SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI — Artikolu 7 — Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja — Artikolu 9 — Raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ kriminalità doppja — Ċittadin tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kkundannat fl-Istat emittenti għal nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika”

Fil-Kawża C‑289/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

Josef Grundza

fil-preżenza ta’:

Krajská prokuratúra Prešov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u L. Swedenborg, C. Meyer-Seitz, U. Persson, E. Karlsson u N. Otte Widgren, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u J. Javorský, kif ukoll minn S. Gruenheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008 L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenza kriminali u l-eżekuzzjoni, fis-Slovakkja, ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija minn qorti Ċeka kontra Josef Grundza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909:

“Drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali huma element kruċjali biex tiġi żgurata kunfidenza reċiproka fost l-Istati Membri f’kooperazzjoni ġudizzjarja. Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, li huma karatterizzati minn fiduċja reċiproka speċjali fis-sistemi legali ta’ Stati Membri oħrajn, jippermettu r-rikonoxximent mill-Istat ta’ esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ta’ l-Istat emittenti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat żvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni previst fl-istrumenti tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li jikkonċernaw l-infurzar ta’ sentenzi kriminali, b’mod partikolari fejn ċittadini ta’ l-Unjoni kienu s-suġġett ta’ sentenza kriminali u kienu sentenzjati għal piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fi Stat Membru ieħor.[…]”

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Għan u Ambitu”, jiddisponi:

“1.   L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.

[…]

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-infurzar ta’ pieni fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. […]

[…]”

5

Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Kriminalità doppja”:

“1.   Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat emittenti b’piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, u skond kif inhuma definiti bil-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għal rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena imposta:

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

terroriżmu,

traffikar tal-bnedmin,

sfruttament sesswali ta’ tfal u l-pornografija bi tfal,

traffikar illeċitu fid-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi,

traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjonijiet u splussivi,

korruzzjoni,

frodi, […]

laundering tar-rikavati minn kriminalità,

falsifikazzjoni ta’ muniti, […]

reati konnessi ma’ l-informatika,

reati ambjentali, […]

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

omiċidju, offiża gravi fuq persuna,

kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti umani,

ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

it-traffikar illeċitu f’beni kulturali, […]

imbrolji,

racketeering u estorsjoni,

falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,

traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi tat-tkabbir (growth promoters) oħrajn,

traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjuattivi,

traffikar ta’ vetturi misruqa,

stupru,

inċendju volontarju,

reati li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

ħtif illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/ta’ bastimenti,

sabotaġġ.

[…]

3.   Għal reati oħra barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena [suġġett] għall-kondizzjoni li huwa jirrelata ma’ atti li wkoll jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni tiegħu.

4.   Kull Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew wara, b’dikjarazzjoni nnotifikata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiddikjara li m’huwiex ser japplika l-paragrafu 1. Tali dikjarazzjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin. Tali dikjarazzjonijiet jew irtirar ta’ dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

6

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.”

7

L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar”, jgħid, fil-paragrafu 1(d) tiegħu:

“L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk:

[…]

(d)

f’każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) u, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jkun għamel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4), fil-każ imsemmi fl-Artikolu 7(1), is-sentenza hija relatata ma’ atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, dwana u kambju, l-esekuzzjoni ta’ sentenza m’għandhiexs tiġi rifjutata minħabba li l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ regolamenti dwar taxxi, dazji u dwana u kambju bħal-liġi ta’ l-Istat emittenti”.

Id-dritt Slovakk

8

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Slovakk miz-zákon č. 549/2011 o uznávaní a výkone rozhodnutí, ktorými sa ukladá trestná sankcia spojená s odňatím slobody v Európskej Únii (Liġi Nru 549/2011 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet kriminali li jirrestrinġu l-libertà fl-Unjoni Ewropea), kif emendata bill-Liġi Nru 344/2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 549/2011”).

9

L-Artikoli 4 u 16 tal-Liġi Nru 549/2011 rispettivament jittrasponu fid-dritt Slovakk l-Artikoli 7 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

10

Skont l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 549/2011, li jikkorrispondi għall-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, “deċiżjoni tista’ tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fir-Repubblika Slovakka jekk il-fatt li għalih ingħatat id-deċiżjoni jikkostitwixxi reat skont l-ordinament ġuridiku Slovakk […]”.

11

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 549/2011, li jittrasponi l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, fil-każ ta’ talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ reat li għalih, fl-Istat emittenti, tista’ tiġi imposta piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin, u li, fiċ-ċertifikat dwar l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, huwa deskritt mill-korp ġudizzjarju ta’ dan l-Istat b’riferiment għal kategorija waħda jew iktar ta’ reati msemmija fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmija liġi, il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ma għandhiex twettaq verifika tal-kriminalità doppja.

12

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa speċifikat li l-kategoriji ta’ reati previsti fl-imsemmi Artikolu 4(3) tal-Liġi Nru 549/2011 jikkorrispondu għar-reati msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

13

L-Artikolu 16(1)(b) tal-Liġi Nru 549/2001, li jikkorrispondi għall-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, jipprevedi li “[i]l-Qorti għandha tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi d-deċiżjoni jekk il-fatt li fuq il-bażi tiegħu ngħatat id-deċiżjoni ma jikkostitwixxix reat skont l-ordinament ġuridiku tar-Repubblika Slovakka u jekk ma jirrigwardax proċedura prevista fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din il-liġi”. Madankollu, “fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, dwana u kambju, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ma tistax tiġi rrifjutata sempliċement minħabba li l-ordinament ġuridiku tar-Repubblika Slovakka ma jimponix l-istess tip ta’ taxxi jew dazji jew ma fihx l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ taxxi, dazji, dwana u kambju bħal-liġi tal-Istat emittenti”.

14

Skont l-Artikolu 348(1)(d) taz-zákon 300/2005 Z.z., Trestný zákon (kodiċi kriminali Slovakk), “[k]ull min ifixkel jew jagħmel sostanzjalment iktar diffiċli l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ awtorità pubblika oħra billi […] jagħmel attività li kien ipprojbit li jagħmel b’deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ korp ieħor tal-Istat […] għandu jingħata piena sa sentejn priġunerija”.

Id-dritt Ċek

15

Skont l-Artikolu 337(1)(a) taz-zákon Nru 40/2009 Sb., Trestní zákoník (kodiċi kriminali Ċek), “[k]ull min ifixkel jew jagħmel sostanzjalment iktar diffiċli l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ awtorità pubblika oħra billi […] jagħmel attività li kien ipprojbit li jagħmel b’din id-deċiżjoni jew li għaliha huwa b’hekk tilef jew ġiet irtirata mingħandu l-awtorizzazzjoni korrispondenti taħt dispożizzjoni ġuridika oħra […] għandu jingħata piena sa sentejn priġunerija”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Fit-3 ta’ Ottubru 2014, l-Okresní soud v Chebu (qorti distrettwali ta’ Cheb, ir-Repubblika Ċeka) ikkundannat lil J. Grundza, ċittadin Slovakk, għal piena kumulattiva ta’ ħmistax-il xahar priġunerija għal serq bi żgass u għal tfixkil fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorità pubblika, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni temporanja ta’ sewqan li ġiet imposta fuqu permezz ta’ deċiżjoni tal-Magistrát mesta Přerov (muniċipalità ta’ Přerov, ir-Repubblika Ċeka), tat-12 ta’ Frar 2014.

17

Is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2014, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ġiet ittrasferita lill-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja) għall-finijiet tar-rikonoxximent tagħha u tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena fis-Slovakkja.

18

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, dik il-qorti tispeċifika li r-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġewx ikkunsidrati mill-korp ġudizzjarju tal-Istat emittenti, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, bħala reati elenkati fl-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, b’tali mod li l-eżekuzzjoni tal-piena kumulattiva ta’ ħmistax-il xahar priġunerija hija suġġetta għall-konstatazzjoni li l-fatti msemmija mis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2014 jikkostitwixxu reat ukoll skont l-ordinament ġuridiku Slovakk.

19

Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hijiex issodisfatta fir-rigward tal-fatti deskritti bħala “reat ta’ tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika”.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 348(1)(d) tal-kodiċi kriminali Slovakk, dwar ir-reat li jikkonsisti fi tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali, isemmi biss id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew ta’ korp ieħor “Slovakk” li huma eżekuttivi fit-“territorju Slovakk.”

21

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tal-fatt li għalih J. Grundza ġie kkundannat fir-Repubblika Ċeka jindika, in concreto, li dan ma huwiex “reat” fis-sens tal-Artikolu 348(1)(d) tal-kodiċi kriminali Slovakk, sa fejn dan il-fatt ma jikkorrispondix għall-elementi fattwali kostituttivi tar-reat ta’ tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, J. Grundza ġie kkundannat għal tfixkil għal deċiżjoni adottata minn korp tar-Repubblika Ċeka, deċiżjoni li tipproduċi l-effetti tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru biss.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni jekk, fir-rigward tal-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, jiġifieri li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali ta’ persuna kkundannata, u dan, b’mod partikolari, bl-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi kriminali f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn inkiser interess protett mill-ordinament ġuridiku tal-Istat emittenti, ma jkunx hemm lok li jitwettaq eżami tal-kriminalità doppja in abstracto, jiġifieri daqslikieku nkiser interess protett mill-ordinament ġuridiku tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 7(3) u 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija ssodisfatta biss jekk il-fatt li fir-rigward tiegħu ngħatat id-deċiżjoni li għandha tiġi rikonoxxuta jikkostitwixxi, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni konkreta tagħha (in concreto), ksur [reat] ukoll skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (indipendentement mill-elementi kostituttivi jew mill-kwalifika tal-ksur), jew huwa biżżejjed sabiex din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta li dan il-fatt ikun jikkostitwixxi delitt b’mod ġenerali (in abstracto) ukoll skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija ssodisfatta f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-kundanna huma mitluba għal atti li ġew deskritti, fl-Istat emittenti, bħala “reat kriminali li jikkonsisti fit-tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni uffiċjali mwettaq fit-territorju tal-Istat emittenti”, u li għalihom reat kriminali, deskritt b’mod simili, jeżisti fid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, iżda dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat teżiġi li, sabiex tali reat ikun stabbilit, id-deċiżjoni uffiċjali tkun ġiet adottata minn waħda mill-awtoritajiet li joperaw fit-territorju tiegħu.

25

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, ma huwiex rilevanti li l-analiżi tkun ibbażata fuq il-kunċetti ta’ evalwazzjoni in concreto jew in abstracto tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li hija strument ta’ armonizzazzjoni minima u, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha, dwar il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, ma ssemmix dawn il-kunċetti.

27

Fit-tieni lok, kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jadottaw pożizzjonijiet diverġenti fir-rigward tat-tifsira eżatta tal-imsemmija kunċetti fil-kuntest tal-kriminalità doppja.

28

Sabiex tingħata risposta għad-domanda kif irriformulata, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, fir-rigward tar-reati minbarra dawk imsemmija fil-lista tat-32 reat previsti fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu l-possibbiltà li jissuġġetta r-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-kundanna għall-kundizzjoni li s-sentenza tirrigwarda fatti li jikkostitwixxu reat ukoll skont id-dritt tiegħu, indipendentement mill-elementi kostituttivi jew mid-deskrizzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta r-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-kundanna għall-kundizzjoni li jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ kriminalità doppja.

29

Korrelattivament, l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, dwar ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni, jipprevedi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu, il-possibbiltà għall-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, li jirrifjuta r-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fl-Istat emittenti u l-eżekuzzjoni tal-kundanna, imposta wkoll f’dan l-aħħar Stat, meta l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja ma hijiex issodisfatta.

30

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-atti li għalihom J Grundza ġie kkundannat, u b’mod partikolari t-tfixkil fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika, ma ġewx ikkunsidrati, mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, bħala reati li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

31

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ir-rikonoxximent tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2014 u l-eżekuzzjoni tal-piena kumulattiva ta’ ħmistax-il xahar priġunerija huma suġġetti għall-konstatazzjoni, mill-awtorità Slovakka kompetenti, li din is-sentenza tirrigwarda fatti li jikkostitwixxu reat ukoll skont l-ordinament ġuridiku Slovakk, indipendentement mill-elementi kostituttivi jew mid-deskrizzjoni tiegħu fl-Istat emittenti.

32

Wara din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35, u tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 31).

33

Fir-rigward, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jitfakkar, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-dispożizzjoni tillimita l-portata tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja sa fejn hija teżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tivverifika jekk l-atti inkwistjoni “wkoll jikkostitwixxu[x] reat” skont id-dritt nazzjonali tiegħu, u dan “indipendentement mill-elementi kostituttivi jew mid-deskrizzjoni tiegħu”.

34

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi Artikolu 7(3), il-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja hija l-fatt li l-atti li wasslu għall-kundanna fl-Istat emittenti jikkostitwixxu wkoll reat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju li r-reati jkunu identiċi fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati.

35

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem “indipendentement mill-elementi kostituttivi jew mid-deskrizzjoni” tar-reat kif previst fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, minn fejn jirriżulta b’mod ċar, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma jinħtieġx qbil perfett bejn l-elementi kostituttivi tar-reat, kif iddefiniti rispettivament mid-dritt tal-Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, jew fid-denominazzjoni jew fil-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat skont id-drittijiet nazzjonali rispettivi.

36

Għaldaqstant, permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tieħu approċċ flessibbli fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, kemm fir-rigward tal-elementi kostituttivi tar-reat kif ukoll tad-deskrizzjoni tiegħu.

37

B’dan il-mod, l-element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja jinsab, skont it-termini stess tal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, fil-qbil bejn, minn naħa, l-elementi fattwali li huma l-bażi tar-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija fl-Istat emittenti, u, min-naħa l-oħra, id-definizzjoni tar-reat skont id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, hija l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li għandha tivverifika jekk l-elementi fattwali li huma l-bażi tar-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, humiex ukoll, bħala tali, punibbli b’sanzjoni kriminali f’dan it-territorju, fil-każ li jkunu twettqu fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

39

Fit-tieni lok, il-kuntest tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jimmilita wkoll favur tali evalwazzjoni tal-kriminalità doppja.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 26 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tissostitwixxi, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn Stati Membri, diversi strumenti tad-dritt internazzjonali sabiex tissaħħaħ, skont il-premessa 5 tagħha, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali.

41

Madankollu, b’differenza minn dawn l-istrumenti tad-dritt internazzjonali, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija bbażata, qabelxejn, fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, skont il-premessa 1 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82(1) TFUE, il-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li, skont l-imsemmija premessa 5, hija bbażata fuq fiduċja reċiproka partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 4647).

42

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimplika, skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li, bħala prinċipju, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tirrikonoxxi s-sentenza li ġiet trażmessa lilha u tieħu minnufih il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kundanna.

43

Kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku wassal, b’mod partikolari, għall-istabbiliment, fl-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ta’ lista ta’ reati kriminali li għalihom tneħħiet il-verifika tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja.

44

Barra minn hekk, anki għar-reati li ma humiex imsemmija f’din il-lista, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistabbilixxi sempliċi possibbiltà għall-Istat ta’ eżekuzzjoni li jissuġġetta r-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-kundanna għall-fatt li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tkun issodisfatta.

45

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan il-kuntest, din il-possibbiltà tippermetti lill-Istati Membri li jirrifjutaw ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-kundanna għal aġir li huma ma jqisux li huwa moralment ħażin u li, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix reat.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ta’ prinċipju ta’ rikonoxximent tas-sentenza u ta’ eżekuzzjoni tal-kundanna. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ kriminalità doppja, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi interpretat b’mod strett, sabiex jiġu limitati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

47

Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, li jirreferi għaliha l-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, hija intiża li tivverifika jekk l-elementi fattwali li huma l-bażi tar-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, humiex ukoll, bħala tali, punibbli b’sanzjoni kriminali fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, fil-każ li jkunu twettqu f’dan it-territorju.

48

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rrilevat li r-reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreġudika deċiżjoni uffiċjali adottata minn korp pubbliku Ċek u, konsegwentement, jippreġudika l-interess protett mir-Repubblika Ċeka, b’tali mod li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li hija ssodisfatta.

49

Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika mhux jekk inkisirx l-interess protett mill-Istat emittenti, iżda jekk, fil-każ li r-reat inkwistjoni twettaq fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din l-awtorità, ikunx tqies li nkiser interess simili, protett mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat.

50

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-għan tagħha huwa l-istabbiliment tar-regoli li jippermettu lil Stat Membru jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna, sabiex tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali ta’ persuna kkundannata.

51

Madankollu, l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 9(1)(d) ta’ din id-deċiżjoni qafas tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal‑persuna kkundannata, b’mod partikolari f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha din il-persuna hija ċittadin tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

52

F’dan il-każ, mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li J. Grundza ġie kkundannat mill-awtorità ġudizzjarja Ċeka kompetenti peress li, b’mod partikolari, saq vettura bil-mutur fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità pubblika Ċeka li tipprojbixxih milli jagħmel dan.

53

Sabiex jiġi evalwat jekk hijiex issodisfatta fil-kawża prinċipali l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju, inkarigata mir-rikonoxximent u mill-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna, li għandha tivverifika jekk, fil-każ li dawn l-elementi fattwali, jiġifieri s-sewqan ta’ vettura bil-mutur minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni uffiċjali li tipprojbixxi tali aġir, ikunu twettqu fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu taqa’ dik il-qorti, kinux ikunu punibbli b’sanzjoni kriminali skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat. Jekk dan ikun il-każ, il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja għandha titqies li hija ssodisfatta.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu (9)(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja għandha titqies li hija ssodisfatta f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, meta l-elementi fattwali li huma l-bażi tar-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, ikunu wkoll, bħala tali, punibbli b’sanzjoni kriminali fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, fil-każ li jkunu twettqu f’dan it-territorju.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(3) u l-Artikolu (9)(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja għandha titqies li hija ssodisfatta f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, meta l-elementi fattwali li huma l-bażi tar-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, ikunu wkoll, bħala tali, punibbli b’sanzjoni kriminali fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, fil-każ li jkunu twettqu f’dan it-territorju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.