Kawża C‑291/15

EURO 2004. Hungary Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Nyugat-dunántúli Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa miż-Zalaegerszegi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali — Tariffa doganali komuni — Valur għal skopijiet doganali — Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali — Valur ta’ tranżazzjoni — Prezz effettivament imħallas — Dubji bbażati fuq il-veraċità tal-prezz iddikjarat — Prezz iddikjarat inferjuri għall-prezz imħallas fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet oħrajn relatati ma’ merkanzija simili”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2016

Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Valur għal skopijiet doganali – Valur ta’ tranżazzjoni – Determinazzjoni – Eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-veraċità tal-prezz iddikjarat – Riferiment għall-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija simili – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, Artikoli 30 u 31; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 3254/94, Artikolu 181a)

L-Artikolu 181a tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament Nru 3254/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix prassi tal-awtoritajiet doganali li tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija simili, metodu li jidher fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, meta l-valur ta’ tranżazzjoni ddikjarat jitqies li huwa anormalment dgħajjef meta mqabbel mal-prezzijiet ta’ xiri statistiċi medji mitluba fl-importazzjoni ta’ merkanzija simili, u dan minkejja l-fatt li l-awtoritajiet doganali la kkonfutaw u lanqas ma qajmu dubji dwar l-awtentiċità tal-fattura u tal-attestazzjoni ta’ trasferiment prodotti bil-għan li jiġi pprovat il-prezz effettivament imħallas għall-merkanzija importata, fejn madankollu l-importatur ma pproduċiex, b’risposta għat-talba f’dan is-sens tal-awtorità doganali, provi oħra sabiex jistabbilixxi l-eżattezza tal-valur ta’ tranżazzjoni ddikjarat tagħha.

Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jwarrbu l-prezz iddikjarat tal-merkanzija importata u jagħmlu użu mill-metodi sekondarji ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata, kif previsti fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Nru 2913/92, u, b’mod partikolari, il-prezz tal-bejgħ ta’ merkanzija simili, jekk id-dubji tagħhom li jikkonċernaw il-valur ta’ tranżazzjoni tagħha jippersistu, wara li jkunu talbu l-provvista ta’ kull informazzjoni jew ta’ kull dokument addizzjonali u wara li jkunu taw lill-persuna kkonċernata opportunità raġonevoli sabiex tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tar-raġunijiet li abbażi tagħhom huma fondati l-imsemmija dubji. F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi fejn ikun jidher li l-prezz iddikjarat huwa inferjuri b’iktar minn 50 % tal-prezz medju statistiku, għandu jiġi kkunsidrat li tali differenza fil-prezz hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika d-dubji li l-awtorità doganali għandha u ċ-ċaħda, minnha, tal-valur għal skopijiet doganali ddikjarat tal-merkanzija inkwistjoni.

(ara l-punti 35, 38, 39, 44 u d-dispożittiv)