Kawżi magħquda C‑313/15 u C‑530/15

Eco-Emballages SA

vs

Sphère Franza SAS et

u

Melitta France SAS et

vs

Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l’Énergie

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de commerce de Paris u mill-Conseil d’État (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 94/62/KE – Artikolu 3 – Imballaġġ u skart mill-imballaġġ – Kunċett – Rollijiet, tubi jew ċilindri li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli (“Mandrini”) – Direttiva 2013/2/UE – Validità – Modifika mill-Kummissjoni Ewropea tal-lista ta’ eżempji ta’ imballaġġ li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 94/62/KE – Ksur tal-kunċett ta’ ‘imballaġġ’ – Ksur tas-setgħat ta’ implementazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016

  1. Ambjent–Imballaġġ u skart mill-imballaġġ–Direttiva 94/62–Imballaaġġ–Kunċett–Interpretazzjoni wiesgħa

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62, kif emendata bid-Direttiva 2004/12, il-ħames premessa u Artikoli 1, 2(1) u 3(1))

  2. Ambjent–Imballaġġ u skart mill-imballaġġ–Direttiva 94/62–Imballaaġġ–Kunċett–Mandrini fil-forom ta’ roll, ta’ tubu jew ta’ ċilindru–Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62, kif emendata bid-Direttiva 2004/12, Artikolu 3(1) u Anness I)

  1.  Il‑kunċett ta’ imballaġġ, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, kif emendata bid-Direttiva 2004/12, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’.

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 94/62 b’mod partikolari għandha bħala għan li tipprevjeni u li tnaqqas l-effett tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ fl-ambjent tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi u għalhekk sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, billi timponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru tal-imballaġġ kif ukoll tal-iskart mill-imballaġġ. Għal dan il-għan, hekk kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha u skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 94/62 tkopri l-imballaġġ kollu mqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea u l-iskart mill-imballaġġ kollu.

    (ara l-punti 23, 24)

  2.  L‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, kif emendata bid-Direttiva 2004/12, għandu jiġi interpretat fis-sens li mandrini fil-forma ta’ roll, ta’ tubu jew ta’ ċilindru, li jitkebbu magħhom prodotti flessibbli, mibjugħin lill-konsumaturi, jikkostitwixxu “imballaġġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, tali mandrini jissodisfaw kemm funzjonijiet ta’ sostenn u ta’ rukkell ta’ dawn il-prodotti flessibbli u għalhekk funzjonijiet ta’ protezzjoni kif ukoll ta’ preżentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62.

    F’dan ir-rigward, mandrin jiżgura lill-prodott flessibbli li jitkebbeb miegħu protezzjoni interna, li toffrilu konsistenza li tippermetti l-preżentazzjoni tiegħu filwaqt li tiffaċilita t-trasport u l-użu tiegħu. Minbarra dan, il-mandrin huwa artikolu “li ma huwiex maħsub sabiex jerġa’ jinġabar” fis-sens ta’ din it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), ladarba prodott flessibbli imkebbeb miegħu jiġi eżawrit.

    Barra minn hekk, sa fejn il-mandrin huwa kkonċepit b’mod li mal-prodott flessibbli imkebbeb miegħu jikkostitwixxi unità għall-konsumatur fil-punt ta’ bejgħ, huwa jikkorrispondi mad-definizzjoni tal-imballaġġ primarju prevista fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62.

    It-tieni nett, tali mandrini ma jissodisfawx il-kriterji tad-definizzjoni negattiva stabbiliti fil-punt (i) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62. Fil-fatt, kuntrarjament għall-boroż tat-te jew il-kapsula ta’ doża ta’ kafè, iċċitati fl-Anness I tad-Direttiva 94/62 bħala eżempji ta’ artikoli li ma jikkostitwixxux imballaġġ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-mandrin ma jagħmilx parti integrali mill-prodott flessibbli li għalih iservi bħala sostenn u bħala rukkell u ma huwiex iddestinat sabiex jiġi kkonsmat jew eliminat miegħu, iżda bil-kontra jibqa’ jeżisti u għandu jintrema ladarba dan il-prodott jiġi eżawrit.

    (ara l-punti 32-35, 37 u d-dispożittiv)