SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali u industrijali — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Artikoli 2 u 3 — Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku — Portata — Kotba ‘li ma humiex disponibbli’ li ma humiex jew li ma humiex iktar ippubblikati — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tafda lil soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sfruttament diġitali, għal finijiet kummerċjali, tal-kotba li ma humiex disponibbli — Preżunzjoni legali ta’ kunsens tal-awturi — Assenza ta’ mekkaniżmu li jiggarantixxi l-informazzjoni effettiva u individwalizzata tal-awturi”

Fil-Kawża C‑301/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Marc Soulier,

Sara Doke

vs

Premier ministre,

Ministre de la Culture et de la Communication,

fil-preżenza ta’:

Société française des intérêts des auteurs de l’écrit (SOFIA),

Joëlle Wintrebert et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Soulier u S. Doke, minn F. Macrez, avukat,

għas-Société française des intérêts des auteurs de l’écrit (SOFIA), minn C. Caron u C. Fouquet, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek kif ukoll minn S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann kif ukoll minn D. Kuon, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Drwięcki u M. Nowak, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u J. Samnadda kif ukoll minn T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa, Marc Soulier u Sara Doke, u, min-naħa l-oħra, il-Premier ministre (prim ministru) u l-Ministre de la Culture et de la Communication (ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni) dwar il-legalità tad-Digriet Nru 2013‑182, tas-27 ta’ Frar 2013, li japplika l-Artikoli L.134‑1 sa L.134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali u dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Décret no 2013‑182, du 27 février 2013, portant application des articles L.134-1 à L.134-9 du code de la propriété intellectuelle et relatif à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle) (JORF tal-1 ta’ Marzu 2013, p. 3835).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Berne

3

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”) jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafi (1) u (6):

“1.   It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artisitiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni bħal: il-kotba, […].

[…]

6.   Ix-xogħlijiet imsemmija iktar ’il fuq igawdu mill-protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Din il-protezzjoni hija eżerċitata favur l-awtur u l-aventi kawża tiegħu.”

4

Skont l-Artikolu 3(1) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berne:

“1.   Huma protetti bis-saħħa ta’ din il-[k]onvenzjoni:

a)

l-awturi ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni, fir-rigward tax-xogħlijiet tagħhom, kemm jekk ippubblikati kif ukoll jew le;

[…]

3.   It-terminu ‘xogħlijiet ippubblikati’, ifisser ix-xogħlijiet ippubblikati bil-kunsens tal-awturi tagħhom, indipendentement mill-mod ta’ manufattura tal-kopji, sakemm it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar kien tali li jissodisfa l-bżonnijiet raġonevoli tal-pubbliku, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tax-xogħol. […]”

5

L-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   L-awturi jgawdu, fir-rigward tax-xogħlijiet li għalihom huma protetti bis-saħħa ta’ din il-[k]onvenzjoni, fil-pajjiżi tal-Unjoni għajr il-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, mid-drittijiet li l-liġijiet rispettivi jagħtu attwalment jew jistgħu jagħtu sussegwentement liċ-ċittadini, kif ukoll mid-drittijiet speċjalment mogħtija minn din il-[k]onvenzjoni.

2.   It-tgawdija u l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ma huma suġġetti għal ebda formalità; din it-tgawdija u dan l-eżerċizzju huma indipendenti mill-eżistenza tal-protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol. Għaldaqstant, minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni, il-portata tal-protezzjoni kif ukoll ir-rimedji ggarantiti lill-awtur sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu huma esklużivament irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih qegħda tintalab il-protezzjoni.”

6

L-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti minn din il-[k]onvenzjoni jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, indipendentement mill-mod jew mill-forma.”

7

L-Artikolu 11a tal-istess konvenzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw:

[…]

2.

kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni issir minn korp ieħor għajr dak ta’ oriġini;

[…]”

It-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur

8

Fl‑20 ta’ Diċembru 1996 l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève t-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur”), li kien ġie approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

9

Skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, bit-titolu “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Berne”:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu l-Artikoli 1 sa 21 u l-Appendiċi tal-Konvenzjoni ta’ Berne.”

Id-dritt tal-Unjoni

10

Il-premessi 9, 15 u 32 tad-Direttiva 2001/29 jindikaw:

“(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[…]

(15)

Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-‘Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO’ u t-‘Trattat dwar l-Artisti u l-Fonogrammi WIPO[’], li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. Dawn it-Trattati jaġġornaw il-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati b’mod sinifikanti, mhux l-anqas rigward l-hekk imsejħa ‘aġenda diġitali’ u jtejbu l-mezzi biex jiġġieldu l-piraterija madwar id-dinja. [L-Unjoni Ewropea] u l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri diġà ffirmaw it-Trattati u għaddej il-proċess biex jagħmlu arranġamenti għar-ratifika tat-Trattati mill-[Unjoni] u l-Istati Membri. Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.

[…]

(32)

Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.”

11

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, bit-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

12

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

13

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-każijiet li dan jelenka, eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet differenti għad-dritt ta’ riproduzzjoni u għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-istess direttiva,.

Id-dritt Franċiż

14

Il-Liġi Nru 2012‑287, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Loi no 2012‑287, du 1 er mars 2012, relative à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle, JORF Nru 53, tat-2 Marzu 2012, p. 3986), ikkompletat it-Titolu III tal-Ktieb I tal-ewwel parti tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), iddedikat għall-“Isfruttament tad-drittijiet” marbuta mad-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ Kapitolu IV intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli” u li jikkonsisti mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 ta’ dan il-kodiċi. Uħud minn dawn l-artikoli iktar tard kienu ġew emendati jew imħassra, bil-Liġi Nru 2015‑195, tal-20 ta’ Frar 2015, li tinkludi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-proprjetà letterarja u artistika u tal-patrimonju kulturali (Loi no2015‑195, du 20 février 2015, portant diverses dispositions d’adaptation au droit de l’Union européenne dans les domaines de la propriété littéraire et artistique et du patrimoine culturel, JORF Nru 45, tat-22 ta’ Frar 2015, p. 3294).

15

L-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), kif jirriżultaw minn dawn iż-żewġ liġijiet, huma fformulati kif ġej:

“Artikolu L. 134‑1

Ktieb li ma huwiex disponibbli fis-sens ta’ dan il-kapitolu jfisser ktieb ippubblikat fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 li ma għadux qed jiġi mxerred kummerċjalment minn pubblikatur u li attwalment ma huwiex qed jiġi ppubblikat fil-forma stampata jew diġitali.

Artikolu L. 134‑2

Għandha tinħoloq database pubblika, imqiegħda għad-dispożizzjoni online b’aċċess liberu u mingħajr ħlas minn servizz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li telenka l-kotba li ma humiex disponibbli. Il-librerija nazzjonali ta’ Franza (Bibliothèque nationale de France) għandha tissorvelja l-ħolqien tagħha, l-aġġornament tagħha u r-reġistrazzjoni tan-noti previsti fl-Artikoli L. 134‑4, L. 134‑5 u L. 134‑6.

[…]

Artikolu L. 134‑3

I. Meta ktieb jiġi rreġistrat fid-database msemmija fl-Artikolu L. 134‑2 għal iktar minn sitt xhur, id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni tiegħu u r-rappreżentazzjoni tiegħu fil-forma diġitali huwa eżerċitat minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet irregolata mit-Titolu II tal-Ktieb III ta’ din il-parti, awtorizzata għal dan l-għan mill-ministru responsabbli għall-kultura.

Ħlief fil-każ previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑5, ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati, bi ħlas ta’ remunerazzjoni, b’mod mhux esklużiv u għal żmien limitat ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded.

II. Is-soċjetajiet awtorizzati għandhom locus standi in judicio sabiex jiddefendu d-drittijiet li huma responsabbli għalihom.

III. L-awtorizzazzjoni prevista fil-punt I għandha tingħata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni:

[…]

ir-rappreżentazzjoni ugwali tal-awturi u tal-pubblikaturi fost is-soċji u fi ħdan il-korpi diriġenti;

[…]

in-natura ġusta tar-regoli ta’ tqassim tas-somom miġbura bejn l-aventi kawża, irrispettivament minn jekk humiex parti għall-kuntratt tal-pubblikazzjoni. L-ammont tas-somom miġbura mill-awtur jew mill-awturi tal-ktieb ma jistax ikun iżgħar mill-ammont tas-somom miġbura mill-pubblikatur;

il-mezzi probatorji li s-soċjetà tipproponi li timplementa sabiex tidentifika u ssib id-detenturi tad-drittijiet sabiex tqassam is-somom miġbura;

[…]

Artikolu L. 134‑4

I. L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jew il-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ dan il-ktieb jista’ jopponi għall-eżerċizzju, minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata, tad-dritt ta’ awtorizzazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3. Din l-oppożizzjoni għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-korp imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑2 sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara r-reġistrazzjoni tal-ktieb ikkonċernat fid-database msemmija fl-istess subparagrafu.

[…]

Artikolu L. 134‑5

Fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni nnotifikata mill-awtur jew mill-pubblikatur fl-iskadenza tat-terminu previst fil-punt I tal-Artikolu L. 134‑4, is-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet għandha tipproponi awtorizzazzjoni ta’ riproduzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli lill-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ dan il-ktieb fil-forma stampata.

[…]

L-awtorizzazzjoni ta’ sfruttament imsemmija fl-ewwel subparagrafu tingħata mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet b’mod esklużiv għal żmien ta’ għaxar snin li jista’ jiġġedded b’mod taċitu.

[…]

Jekk ma tiġix aċċettata l-proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu […], ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3.

[…]

Artikolu L. 134‑6

L-awtur u l-pubblikatur li għandhom id-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt fi kwalunkwe ħin lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3 bid-deċiżjoni tagħhom li jirtirawlha id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-imsemmi ktieb fil-forma diġitali.

L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jirtira lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-istess Artikolu L. 134‑3 id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali jekk huwa jipproduċi l-prova li huwa l-uniku detentur tad-drittijiet iddefiniti fl-imsemmi Artikolu L. 134‑3. Huwa għandu jinnotifikaha b’din id-deċiżjoni.

[…]

Artikolu L. 134‑7

Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ aċċess għad-database prevista fl-Artikolu L. 134‑2, in-natura kif ukoll il-format tad-data miġbura u l-iktar miżuri ta’ reklamar xierqa sabiex tiġi ggarantita l-aħjar informazzjoni possibbli lill-aventi kawża, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3, huma ppreċiżati b’digriet mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat).

Artikolu L. 134‑9

B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel tliet subparagrafi tal-Artikolu L. 321‑9, is-soċjetajiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu L. 134‑3 għandhom jużaw għal skopijiet ta’ għajnuna għall-ħolqien, għal skopijiet ta’ taħriġ tal-awturi tal-kitba u għal skopijiet ta’ promozzjoni tal-qari pubbliku implementati mil-libreriji, is-somom miġbura matul l-isfruttament tal-kotba li ma humiex disponibbli u li ma setgħux jitqassmu minħabba li d-destinatarji tagħhom ma setgħux jiġu identifikati jew misjuba qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu L. 321‑1.

[…]”

16

Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle) kienu ġew sussegwentement ippreċiżati, skont l-Artikolu L. 134‑7 ta’ dan il-kodiċi, permezz tad-Digriet Nru 2013‑182, li b’mod partikolari inkluda f’dan il-kodiċi l-Artikolu R. 134‑11, li jipprovdi:

“Il-miżuri ta’ reklamar imsemija fl-Artikolu 134‑7 għandhom jinkludu kampanja ta’ informazzjoni mibdija fuq l-inizjattiva tal-ministeru responsabbli għall-kultura, flimkien mas-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet u l-organizzazzjonijiet professjonali tas-settur tal-ktieb.

Din il-kampanja għandha tinkludi l-preżentazzjoni tal-qafas fuq servizz online ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, operazzjoni ta’ reklamar permezz ta’ messaġġi online, il-pubblikazzjoni ta’ flyers fl-istampa nazzjonali kif ukoll it-tqassim ta’ banners fuq siti internet ta’ informazzjoni

Din għandha tibda fid-data prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu R. 134‑1 u għandha tkompli għal perijodu ta’ sitt xhur.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fis-sens tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), “ktieb li ma huwiex disponibbli” ifisser, ktieb ippubblikat fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 u li ma huwiex iktar is-suġġett la ta’ tixrid kummerċjali u lanqas ta’ pubblikazzjoni fil-forma stampata jew diġitali. L-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 ta’ dan il-kodiċi stabbilixxew qafas legali intiż sabiex dawn il-kotba jsiru aċċessibbli mill-ġdid billi jiġi organizzat l-isfruttament kummerċjali tagħhom fil-forma diġitali. Id-Digriet Nru 2013‑182 ippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

18

Permezz ta’ rikors irreġistrat fit-2 ta’ Mejju 2013, M. Soulier u S. Doke, li huma t-tnejn awturi ta’ xogħlijiet letterarji, talbu lill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) jannulla d-Digriet Nru 2013‑182.

19

Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma b’mod partikolari jsostnu li l-Artikoli L‑134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle) jistabbilixxu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 u li din l-eċċezzjoni jew din il-limitazzjoni ma hijiex inkluża fost dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tagħha.

20

Is-Syndicat des écrivains de langue française (sindakat tal-kittieba tal-lingwa Franċiża) (SELF), l-assoċjazzjoni Autour des auteurs u ħamsa u tletin persuna fiżika sussegwentement intervenew fil-proċeduri insostenn tat-talbiet ta’ M. Soulier u ta’ S. Doke.

21

Fid-difiża rispettiva tagħhom, il-Premier ministre (prim ministru) kif ukoll il-Ministre de la Culture et de la Communication (ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni) it-tnejn li huma talbu li dawn it-talbiet jiġu miċħuda.

22

Is-SOFIA sussegwentement interveniet fil-proċeduri fejn talbet hija wkoll li dawn it-talbiet jiġu miċħuda. Is-SOFIA tippreżenta ruħha bħala soċjeta kkostitwita b’mod ugwali minn awturi u minn pubblikaturi, responsabbli mill-ġestjoni tad-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli, tad-dritt ta’ self lill-pubbliku kif ukoll tar-remunerazzjoni għal kopja privata diġitali fil-qasam tal-kitba.

23

Wara li ċaħdet il-motivi kollha ta’ M. Soulier u ta’ S. Doke bbażati fuq bażijiet legali oħra minbarra l-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29, il-qorti tar-rinviju bdiet l-eżami ta’ dawk relattivi għal dawn l-artikoli, filwaqt li qieset mill-ewwel li t-trattament ta’ dan l-aspett tat-tilwima kien jiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dawn l-artikoli.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[L-Artikoli 2 u 5] tad-Direttiva 2001/29[…] jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik li ġiet [stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle)], li tagħti lis-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati d-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ ‘kotba li ma humiex disponibbli’, filwaqt li jippermettu lill-awturi ta’ dawk il-kotba, jew lill-aventi kawża tagħhom, jopponu jew itemmu din il-prattika, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnha?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

25

Minn naħa huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda mhux biss id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni fil-forma diġitali ta’ kotba li ma humiex disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, iżda wkoll id-dritt li tiġi awtorizzata rappreżentazzjoni tagħhom f’din l-istess forma, u li tali rappreżentazzjoni tikkostitwixxi “kommunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

26

Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ ebda mill-eċċezzjonijiet u mil-limitazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-publiku previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Issa, il-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet awtorizzati minn din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 32 tagħha.

27

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jidher li huwa irrilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tafda lil soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet tal-awtur awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-forma diġitali, ta’ kotba li ma humiex disponibbli, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jew lill-aventi kawża tagħhom jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu, rispettivament, li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-ripoduzzjoni diretta jew indiretta tax-xogħlijiet tagħhom, indipendentement mill-mod jew mill-forma, kif ukoll id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet.

30

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-awturi għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 43, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 96).

31

Għaldaqstant, din il-protezzjoni għandha tiġi mifhuma, b’mod partikolari, fis-sens li din ma hijiex limitata għat-tgawdija tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 2(a) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda testendi wkoll għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

32

Tali interpretazzjoni hija kkorraborata mill-Konvenzjoni ta’ Berne, li l-Unjoni hija obbligata tikkonforma ruħha mal-Artikoli 1 sa 21 tagħha skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li l-Unjoni hija parti għalih u li d-Direttiva 2001/29 hija b’mod partikolari intiża li timplementa, hekk kif tindika l-premessa 15 tagħha. Fil-fatt, mill-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li l-protezzjoni li din tiggarantixxi lill-awturi testendi kemm għat-tgawdija kif ukoll għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 11a(1) tagħha, li jikkorrispondu għal dawk protetti mid-Direttiva 2001/29.

33

Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet iggarantiti lill-awturi mill-Artikolu 2(a) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huma ta’ natura preventiva, fis-sens li kull att ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol minn terz jeħtieġ il-kunsens minn qabel tal-awtur tiegħu (fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 5774, u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 162, u, fir-rigward tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 75, u tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 15).

34

Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet u għal-limitazzjonijiet previsti, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, kull użu ta’ xogħol imwettaq minn terz mingħajr tali kunsens minn qabel għandu jitqies li jikser id-drittijiet tal-awtur ta’ dan ix-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 2425).

35

Madankollu, l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jippreċiżawx il-mod li bih il-kunsens minn qabel tal-awtur għandu jiġi espress, b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimponu li tali kunsens ikun neċessarjament espress b’mod espliċitu. Għall-kuntrarju, hemm lok li jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu wkoll li dan jiġi espress b’mod impliċitu.

36

Għaldaqstant, f’kawża li fiha ġiet mistoqsija dwar il-kunċett ta’ “pubbliku ġdid”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’sitwazzjoni fejn awtur kien awtorizza, minn qabel, espliċitament u mingħajr riżervi, il-pubblikazzjoni tal-artikli tiegħu fuq is-sit internet ta’ pubblikatur ta’ gazzetta, mingħajr ma rrikorra barra minn hekk għal miżuri tekniċi li jillimitaw l-aċċess għal dawn ix-xogħlijiet minn siti internet oħra, dan l-awtur seta’ essenzjalment jitqies bħala li awtorizza l-komunikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet lill-utenti tal-internet kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 25 sa 2831).

37

Madankollu, l-għan ta’ protezzjoni għolja tal-awturi li l-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29 tirreferi għalih jimplika li l-kundizzjonijiet li fihom kunsens impliċitu jista’ jiġi aċċettat għandhom ikunu ddefiniti b’mod strett, sabiex il-prinċipju stess ta’ kunsens minn qabel tal-awtur ma jitlifx l-effett tiegħu.

38

B’mod partikolari, kull awtur għandu jkun effettivament informat dwar l-użu futur tax-xogħol tiegħu minn terz u dwar il-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jipprojbixxih jekk huwa jkun jixtieq jagħmel dan.

39

Fil-fatt, fl-assenza ta’ informazzjoni minn qabel effettiva dwar dan l-użu futur, l-awtur ma jkunx jista’ jieħu pożizzjoni dwaru u, għaldaqstant, jipprojbixxih, jekk ikun neċessarju, b’mod li l-eżistenza stess tal-kunsens impliċitu tiegħu f’dan ir-rigward tibqa’ purament ipotetika.

40

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ garanziji li jiżguraw l-informazzjoni effettiva tal-awturi fir-rigward tal-użu previst tax-xogħlijiet tagħhom u tal-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom bil-għan li dan jiġi pprojbit, ikun de facto impossibbli għalihom jieħdu xi pożizzjoni dwar tali użu.

41

Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li din tafda lil soċjetà awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza l-isfruttament diġitali ta’ kotba li ma humiex disponibbli, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jopponu minn qabel għal tali eżerċizzju, f’terminu ta’ sitt xhur mir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kotba f’database stabbilita għal dan il-għan.

42

Għaldaqstant, l-implementazzjoni tad-dritt ta’ oppożizzjoni stabbilit minn tali leġiżlazzjoni favur id-detenturi kollha ta’ drittijiet fuq il-kotba kkonċernati, u b’mod partikolari tal-awturi, għandha bħala effett li tipprojbixxi l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet, filwaqt li l-assenza ta’ oppożizzjoni ta’ awtur partikolari fit-terminu stabbilit tista’ tiġi interpretata, fid-dawl tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, bħala l-espressjoni tal-kunsens impliċitu tiegħu għal dan l-użu.

43

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirrizultax li din il-leġiżlazzjoni tinkludi mekkaniżmu li jiggarantixxi l-informazzjoni effettiva u individwalizzata tal-awturi. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li xi wħud mill-awturi kkonċernati fir-realtà lanqas biss jafu dwar l-użu previst tax-xogħlijiet tagħhom, u għaldaqstant ma jistgħux jieħdu pożizzjoni, f’sens jew f’ieħor, dwar dan l-użu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sempliċi assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tagħhom ma tistax titqies bħala l-espressjoni tal-kunsens impliċitu tagħhom għal dan l-użu.

44

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li tali leġiżlazzjoni tirrigwarda kotba li, filwaqt li fil-passat kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni u ta’ tixrid kummerċjali, issa ma għadhomx iktar. Dan il-kuntest partikolari jipprekludi li jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li, fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tagħhom, l-awturi kollha ta’ dawn il-kotba “minsija” huma, madankollu, favorevoli għat-“tqajjim mill-ġdid” tax-xogħlijiet tagħhom, bil-għan tal-użu kummerċjali tagħhom f’forma diġitali.

45

Ċertament, id-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tfittex li tilħaq għan bħalma huwa l-isfruttament diġitali ta’ kotba li ma humiex disponibbli fl-interess kulturali tal-konsumaturi u tas-soċjetà kollha. Madankollu, l-ilħiq ta’ dan il-għan u ta’ dan l-interess ma jistax jiġġustifika deroga, mhux prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mill-protezzjoni żgurata lill-awturi minn din id-direttiva.

46

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti b’mod partikolari lill-awturi jtemmu l-isfruttament kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom fil-forma diġitali, billi jaġixxu jew bi ftehim reċiproku mal-pubblikaturi ta’ dawn ix-xogħlijiet fil-forma stampata, jew waħedhom, bil-kundizzjoni, madankollu, f’dan it-tieni każ, li tiġi prodotta l-prova li huma l-uniċi detenturi tad-drittijiet fuq dawn ix-xogħlijiet.

47

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li minn natura esklużiva tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ kommunikazzjoni lill-pubbliku previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-awturi huma l-uniċi persuni li lilhom din id-direttiva tagħti, primarjament, id-dritt jisfruttaw ix-xogħlijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 53).

48

Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-Direttiva 2001/29 ma tipprojbixxix lill-Istati Membri jagħtu, barra minn hekk, ċerti drittijiet jew ċerti benefiċċji lil terzi, bħal pubblikaturi, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn id-drittijiet u dawn il-benefiċċji ma jippreġudikawx id-drittijiet li din id-direttiva tagħti b’mod esklużiv lill-awturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punti 47 sa 49).

49

Għaldaqstant, għandu jitqies li, meta l-awtur ta’ xogħol jiddeċiedi, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, itemm l-isfruttament futur ta’ dan ix-xogħol fil-forma diġitali, dan id-dritt għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mingħajr ma jkollu jiddependi, f’ċerti każijiet, mir-rieda konkordanti ta’ persuni għajr dawk li dan l-awtur awtorizza minn qabel sabiex jipproċedu għal tali sfruttament diġitali, u għaldaqstant, mill-kunsens tal-pubblikatur li barra minn hekk, għandu biss id-drittijiet ta’ sfruttament ta’ dan ix-xogħol fil-forma stampata.

50

It-tieni nett, mill-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berne, li huwa impost fuq l-Unjoni għar-raġunijiet indikati fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li t-tgawdija u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku mogħtija lill-awturi permezz ta’ din il-konvenzjoni u li jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jistgħux ikunu suġġetti għal ebda formalità.

51

Minn dan b’mod partikolari jirriżulta li fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtur ta’ xogħol għandu jkun jista’ jtemm l-eżerċizzju, minn terz, tad-drittijiet ta’ sfruttament fil-forma diġitali li huwa għandu fuq dan ix-xogħol, u b’dan il-mod jipprojbixxih minn kull użu futur f’tali forma, mingħajr ma jkollu preliminarjament jissuġġetta ruħu, f’ċertu każijiet, għal formalità li tikkonsisti f’li jipproduċi l-prova li persuni oħra ma humiex, barra minn hekk, detenturi ta’ drittijiet oħra fuq dan ix-xogħol, bħal dawk li jirrigwardaw l-isfruttament tiegħu fil-forma stampata.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tafda lil soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet tal-awtur awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-forma diġitali, ta’ kotba msejħa “li ma humiex disponibbli”, jiġifieri kotba ppubblikati fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 u li ma humiex iktar is-suġġett la ta’ tixrid kummerċjali u lanqas ta’ pubblikazzjoni fil-forma stampata jew diġitali, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jew lill-aventi kawża tagħhom jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tafda lil soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet tal-awtur awtorizzata l-eżerċizzju tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, fil-forma diġitali, ta’ kotba msejħa “li ma humiex disponibbli”, jiġifieri kotba ppubblikati fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 u li ma humiex iktar is-suġġett la ta’ tixrid kummerċjali u lanqas ta’ pubblikazzjoni fil-forma stampata jew diġitali, filwaqt li tippermetti lill-awturi ta’ dawn il-kotba jew lill-aventi kawża tagħhom jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.