Kawża C-298/15
“Borta” UAB
vs
Klaipėdos valstybinio jūrų uosto direkcija VĮ
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/17/KE – Kuntratt li ma jilħaqx il-limitu previst minn din id-direttiva – Artikoli 49 u 56 TFUE – Limitazzjoni fl-użu tas-subkuntrattar – Preżentazzjoni ta’ offerta konġunta – Kapaċitajiet professjonali tal-offerenti – Emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ April 2017
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali-Direttiva 2014/25-Applikazzjoni ratione temporis-Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita għall-aġġudikazzjoni adottata qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva-Inapplikabbiltà tad-Direttiva
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/25, Artikolu 106(1))
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali-Direttiva 2004/17-Kamp ta’ applikazzjoni-Kuntratt ta’ valur inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva, iżda li għandu interess transkonfinali ċert-Esklużjoni-Obbligu li jiġu osservati r-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE-Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-użu tas-subkuntrattar billi teżiġi li x-xogħlijiet prinċipali jitwettqu mill-offerent rebbieħ innifsu-Inammissibbiltà-Ġustifikazzjoni-Assenza
(Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1336/2013)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali-Direttiva 2004/17-Kamp ta’ applikazzjoni-Kuntratt ta’ valur inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva, iżda li għandu interess transkonfinali ċert-Esklużjoni-Obbligu li jiġu osservati r-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE-Emenda mill-awtorità kontraenti ta’ klawżola tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt-Ammissibbiltà-Kundizzjonijiet
(Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1336/2013)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali-Direttiva 2004/17-Għoti ta’ kuntratti-Kriterji għal għażla kwalitattiva-Kapaċità teknika u professjonali-Possibbiltà li jiġu sostnuti l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra-Limiti-Rekwiżit ta’ korrispondenza bejn il-kapaċità ta’ offerent u l-parti tiegħu mill-prestazzjoni li għandha titwettaq-Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1336/2013, Artikolu 54(6))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 27)
Fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013, tat-13 ta’ Diċembru 2013, iżda li għandu interess transkonfinali ċert, l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (liġi Litwana dwar il-kuntratti pubbliċi), li tipprevedi li, fil-każ tal-użu ta’ subkuntratturi għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, l-offerent rebbieħ għandu jwettaq huwa stess ix-xogħlijiet prinċipali, iddefiniti bħala tali mill-entità kontraenti.
Fil-kawża prinċipali, mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi huwa intiż sabiex jiggarantixxi eżekuzzjoni korretta tax-xogħlijiet. Madankollu, minkejja li ma huwiex eskluż li tali għan jista’ jiġġustifika ċerti limitazzjonijiet għall-użu tas-subkuntrattar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom, C-314/01, EU:C:2004:159, punt 45, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Wrocław - Miasto na prawach powiatu, C-406/14, EU:C:2016:562, punt 34), għandu jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(5) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan, sa fejn din tipprojbixxi b’mod ġenerali tali użu għax-xogħlijiet ikklassifikati bħala “prinċipali” mill-entità kontraenti. Fil-fatt, din il-projbizzjoni tapplika indipendentement mis-settur ekonomiku kkonċernat mill-kuntratt inkwistjoni, min-natura tax-xogħlijiet u mill-kwalifiki tas-subkuntratturi. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni ġenerali ma tħallix spazju għal evalwazzjoni każ b’każ minn din l-entità. Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, miżura alternattiva inqas restrittiva u li tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex setgħet tkun dik li l-offerenti jkunu meħtieġa li jindikaw, fl-offerta tagħhom, il-parti mill-kuntratt u x-xogħlijiet intiżi li jiġu ssubkuntrattati, is-subkuntratturi proposti u l-kapaċitajiet tagħhom. Setgħet ukoll tkun prevista, b’mod partikolari, il-possibbiltà għall-entità kontraenti li tipprekludi lill-offerenti li jibdlu subkuntratturi jekk din l-entità ma setgħetx, minn qabel, tivverifika l-identità u l-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar.
(ara l-punti 52, 54, 55, 57, 61, u d-dispożittiv 1)
Fir-rigward ta’ tali kuntratt pubbliku, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħorġu b’mod partikolari mill-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-entità kontraenti milli temenda, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, klawżola tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-kumulu ta’ kapaċitajiet professjonali, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm, l-ewwel nett, l-emendi effettwati ma jkunux daqstant sostanzjali li jattiraw offerenti potenzjali li, fl-assenza ta’ dawn l-emendi, ma jkunux jistgħu jressqu offerta, it-tieni nett, dawn l-emendi jiġu ppubblikati b’mod adegwat u, it-tielet nett, dawn isiru qabel il-preżentazzjoni ta’ offerti mill-offerenti, filwaqt li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dawn l-offerti jiġi estiż meta l-emendi kkonċernati jkunu sinjifikattivi, it-tul ta’ din l-estensjoni jkun skont l-importanza ta’ dawn l-emendi u dan it-tul ikun suffiċjenti sabiex l-operaturi ekonomiċi interessati jkunu jistgħu konsegwentement jadattaw l-offerta tagħhom, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.
(ara l-punt 77 u d-dispożittiv 2)
L-Artikolu 54(6) tad-Direttiva 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1336/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola ta’ speċifikazzjonijiet ta’ kuntratt, bħall-klawżola 4.3 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, teħtieġ li l-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minnhom sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali tkun tikkorrispondi, proporzjonalment, mal-parti mix-xogħlijiet li huwa jkollu fil-fatt jeżegwixxi jekk jingħata l-kuntratt ikkonċernat.
F’dan ir-rigward, ċertament ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tat-tekniċità u tal-kobor tax-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżekuzzjoni korretta tagħhom teżiġi li, fil-każ tal-peżentazzjoni ta’ offerta konġunta minn diversi offerenti, kull wieħed minnhom jeżegwixxi x-xogħlijiet speċifiċi li jikkorrispondu, fid-dawl tas-suġġett jew tan-natura ta’ dawn ix-xogħlijiet jew dmirijiet, mal-kapaċitajiet professjonali rispettivi tiegħu. Madankollu, ma jidhirx li din hija l-portata tal-klawżola 4.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-klawżola teżiġi li jkun hemm korrispondenza purament aritmetika bejn il-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed mill-offerenti kkonċernati sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-kapaċitajiet professjonali u l-parti mix-xogħlijiet li dan l-offerent jintrabat li jwettaq u li jkollu fil-fatt jeżegwixxi fil-każ li jingħata l-kuntratt. Mill-banda l-oħra, din il-klawżola ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu minn kull offerent u lanqas il-kompetenzi tekniċi rispettivi ta’ kull wieħed minnhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-klawżola 4.3 ma tostakolax il-possibbiltà li wieħed mill-offerenti kkonċernati jwettaq kompiti speċifiċi li għalihom huwa ma jkollux, fil-fatt, l-esperjenza jew il-kapaċitajiet meħtieġa.
(ara l-punti 91, 92, 96, u d-dispożittiv 3)