SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Subintestatura 62113310000 — Fradal — Kowt għall-protezzjoni mir-radjazzjoni”

Fil-Kawża C‑288/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura,

Medical Imaging Systems GmbH (MIS)

vs

Hauptzollamt München,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, M. Safjan u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Medical Imaging Systems GmbH (MIS), minn G. Eder, avukat,

għall-Hauptzollamt München, minn C. Erhart-Parzefall,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 62113310000 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Medical Imaging Systems GmbH (MIS) u l-Hauptzollamt München (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ München, il-Ġermanja), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ fradal-kowtijiet għall-protezzjoni mir-radjazzjoni fi ħdan in-NM.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita mill-konvenzjoni li toħloq l-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA hija stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika[zzjoni] ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

4

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), jipprovdi li l-Kummissjoni Ewropea għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, flimkien mar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni korrispondenti, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

5

Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija dik li tirrigwarda s-sena 2013, li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 927/2012.

6

L-ewwel parti tan-NM tinkludi serje ta’ dispożizzjonijiet preliminari. Taħt it-Titolu I ta’ din il-parti, li tikkonċerna r-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli [tal-intestaturi] u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

[...]

(b)

Kwalunkwe referenza f’titlu [f’intestatura] għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skont il-prinċipji ta’ regola 3.

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[...]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu [fis-subintestaturi ta’ intestatura] għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

7

It-tieni parti tan-NM, li tinkludi skeda tad-dazji doganali, hija maqsuma f’taqsimiet. It-Taqsima XI ta’ din il-parti tinkludi l-Kapitolu 62, li huwa intitolat “oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, mhux maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted)”.

8

L-intestatura 6211 tan-NM, li tifforma parti mill-Kapitolu 62, hija strutturata kif ġej:

“6211 Track suits, ilbiesi ta’ skijar u malji ta’ l-għawm, ħwejjeġ oħrajn

[...]

6211 33 – – Ta’ fibri magħmulin mill-bniedem

6211 33 10 – – – Industrijali u li għandhom x’jaqsmu max-xogħol

[...]”

9

It-tieni parti tan-NM tinkludi wkoll it-Taqsima XV, intitolata “metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx”. Din it-taqsima tinkludi, b’mod partikolari, in-noti li ġejjin:

“3.

Matul in-nomenklatura, l-espressjoni “metalli ta’ valur baxx” tfisser [...] antimonju [...]

7.

Klassifikazzjoni ta’ oġġetti komposti:

Ħlief fejn it-titli [l-intestaturi] jesiġu mod ieħor, oġġetti ta’ metall ta’ valur baxx (inklużi oġġetti ta’ metalli mħalltin ittrattati bħala oġġetti ta’ metall ta’ valur baxx taħt ir-regoli interpretattivi) li fihom żewġ metalli jew aktar ta’ valur baxx għandhom jitqiesu bħala oġġetti tal-metall ta’ valur baxx li jippredomina fil-piż fuq kull wieħed mill-metalli l-oħrajn.

Għal dan il-għan:

(a)

Ħadid u azzar, jew kwalitajiet differenti ta’ ħadid jew azzar, jitqiesu bħala wieħed u l-istess metall.

(b)

Liga titqies li hija kompletament magħmula minn dak il-metall li hija kklassifikata bħala liga tiegħu, skont nota 5.

[...]”

10

Il-Kapitolu 81, intitolat “metalli oħrajn ta’ valur baxx; ċermiti; oġġetti tagħhom”, jifforma parti minn din it-Taqsima XV. L-intestatura 8110 ta’ dan il-kapitolu hija strutturata kif ġej:

“8110 Antimonju u oġġetti tiegħu, inklużi skart u fdal

8110 10 00 – Antimonju mhux maħdum; trabijiet

8110 20 00 – Skart u fdal

8110 90 00 – Oħrajn”.

11

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 254/2000, il-Kummissjoni għandha tadotta noti ta’ spjega tan-NM, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10 tal-istess regolament. Dawn għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

12

In nota ta’ spjega tan-NM dwar il-Kapitolu 62, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data li fiha seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (ĠU 2011, C 137, p. 1), issemmi b’mod partikolari:

“Ġenerali

[...]

4.

Dan il-kapitlu jinkludi oġġetti ta’ lbies industrijali u tax-xogħol li huma msemmijin f’subtitli [f’subintestaturi] tan-Nomenklatura Magħquda u li minħabba d-dehra ġenerali tagħhom (sempliċi jew qatgħa speċjali jew disinn relatat mal-funzjoni ta’ l-ilbies) u n-natura tat-tessut tagħhom, li tkun ġeneralment iebsa u ma tinxtorobx, jidhru b’mod ċar li huma disinjati biex jintlibsu biss jew prinċipalment biex jagħtu protezzjoni (fiżika jew għas-saħħa) għal ħwejjeġ u/jew għal nies matul attivitajiet industrijali, professjonali jew domestiċi.

[...]

Jistgħu jissemmew fost ilbies industrijali u tax-xogħol ta’ ilbies użat minn mekkaniks, ħaddiema ta’ fabriki, bennejja, bdiewa, eċċ., li ġeneralment ikunu ħwejjeġ magħmulin minn żewġ partijiet, owverols, vavalori u owverols biċ-ċingi u qliezet. Għal attivitajiet oħrajn dawn jistgħu jkunu fradal, kowtijiet għat-trab, eċċ. (għal tobba, infermieri, sefturi, barbiera, furnara, biċċiera, eċċ.)[.]

[...]”

13

In-noti ta’ spjega tas-SA jitfasslu fi ħdan l-ODD skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika[zzjoni] ta’ Oġġetti u huma ppubblikati fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-ODD, jiġifieri l-Franċiż u l-Ingliż. In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 62.10 tas-SA (“Ilbies magħmul minn prodotti tal-intestatura Nri 56.02, 56.03, 59.03, 59.06 jew 59.07), issemmi, b’mod partikolari:

“Fost l-oġġetti ta’ din l-intestatura jistgħu jiġu ċċitati: [...] ilbies li ma jħallix arja tgħaddi għall-protezzjoni mir-radjazzjoni, mhux ikkombinat ma’ apparat respiratorju.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Fid-19 ta’ Marzu 2013, MIS ippreżentat quddiem l-uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ München dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ prodotti għall-protezzjoni mir-radjazzjoni tal-mudell “Xenolite NL 8250” li ġejjin mill-Istati Uniti tal-Amerika (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”). F’din id-dikjarazzjoni, MIS ikklassifikat dawn il-prodott fis-subintestatura 6211 33 10 00 0 tan-NM. Din id-dikjarazzjoni ġiet aċċettata minn dan l-uffiċċju li, b’avviż tal-istess jum, iffissa dazji fuq l-importazzjoni abbażi ta’ rata ta’ 12 %, applikabbli għas-subintestatura tan-NM imsemmija iktar ’il fuq.

15

Peress li l-ilment imressaq minn MIS kontra dan l-avviż ta’ tassazzjoni ġie miċħud, hija ppreżentat rikors għall-annullament ta’ dan l-avviż quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija ssostni, essenzjalment, li l-prodotti inkwistjoni messhom ġew ikklassifikati fis-subintestatura 8110 90 00 tan-NM.

16

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-prodotti inkwistjoni huma fradal-kowtijiet għall-protezzjoni mir-radjazzjoni li jinkludu, fuq ġewwa u fuq barra, drapp ta’ kulur wieħed bi ħxuna ta’ 0.2 millimetru li 100 % minnu huwa magħmul minn fibri sintetiċi (poliester u poliamide). Is-saff ta’ ġewwa jikkonsisti prinċipalment f’antimonju (madwar 60 %tal-piż) u f’elementi oħra, bi polimer bħala sottostrat. Dawn il-fradal-kowtijiet bla kmiem jestendu sal-parti ta’ fuq tar-riġlejn u għandhom skollatura tonda li tagħlaq mal-għonq, mingħajr għonq, u spallejn ikkuttunati meħjutin. Il-partijiet ta’ quddiem jirkbu fuq xulxin kompletament u l-parti ta’ quddiem tinqafel permezz ta’ qfieli tal-velcro li jinsabu fuq in-naħa tal-lemin u fil-livell tal-ispalla. Barra minn hekk, il-parti ta’ quddiem tinkludi but fil-livell tas-sider, li huwa magħmul minn drapp ikkulurit. Dawn il-prodotti jinkludu wkoll ħolqa għaċ-ċwievet tal-metall ta’ valur baxx, li hija mwaħħla ma’ qafla meħjuta mal-ġenb tal-iskollatura, bħala bokkla. L-imsemmija fradal-kowtijiet iservu sabiex jipproteġu lill-persuni mir-raġġi X waqt li jkunu qegħdin iwettqu l-attività professjonali tagħhom.

17

Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, MIS issostni quddiemha li l-prodotti inkwistjoni kienu magħmula minn diversi elementi, bi proporzjon dominanti ta’ antimonju, li jiddetermina n-natura tagħhom, fid-dawl tal-użu li għalih huma maħsuba u tal-valur tad-diversi elementi li minnhom huma magħmula. Fil-fatt, dawn il-prodotti ma jistgħux iwettqu l-funzjoni ta’ protezzjoni kontra r-raġġi X fl-assenza ta’ din il-porzjon ta’ antimonju. Id-dehra esterna tal-imsemmija prodotti hija irrilevanti, peress li huma magħmula minn diversi elementi. Konsegwentement, skont MIS, il-prodotti inkwistjoni messhom ġew ikklassifikati fis-subintestatura 8110 90 00 tan-NM.

18

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-eżitu tal-kawża pendenti quddiemha jiddependi mill-kwistjoni jekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ oġġett fis-subintestatura 6211 33 10 00 0 tan-NM, humiex biss id-dehra esterna tal-oġġett ikkonċernat u l-użu li għalih huwa intiż li huma importanti jew jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-element tal-oġġett li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu.

19

Skontha, il-prodotti inkwistjoni jaqgħu taħt is-subintestatura 6211 33 10 00 0 tan-NM, fid-dawl tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, tad-dehra esterna tagħhom u tal-użu inerenti li għalih huma intiżi. Barra minn hekk, hija tqis li l-intestatura 6211 tan-NM hija l-iktar intestatura speċifika, fis-sens tar-regola ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tan-NM u, għaldaqstant, għandha tieħu preċedenza fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġenerali. Madankollu, hija għandha xi dubji dwar il-klassifikazzjoni fis-subintestatura 6211 33 10 tan-NM tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha, peress li tali klassifikazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-materjal tal-ikkuttunar ta’ dawn il-prodotti, u b’mod partikolari l-antimonju, li jirrappreżenta madwar 60 % tal-piż tal-materjal tal-ikkuttunar u huwa l-element li jagħti l-protezzjoni mir-radjazzjoni li joffru l-imsemmija prodotti.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Għall-klassifikazzjoni fis-subintestatura 6211 33 10 00 0 ‘ħwejjeġ tax-xogħol’ tan-[NM], hija biss l-apparenza esterna jew hija d-destinazzjoni tal-merkanzija li huma determinanti jew jaqbel, skont ir-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni [tan-NM], li jitqiesu l-elementi li jagħtu lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li fardal-kowt għall-protezzjoni mir-radjazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 6211 33 10 00 tan-NM, abbażi tad-dehra esterna tiegħu jew tal-użu li għalih huwa intiż, jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu, l-elementi li jagħtuh in-natura essenzjali tiegħu ta’ lbies li jipproteġi mir-radjazzjoni, liema elementi jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tiegħu f’intestatura oħra tan-NM, b’mod partikolari fl-intestatura 8110 ta’ din tal-aħħar.

22

F’dan ir-rigward, għandha, qabelxejn, titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita, li skontha, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2011, Delphi Deutschland, C‑423/10, EU:C:2011:315, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fir-rigward tan-noti ta’ spjega mfassla, f’dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni u, f’dak li jirrigwarda s-SA, mill-ODD, dawn jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, mingħajr madankollu ma għandhom saħħa vinkolanti (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2011, Delphi Deutschland, C‑423/10, EU:C:2011:315, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 41, u tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 47). Barra minn hekk, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott huwa kriterju rilevanti biss jekk jekk il-klassifikazzjoni ma tistax issir biss abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Skoma-Lux, C‑339/09, EU:C:2010:781, punt 47, u tat-28 ta’ April 2016, C‑233/15, Oniors Bio, EU:C:2016:305, punt 33).

25

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-subintestatura 6211 33 10 tan-NM, li l-kliem tagħha jirreferi għall-“[ilbies] industrijali u li għandhom x’jaqsmu [għandu x’jaqsam] max-xogħol”, tifforma parti mill-intestatura 6211 33 tan-NM, li tirreferi għat-“track suits, ilbiesi ta’ skijar u malji ta’ l-għawm, ħwejjeġ oħrajn” magħmula minn “fibri magħmulin mill-bniedem”.

26

In-nota ta’ spjega tan-NM dwar il-Kapitolu 62, iċċitata fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, tispeċifika li dan il-kapitolu jinkludi oġġetti ta’ lbies industrijali u tax-xogħol li, minħabba d-dehra ġenerali tagħhom u n-natura tat-tessut tagħhom, li ġeneralment ikun iebes u ma jinxtorobx, “jidhru b’mod ċar li huma disinjati biex jintlibsu biss jew prinċipalment biex jagħtu protezzjoni (fiżika jew għas-saħħa) għal ħwejjeġ u/jew għal nies matul attivitajiet industrijali, professjonali jew domestiċi”. Issa kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti, prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa magħmul minn fibri sintetiċi jew artifiċjali u huwa maħsub sabiex jintlibes biss jew prinċipalment sabiex jipproteġi lill-persuni esposti għar-radjazzjoni fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, għandu jiġi kklassifikat bħala “[ilbies] industrijali u li għandhom x’jaqsmu [għandu x’jaqsam] max-xogħol”, fis-sens tas-subintestatura 6211 33 10 00 0, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, u b’mod partikolari d-dehra esterna tiegħu.

27

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 62.10 tas-SA, li ssemmi li l-“ilbies li ma jħallix arja tgħaddi għall-protezzjoni mir-radjazzjoni”, meta jkun magħmul minn prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi Nri 56.02, 56.03, 59.03, 59.06 jew 59.07 tas-SA, għandu jitqies li huwa “ilbies” tal-intestatura 62.10 tas-SA. Għalkemm il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex magħmula minn prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi Nri 56.02, 56.03, 59.03, 59.06 jew 59.07 tas-SA, mill-imsemmija nota jista’ jiġi dedott li, b’mod iktar ġenerali, apparat ta’ protezzjoni mir-radjazzjoni, li għandu l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ lbies, huwa kopert mid-diversi intestaturi u subintestaturi tan-NM li jirrigwardaw l-ilbies.

28

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-elementi li jagħtuh in-natura essenzjali tiegħu, għandu jitfakkar li dan il-kriterju jissemma fir-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM. Mit-termini stess ta’ din ir-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni jirriżulta li din tal-aħħar tkopri l-każijiet li fihom “l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed [f’intestatura waħda] jew iżjed”.

29

Meta sseħħ tali sitwazzjoni, għandha tiġi applikata r-regola ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, li skontha “it-titlu li jagħti [l-intestatura li tagħti] l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli [intestaturi] li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali”. Huwa biss meta l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ma tippermettix li ssir klassifikazzjoni xierqa ta’ ċerti oġġetti, b’mod partikolari meta ma tkunx teżisti pożizzjoni tariffarja speċifika għall-klassifikazzjoni tal-imsemmija oġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2001, VauDe Sport, C‑288/99, EU:C:2001:262, punt 21, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 36), li għandha tiġi applikata r-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM u tali oġġetti għandhom jiġu kklassifikati “daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom”.

30

Issa kif ġie rrilevat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, teżisti intestatura speċifika għall-klassifikazzjoni ta’ prodott bħal dak inkwstjoni fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ l-intestatura 6211 tan-NM, li tinkludi s-subintestatura 6211 33 10 00 0 tagħha.

31

Għalkemm il-qorti tar-rinviju semmiet il-possibbiltà li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi kklassifikat taħt intestatura oħra tan-NM, b’mod partikolari l-intestatura 8110 tagħha, mill-kliem ta’ din tal-aħħar madankollu jirriżulta li hija tirrigwarda l-“antimonju” u “oġġetti tiegħu, inklużi skart u fdal” u mhux l-ilbies bħall-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Il-fatt li dan il-prodott tal-aħħar jinkludi saff ta’ ġewwa li jikkonsisti prinċipalment f’antimonju, li jagħtih in-natura protettiva tiegħu kontra r-radjazzjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kklassifikat bħala oġġett tal-antimonju, li għalih tirreferi l-intestatura 8110 tan-NM.

33

Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat, jidher li s-subintestatura 6211 33 10 00 0 tan-NM hija “it-titlu li jagħti [l-intestatura li tagħti] l-iżjed deskrizzjoni speċifika”, fis-sens tar-regola ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, u għandha tiġi ppreferuta għall-oħrajn. Għaldaqsant, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex tintuża r-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM, li tirreferi għall-“materjal jew [...]komponent” li jagħti lil prodott il-“karattru essenzjali” tiegħu.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li fardal-kowt għall-protezzjoni mir-radjazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 6211 33 10 00 0 tan-NM, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, fosthom, b’mod partikolari, id-dehra esterna tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li jsir riferiment għall-elementi li jagħtu lill-prodott inkwistjoni n-natura essenzjali tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...], fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012, għandha tiġi interpretata fis-sens li fardal-kowt għall-protezzjoni mir-radjazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 6211 33 10 00 0 tal-imsemmija nomenklatura, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, fosthom, b’mod partikolari, id-dehra esterna tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li jsir riferiment għall-elementi li jagħtu lill-prodott inkwistjoni n-natura essenzjali tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.