet mibgħuta lura quddiem l-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6). Din il-qorti għandha dubji dwar jekk, minn naħa, il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur taqax taħt il-kunċett ta’ “avveniment”, fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771), jew taħt “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretat mis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43), jew jekk dawn iż-żewġ kunċetti jingħaqdux flimkien. Hija għalhekk tistaqsi dwar in-natura inerenti tal-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasport bl-ajru ma’ avvenimenti bħal dawn, minħabba, minn naħa, il-frekwenza ta’ dawn u, min-naħa l-oħra, il-fatt li t-trasportatur ma jistax jipprevedi jew jikkontrolla dawn, peress li dan il-kontroll jiġi effettwat mit-tmexxija tal-ajruporti. Hija tistaqsi wkoll jekk in-nuqqasijiet tekniċi sussegwenti għal tali kolliżjoni kif ukoll il-miżuri amministrattivi u tekniċi meħuda b’riżultat ta’ dan għandhomx ukoll jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi straordinarji u sa liema punt dawn jistgħu jiġu meqjusa neċessarji. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi dwar il-metodi ta’ evalwazzjoni ta’ dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar li, bħal fil-kawża prinċipali, iseħħu minħabba numru ta’ kwistjonijiet, jiġifieri t-tiswija ta’ ħsara teknika u sussegwentement il-proċeduri ta’ kontroll li għandhom jitwettqu wara kolliżjoni ma’ għasfur.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur tikkostitwixxi avveniment fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 [Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771)] jew tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-premessa 14 tal-preambolu tar-Regolament (KE) Nru 261/2004[…], jew [tali kolliżjoni] ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kunċetti ċċitati iktar ’il fuq?

2)

Jekk il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur hija ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-premessa 14 tar-Regolament [Nru 261/2004], it-trasportatur bl-ajru jista’ jikkunsidra bħala miżuri raġonevoli maħsuba sabiex tiġi evitata tali kolliżjoni, il-mekkaniżmi ta’ kontroll fuq bażi preventiva implementati, b’mod partikolari madwar l-ajruporti (bħal pereżempju, deterrenti tal-għasafar bil-ħsejjes, kooperazzjoni mal-ornitologi, l-eliminazzjoni ta’ spazji li fihom tipikament jinġabru jew itiru l-għasafar, deterrenti tal-għasafar bid-dawl, eċċ)? X’jikkostitwixxi f’dan il-każ avveniment fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza [tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771)]?

3)

Jekk il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur tikkostitwixxi avveniment fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza [tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771)], din tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala avveniment fis-sens tal-premessa 14 tar-[Regolament Nru 261/2004] u jista’, f’tali każ, jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-premessa 14 tar-[Regolament Nru 261/2004], l-assjem ta’ miżuri tekniċi u amministrattivi li t-trasportatur bl-ajru għandu jadotta wara l-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur li ma tkunx madankollu għamlet ħsara lill-ajruplan?

4)

Jekk il-miżuri tekniċi u amministrattivi kollha adottati wara l-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur li ma tkunx madankollu għamlet ħsara lill-ajruplan jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-premessa 14 tar-[Regolament Nru 261/2004], it-trasportatur bl-ajru jista’ jkun rikjest li jieħu inkunsiderazzjoni, anki waqt l-ippjanar tat-titjiriet, ir-riskju li jkun neċessarju li jeżegwixxi dawn il-miżuri tekniċi u amministrattivi wara l-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur u li huwa jeħodhom inkunsiderazzjoni fil-ħinijiet tat-titjira fil-kuntest ta’ miżuri raġonevoli?

5)

Kif għandu jiġi evalwat l-obbligu tat-trasportatur ta’ kumpens għad-danni fis-sens tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] fil-każ fejn id-dewmien jiġi kkawżat mhux biss mill-miżuri amministrattivi u tekniċi adottati wara l-kolliżjoni tal-ajruplan ma’ għasfur li ma tkunx għamlet ħsara lill-ajruplan, iżda wkoll, f’parti kbira tagħha, mit-tiswija ta’ ħsara teknika li ma hijiex marbuta mal-kolliżjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-ajruplan ma’ għasfur?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

19

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’każ ta’ tħassir ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, jiġifieri ta’ tul ta’ tliet sigħat jew iktar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 40).

20

Skont il-premessi 14 u 15 kif ukoll l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, it-trasportatur bl-ajru huwa għalhekk eżentat mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk dan ikun jista’ jipprova li t-tħassir jew id-dewmien tat-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla jkun dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 69, u tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 38).

21

F’dan ir-rigward, skont il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira ikkonċernata, ta’ riskji tas-sigurtà, ta’ nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u ta’ strajkijiet li jaffettwaw l-operazzjonijiet ta’ trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira (ara, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 21).

22

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-avvenimenti li, minn natura tagħhom jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li jaħarbu mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23, tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 29, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 36).

23

Bil-kontra, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tikkostitwixxix ċirkustanza straordinarja l-ħsara qabel il-waqt ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan, peress li tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan. Fil-fatt, dan l-avveniment mhux mistenni, ma jaħrabx mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru, peress li huwa għandu jiżgura ż-żamma u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplani li huwa juża għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 4143).

24

F’dan il-każ, kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur, kif ukoll il-ħsara possibbli kkawżata minn din il-kolliżjoni, jekk ma humiex marbuta intrinsikament mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan, ma humiex, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu. Għaldaqstant, din il-kolliżjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

25

F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti jekk din il-kolliżjoni attwalment ikkawżatx danni lill-ajruplan ikkonċernat. Fil-fatt, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri bl-ajru, imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 hekk kif huwa speċifikat fil-premessa 1 ta’ dan, jimplika li t-trasportaturi bl-ajru ma għandhomx jiġu inkoraġġuti joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minn tali inċident sabiex iwettqu t-titjiriet tagħhom u sabiex ikunu fil-ħin b’detriment għall-għan tas-sigurtà ta’ dawn it-titjiriet.

26

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

Osservazzjonijiet preliminari

27

Hekk kif imfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, it-trasportatur bl-ajru huwa eżentat mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu lill-passiġġieri skont l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk dan ikun jista’ jipprova li t-tħassir jew id-dewmien tat-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla jkun dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

28

Peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha jistgħu jeżentaw dan l-obbligu, huwa t-trasportatur bl-ajru li jrid jinvokahom li għandu jistabbilixxi li dawn ma setgħux, f’kull każ, jiġu evitati b’miżuri adegwati fis-sitwazzjoni, jiġifieri minn miżuri li, fil-mument meta jseħħu dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, jissodisfaw b’mod partikolari lill-kundizzjonijiet li teknikament u ekonomikament jistgħu jiġu ttrattati mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat (ara, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks, C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għalhekk, dan għandu jistabbilixxi li, anki li kieku kellu juża l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, evidentement xorta ma kienx jista’ mingħajr ma jbati minn sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument ikkonċernat, jevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li kien qed jaffaċċja jwasslu għat-tħassir jew għal dewmien ta’ din it-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 61, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks, C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 25).

30

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet tifsira flessibbli u individwalizzata tal-kunċett ta’ “miżura raġonevoli”, u ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali l-kompitu li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, it-trasportatur bl-ajru setax jitqies bħala li ħa l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks, C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 30).

31

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata r-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar il-miżuri li trasportatur bl-ajru għandu jimplementa sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, meta jkun hemm kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur li tikkawża dewmien ta’ titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla.

Fuq it-tielet domanda

32

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata immedjatament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tħassir jew d-dewmien twil ta’ titjira huwiex dovut għal ċirkustanzi straordinarji, meta dan it-tħassir jew dan id-dewmien jirriżulta mill-użu minn trasportatur bl-ajru ta’ espert magħżul minnu sabiex jaffettwa mill-ġdid il-kontrolli ta’ sigurtà meħtieġa minn kolliżjoni ma’ għasfur, wara li dawn ikunu diġà twettqu minn espert li huwa awtorizzat jagħmel dawn taħt ir-regolamenti applikabbli.

33

Mid-domanda preliminari jirriżulta li, wara kolliżjoni ma’ għasfur, l-ajruplan ikkonċernat, li jintuża minn Travel Service, kien, wara l-inżul, is-suġġett ta’ kontroll ta’ sigurtà minn kumpannija awtorizzata mingħajr ma nstabu l-ebda danni lill-ajruplan. Travel Service madankollu bagħtet persuna teknika fuq il-post sabiex twettaq it-tieni kontroll ta’ sigurtà, peress li l-proprjetarju tal-ajruplan kien irrifjuta li jirrikonoxxi l-awtorizzazzjoni tal-kumpannija li għamlet il-kontroll inizjali.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa t-trasportatur bl-ajru, li meta ffaċċjat b’ċirkustanza straordinarja, bħall-kolliżjoni tal-ajruplan tiegħu ma’ għasfur, għandu jadotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni billi jimplementa l-mezzi kollha disponibbli f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jevita, sa fejn huwa possibbli, it-tħassir jew id-dewmien twil tat-titjiriet tiegħu.

35

Għalhekk, minkejja li r-Regolament Nru 261/2004 ma jaffettwax il-libertà tat-trasportaturi bl-ajru milli jagħmlu użu minn esperti tal-għażla tagħhom sabiex iwettqu l-kontrolli meħtieġa wara kolliżjoni ma’ għasfur, xorta jibqa’ l-fatt li, meta wara tali kolliżjoni diġà jkun twettaq kontroll minn espert awtorizzat għal dan il-għan skont ir-regolamenti applikabbli, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk dan it-tieni kontroll li neċessarjament iwassal għal dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla tat-titjira kkonċernata għandux jiġi kkunsidrat bħala miżura xierqa għas-sitwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

36

Barra minn hekk u sa fejn jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-proprjetarju tal-ajruplan kien irrifjuta li jirrikonoxxi l-awtorizzazzjoni tal-kumpannija lokali li wettqet il-kontroll tal-ajruplan ikkonċernat, għandu jiġi mfakkar li l-obbligi imposti mir-Regolament Nru 261/2004 fuq it-trasportaturi bl-ajru huma bla ħsara għall-fatt li dawn tal-aħħar jitolbu kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, hekk kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Tali kumpens jista’ għalhekk inaqqas, jew saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja sostnuta minn dawn it-trasportaturi bħala riżultat ta’ dawn l-obbligi (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tħassir jew d-dewmien twil ta’ titjira ma huwiex dovut għal ċirkustanzi straordinarji, meta dan it-tħassir jew dan id-dewmien jirriżulta mill-użu minn trasportatur bl-ajru ta’ espert magħżul minnu sabiex jaffettwa mill-ġdid il-kontrolli ta’ sigurtà meħtieġa minn kolliżjoni ma’ għasfur, wara li dawn ikunu diġà twettqu minn espert li huwa awtorizzat jagħmel dawn taħt ir-regolamenti applikabbli.

Fuq it-tieni domanda

38

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“miżuri raġonevoli” li trasportatur bl-ajru għandu jimplementa sabiex inaqqas u jevita r-riskji ta’ kolliżjoni ma’ għasfur u għalhekk sabiex jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jinkludux l-użu ta’ miżuri ta’ kontroll fuq bażi preventiva tal-eżistenza ta’ dawn l-għasafar.

39

Il-qorti tar-rinviju tiċċita bħala eżempju deterrenti tal-għasafar bil-ħsejjes jew bid-dawl, il-kollaborazzjoni mal-ornitoloġiċi jew ukoll l-eliminazzjoni ta’ spazji fejn l-għasafar x’aktarx jinġabru jew itiru. Għaldaqstant, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew imsemmija mezzi tekniċi oħra li jistgħu jiġu mgħobbija fuq l-ajruplani.

40

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rriżulta li l-kontroll fuq bażi preventiva tal-għasafar seta’ jitħalla f’idejn operaturi differenti tat-trasport bl-ajru, li huma, b’mod partikolari, it-trasportaturi bl-ajru, it-tmexxija tal-ajruporti jew ukoll il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru tal-Istati Membri.

41

Huwa f’dan il-kuntest li għandha tingħata r-risposta għat-tieni domanda.

42

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-premessa 7, il-miżuri raġonevoli sabiex jiġi evitat id-dewmien twil u t-tħassir ta’ titjiriet għandhom jittieħdu mit-trasportatur bl-ajru nnifsu.

43

Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk trasportatur bl-ajru fil-fatt adottax il-miżuri preventivi neċessarji sabiex jitnaqqsu u anki jiġu evitati r-riskji eventwali ta’ kolliżjoni ma’ għasafar li jippermettulu li jevita l-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri li jistgħu effettivament jiġu attribwiti lilu, minbarra dawk li huma kompetenza ta’ terzi, bħal, b’mod partikolari, it-tmexxija tal-ajruporti u l-kontrolluri tat-traffiku kompetenti.

44

Għalhekk, fil-kuntest tal-eżami individwalizzat li għandha twettaq konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali għandha, l-ewwel nett, tevalwa jekk, b’mod partikolari fuq il-livell tekniku u l-livell amministrattiv, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat kienx, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, effettivament fil-pożizzjoni li, b’mod dirett jew indirett, jieħu miżuri preventivi sabiex jitnaqqas u anki jevita r-riskju ta’ kolliżjoni ma’ għasafar.

45

Fin-nuqqas ta’ dan, it-trasportatur bl-ajru ma jkunx meħtieġ li jikkumpensa lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

46

Fil-każ li tali miżuri jistgħu effettivament jittieħdu mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat, huwa imbagħad għall-qorti nazzjonali, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li tiżgura li l-miżuri kkonċernati ma jimponux fuq dan li jagħti lok għal sagrifiċċji mhux tollerabbli fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu.

47

Fl-aħħar nett, jekk tali miżuri jistgħu jiġu adottati mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat mingħajr ma jagħtu lok għal sagrifiċċju mhux tollerabbli f’termini ta’ kapaċità tal-impriża tiegħu, huwa għandu juri li dawn il-miżuri kienu effettivament ittieħdu fir-rigward tat-titjira effettwata mill-kolliżjoni ma’ għasfur.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“miżuri raġonevoli” li trasportatur bl-ajru għandu jimplementa sabiex inaqqas u jevita r-riskji ta’ kolliżjoni ma’ għasfur u għalhekk sabiex jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jinkludu l-użu ta’ miżuri ta’ kontroll fuq bażi preventiva tal-eżistenza ta’ dawn l-għasafar, bil-kundizzjoni li, b’mod partikolari fuq il-livell tekniku u l-livell amministrattiv, tali miżuri jistgħu effettivament jiġu adottati minn dan it-trasportatur bl-ajru, li dawn il-miżuri ma jagħtux lok għal sagrifiċċji mhux tollerabbli fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu u li dan it-trasportatur ikun wera li dawn il-miżuri kienu effettivament ittieħdu fir-rigward tat-titjira kkonċernata mill-kolliżjoni ma’ għasfur, kundizzjonijiet li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li huma ssodisfatti.

Fuq il-ħames domanda

49

Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha issa tiġi eżaminata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla li sseħħ mhux biss f’ċirkustanza straordinarja, li ma setgħatx tiġi evitata permezz ta’ miżuri xierqa għas-sitwazzjoni u li kienet is-suġġett, min-naħa tat-trasportatur bl-ajru, tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dan, iżda wkoll f’ċirkustanza oħra li ma taqax taħt din il-kategorija, id-dewmien ikkawżat minn din l-ewwel ċirkustanza għandu jiġi mnaqqas mill-ħin ta’ dewmien totali mill-wasla tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk id-dewmien mill-wasla ta’ din it-titjira kellux ikun is-suġġett ta’ kumpens previst taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

50

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla li sseħħ mhux biss f’ċirkustanza straordinarja iżda wkoll f’ċirkustanza oħra li ma taqax taħt din il-kategorija, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fir-rigward tal-parti tad-dewmien li fir-rigward tiegħu t-trasportatur bl-ajru jallega li jkun dovut għal ċirkustanza straordinarja, ġietx prodotta l-prova, minn dan tal-aħħar, li din il-parti tad-dewmien kienet dovuta għal ċirkustanza straordinarja, li ma setgħatx tiġi evitata anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u li kienet is-suġġett, min-naħa ta’ dan it-trasportatur, tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dan. Fl-affermattiv, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi tnaqqas mill-ħin totali tad-dewmien mill-wasla ta’ din it-titjira d-dewmien ikkawżat minn din iċ-ċirkustanza straordinarja.

51

Sabiex jiġi evalwat, f’sitwazzjoni bħal din, jekk id-dewmien mill-wasla ta’ din it-titjira għandux ikun is-suġġett tal-kumpens previst skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss id-dewmien ikkawżat minn din iċ-ċirkustanza li ma jkunx ta’ natura straordinarja, li jista’ biss ikun suġġett għal kumpens jekk ikun ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla tat-titjira kkonċernata.

52

Madankollu, jekk jidher li, fir-rigward tal-parti tad-dewmien allegat mit-trasportatur bl-ajru li huwa kkawżat minn ċirkustanza straordinarja, dan id-dewmien seħħ f’ċirkustanza straordinarja li ma kienx is-suġġett ta’ miżuri konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, it-trasportatur bl-ajru ma jistax jinvoka tali ċirkustanza u għalhekk inaqqas mill-ħin totali tad-dewmien mill-wasla tat-titjira kkonċernata d-dewmien ikkawżat minn din iċ-ċirkustanza straordinarja.

53

Għalhekk, sabiex tevalwa jekk ikunx hemm il-bżonn li jiġi applikat l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 f’sitwazzjoni bħal din, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dewmien minħabba ċ-ċirkustanza li ma hijiex ta’ natura straordinarja, iżda wkoll dak id-dewmien minħabba ċirkustanza straordinarja li ma kienx is-suġġett ta’ miżuri konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla li sseħħ mhux biss f’ċirkustanza straordinarja, li ma setgħatx tiġi evitata permezz ta’ miżuri xierqa għas-sitwazzjoni u li kienet is-suġġett, min-naħa tat-trasportatur bl-ajru, tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dan, iżda wkoll f’ċirkustanza oħra li ma taqax taħt din il-kategorija, id-dewmien ikkawżat minn din l-ewwel ċirkustanza għandu jiġi mnaqqas mill-ħin ta’ dewmien totali mill-wasla tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk id-dewmien mill-wasla ta’ din it-titjira kellux ikun is-suġġett ta’ kumpens previst taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

Fuq ir-raba ’ domanda

55

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li trasportatur bl-ajru, li l-ajruplan tiegħu kien involut f’kolliżjoni ma’ għasfur, għandux, skont il-miżuri raġonevoli li għandu jimplementa, jipprevedi, sa mill-istadju tal-ippjanar tat-titjiriet tiegħu, riżerva ta’ żmien suffiċjenti sabiex jitwettqu l-kontrolli ta’ sigurtà mitluba.

56

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżulta bl-ebda mod mid-deskrizzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali mwettqa mill-qorti tar-rinviju li d-dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla tat-titjira inkwistjoni jista’ joriġina minħabba li t-trasportatur bl-ajru ikkonċernat ma kienx ippreveda għal riżerva ta’ żmien suffiċjenti sabiex jitwettqu l-kontrolli ta’ sigurtà mitluba.

57

Issa, huwa ġurisprudenza stabbilita li fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali li tiddefinixxi l-iskop tad-domandi li trid tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda, b’mod partikolari meta l-problema li tkun lilha ppreżentata tkun ta’ natura purament ipotetika jew meta ma jkollhiex il-fatti neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domanda magħmula lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Dan huwa dak li ġara f’dan il-każ.

59

Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tħassir jew d-dewmien twil ta’ titjira ma huwiex dovut għal ċirkustanzi straordinarji, meta dan it-tħassir jew dan id-dewmien jirriżulta mill-użu minn trasportatur bl-ajru ta’ espert magħżul minnu sabiex jaffettwa mill-ġdid il-kontrolli ta’ sigurtà meħtieġa minn kolliżjoni ma’ għasfur, wara li dawn ikunu diġà twettqu minn espert li huwa awtorizzat jagħmel dawn taħt ir-regolamenti applikabbli.

 

3)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“miżuri raġonevoli” li trasportatur bl-ajru għandu jimplementa sabiex inaqqas u jevita r-riskji ta’ kolliżjoni ma’ għasfur u għalhekk sabiex jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jinkludu l-użu ta’ miżuri ta’ kontroll fuq bażi preventiva tal-eżistenza ta’ dawn l-għasafar, bil-kundizzjoni li, b’mod partikolari fuq il-livell tekniku u l-livell amministrattiv, tali miżuri jistgħu effettivament jiġu adottati minn dan it-trasportatur bl-ajru, li dawn il-miżuri ma jagħtux lok għal sagrifiċċji mhux tollerabbli fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu u li dan it-trasportatur ikun wera li dawn il-miżuri kienu effettivament ittieħdu fir-rigward tat-titjira kkonċernata mill-kolliżjoni ma’ għasfur, kundizzjonijiet li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li huma ssodisfatti.

 

4)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla li sseħħ mhux biss f’ċirkustanza straordinarja, li ma setgħatx tiġi evitata permezz ta’ miżuri xierqa għas-sitwazzjoni u li kienet is-suġġett, min-naħa tat-trasportatur bl-ajru, tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dan, iżda wkoll f’ċirkustanza oħra li ma taqax taħt din il-kategorija, id-dewmien ikkawżat minn din l-ewwel ċirkustanza għandu jiġi mnaqqas mill-ħin ta’ dewmien totali mill-wasla tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk id-dewmien mill-wasla ta’ din it-titjira kellux ikun is-suġġett ta’ kumpens previst taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.