SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 2711 — Gassijiet miż-żejt u idrokarbonji oħrajn bil-gass — Materjal li tagħti n-natura essenzjali — Gass likwifikat miż-żejt”
Fil-Kawża C‑286/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa, Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura
Valsts ieņēmumu dienests
vs
SIA “Latvijas propāna gāze”,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u A. Bogdanova, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u I. Rubene, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad‑19 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 291, p. 1), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 287, p. 1), b’mod partikolari tal-intestatura 2711 ta’ dan l-anness, kif ukoll tal-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat‑2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Valsts Ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali, il-Latvja) u SIA “Latvijas propāna gāze” dwar dazji dovuti għall-importazzjoni ta’ gass likwifikat miż-żejt (“LPG”) mir-Russja għal-Latvja. |
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali huma dawk relatati mas-snin 2008 u 2009, li jirriżultaw, rispettivament, mir-Regolamenti Nri 1031/2008 u 948/2009. Id-dispożizzjonijiet tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali baqgħu madankollu identiċi minn verżjoni għall-oħra. |
4 |
L-ewwel parti tan-NM, dwar id-“Dispożizzjonijiet Preliminari”, tinkludi Taqsima 1, iddedikata għar-“Regoli ġenerali”, li s-Sezzjoni A tagħha, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tipprovdi b’mod partikolari: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[...]
|
5 |
It-tieni parti tan-NM, iddedikata għall-i“Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi Taqsima V, intitolata “Prodotti minerali”, li fiha hemm b’mod partikolari l-Kapitolu 27 tan-NM, intitolat “Karburanti minerali, żjut minerali u prodotti tad-distillazzjoni tagħhom; sustanzi bituminużi; xemgħat minerali”. |
6 |
L-intestatura 2711 ta’ dan il-kapitolu hija fformulata u strutturata kif ġej: |
2711 |
Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass: |
||
|
– Imdewbin: |
||
[...] |
[...] |
||
2711 12 |
– – Propan: |
||
[...] |
[...] |
||
|
– – – Oħrajn: |
||
[...] |
[...] |
||
|
– – – – Għal għanijiet oħrajn: |
||
2711 12 97 |
– – – – – Oħrajn |
||
2711 13 |
– – Butani: |
||
[...] |
[...] |
||
|
– – – Għal għanijiet oħrajn: |
||
[...] |
[...] |
||
2711 13 97 |
– – – – Oħrajn |
||
[...] |
[...] |
||
2711 19 00 |
– – Oħrajn |
7 |
L-Artikolu 62(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat‑12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) jipprovdi: “Id-dikjarazzjoni [doganali] għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.” |
8 |
Skont l-Artikolu 218(1) tar-Regolament Nru 2454/93: “Id-dokumenti li ġejjin għandhom jakkompanjaw id-dikjarazzjoni doganali għal-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera: [...]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Latvijas propāna gāze kklassifikat l-LPG li hija importat mir-Russja għal-Latvja matul il-perijodu bejn l‑20 ta’ Marzu 2009 u l-15 ta’ Jannar 2010 fis-subintestatura tariffarja 2711 19 00 u, sussegwentement, applikatlu r-rata ta’ dazji fuq l-importazzjoni ta’ 0 % tal-valur doganali tiegħu. Madankollu, l-amministrazzjoni fiskali, billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti ta’ din il-kumpannija, qieset li s-sustanzi predominanti f’dan l-LPG kienu l-propan u l-butan, bi predominanza ta’ propan, u kklassifikat l-imsemmi LPG fis-subintestatura tariffarja 2711 12 97. |
10 |
Bħalma tesponi l-qorti tar-rinviju, l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi l-metan, l-etan, l-etilene, il-propan, il-propilene, il-butan u l-butilene. Madankollu, iċ-ċertifikat ta’ kwalità ta’ dan l-LPG (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ kwalità”), maħruġ mill-produttur, jiġifieri AAS “Gazprom”, stabbilit f’Orenburg (ir-Russja), ma indikax b’mod separat il-perċentwali, f’densità, ta’ kull waħda minn dawn is-sustanzi u semma biss l-ammont ta’ metan, ta’ etan u ta’ etilene (0.32 % tad-densità tal-imsemmi LPG), l-ammont ta’ propan u ta’ propilene (58.32 %), kif ukoll l-ammont ta’ butan u ta’ butilene (massimu ta’ 39.99 %). |
11 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-Università Teknika ta’ Riga (il-Latvja) tat opinjoni li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit, miċ-ċertifikat ta’ kwalità, li waħda mis-sustanzi li jikkomponu l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tagħtih, waħedha, in-natura essenzjali tiegħu bħala sors ta’ enerġija, jiġifieri l-valur kalorifiku u l-pressjoni żejda. Skont din l-opinjoni, il-propan u l-propilene kienu jagħtu lil dan l-LPG il-pressjoni żejda, iżda l-valur kalorifiku tiegħu huwa ddeterminat mill-komponenti kollha tiegħu flimkien. |
12 |
L-amministrazzjoni fiskali qieset li l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi kklassifikat, skont ir-Regola 2(b), ir-Regola 3(b), kif ukoll ir-Regola 6 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, skont il-materjal li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu. |
13 |
L-amministrazzjoni fiskali qieset li, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, is-sustanza li tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu hija dik li l-perċentwali tagħha, fid-densità tiegħu, hija l-ogħla. Sussegwentement, wara li rrilevat li, skont iċ-ċertifikat ta’ kwalità, l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkorrispondi għal gass likwifikat tat-tip CПБT (SPBT) u li, skont l-istandard nazzjonali Russu ΓOCT 20448‑90 (GOST 20448‑90), jistgħu jiġu kklassifikati bħala gass likwifikat tat-tip CΠБT (SPBT) dak il-gass li l-komponenti prinċipali tiegħu huwa l-propan u l-butan, din l-amministrazzjoni kkonkludiet li dawn iż-żewġ sustanzi kienu jagħtu lil dan l-LPG in-natura essenzjali tiegħu, mingħajr ma l-komponenti l-oħrajn, jiġifieri l-metan, l-etan, l-etilene, il-propilene u l-butilene jistgħu jibdlu n-natura essenzjali tiegħu. |
14 |
Latvijas propāna gāze ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja). |
15 |
Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ April 2014, dik il-qorti l-ewwel nett għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema huwa l-materjal, minn fost dawk li huwa magħmul minnhom, li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu, u dan jista’ jsir billi jiġi eżaminat jekk il-prodott, meta jiġi mċaħħad minn xi wieħed mill-komponenti tiegħu, iżommx jew le il-proprjetajiet li jikkaratterizzawh. Il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodott, jirriżulta pereżempju min-natura tal-materjal kostituttiv jew tal-komponenti tal-prodott, mill-volum tagħhom, mill-kwalità tagħhom, mill-piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostituttivi fid-dawl tal-użu ta’ dan il-prodott (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Kloosterboer Services, C‑173/08, EU:C:2009:382, punti 31 u 32). |
16 |
Sussegwentement, b’applikazzjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-kawża prinċipali, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) irrilevat li l-amministrazzjoni fiskali la kienet ipprovat liema kienet in-natura essenzjali tal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ma kienet uriet li l-propan jew il-butan kellu jitqies bħala s-sustanza li tagħtih tali natura. F’dan ir-rigward, wara li enfasizzat li l-perċentwali ta’ propan jew ta’ butan fil-kompożizzjoni ta’ dan l-LPG ma kinitx indikata b’mod separat fiċ-ċertifikat ta’ kwalità, din il-qorti għamlet riferiment għall-opinjoni tal-Università Teknika ta’ Riga li ma kienx possibbli jiġi stabbilit li waħda mis-sustanzi li jikkomponu l-imsemmi LPG tista’, waħedha, tagħti lil dan tal-aħħar in-natura essenzjali tiegħu. Fl-aħħar, l-imsemmija qorti osservat, meta eżaminat iċ-ċertifikati ta’ kwalità ppreżentati minn Latvijas propāna gāze dwar l-LPG akkwistat f’okkażjoni oħra fil-Litwanja, li l-proporzjon ta’ propilene setgħet, f’ċerti każi, tkun ogħla minn dik tal-propan fil-kompożizzjoni tal-LPG. |
17 |
Bħalma tirrileva l-qorti tar-rinviju, li quddiemha l-amministrazzjoni fiskali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni, miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jirriżulta li, anki jekk jitqies li l-propan jikkostitwixxi, bħala densità, is-sustanza predominanti tal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma d-diversi sustanzi li jikkomponu l-LPG li, flimkien, jagħtuh il-valur kalorifiku tiegħu bħala sors ta’ enerġija. Dik il-qorti tesprimi għalhekk xi dubji dwar il-fondatezza tal-argumenti tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana, fis-sens li s-sustanza li l-proporzjon tagħha hija predominanti bħala perċentwali tagħti lil-LPG inkwistjoni n-natura essenzjali tiegħu, u żżid li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ tali argumenti, l-LPGs li l-kompożizzjoni tagħhom hija ddominata mill-propan jew mill-butan għandhom dejjem jiġu kklassifikati fis-subintestatura tariffarja 2711 19 00, li għaliha tapplika rata ta’ dazji fuq l-importazzjoni ta’ 0 % tal-valur doganali. |
18 |
Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament Nru 2454/93 jirriżulta li persuna li tixtieq timporta l-LPG u tikklassifikah f’intestatura tariffarja li għaliha tapplika rata li hija favorevoli għaliha għandha tippreżenta lill-awtoritajiet doganali kkonċernati, matul l-importazzjoni, provi li jippermettu li jiġi eliminat kull dubju fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-klassifikazzjoni. F’dan il-każ, dik il-qorti tenfasizza li huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni timplikax l-obbligu, għal importatur ta’ LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza predominanti fil-kompożizzjoni ta’ dan l-LPG. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata fl-aħħar li ma huwiex iktar possibbli li jittieħdu kampjuni tal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għalhekk, li ssir analiżi ta’ dan l-LPG fil-laboratorju doganali tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana, sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tiegħu. Konsegwentement, sabiex tiġi stabbilita korrettament l-intestatura tariffarja applikabbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti li diġà ġew stabbiliti fil-kawża prinċipali. |
20 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Augstākās tiesa, Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
21 |
Hemm lok li tingħata risposta l-ewwel nett għall-ewwel domanda, sussegwentement, għat-tielet domanda, u, fl-aħħar, għat-tieni domanda. |
Fuq l-ewwel domanda, dwar id-determinazzjoni tas-sustanza li tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu
22 |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regola 2(b) u r-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li l-komponenti ta’ LPG jagħtuh flimkien in-natura essenzjali tiegħu u fil-każ li ma huwiex possibbli li jiġi iżolat dak il-komponent li, waħdu, jagħtih in-natura essenzjali tiegħu, għandu jiġi preżunt li l-komponent li jagħti lil dan l-LPG in-natura essenzjali tiegħu, fis-sens tal-imsemmija Regola 3(b), huwa dak li l-perċentwali tiegħu hija l-ogħla fid-densità tal-imsemmi LPG. |
23 |
Għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, “taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti [...] għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli”. |
24 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi l-metan, l-etan, l-etilene, il-propan, il-propilene, il-butan u l-butilene. Skont l-opinjoni tal-Università Teknika ta’ Riga, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit li waħda minn dawn is-sustanzi tagħti lil dan il-prodott, waħedha, in-natura essenzjali tiegħu, jiġifieri l-valur kalorifiku jew il-pressjoni żejda tiegħu. Għall-kuntrarju, minn din l-opinjoni jirriżulta li l-valur kalorifiku tal-imsemmi prodott huwa ddeterminat mill-komponenti kollha tat-taħlita ta’ gass flimkien, u mhux minn komponent wieħed. |
25 |
Sa fejn din l-opinjoni xjentifika tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, għandu jiġi konkluż li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat, skont ir-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, liema hija s-sustanza preżenti fl-LPG li tagħti lit-taħlita l-karatteristiċi fiżikokimiċi tagħha u, speċifikament, il-valur kalorifiku tagħha. |
26 |
Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kwantità eżatta ta’ kull wieħed mill-komponenti tal-LPG inkwistjoni, peress li, fiċ-ċertifikat ta’ kwalità tal-oġġetti, il-perċentwali ta’ gassijiet preżenti fl-LPG hija indikata għal kull grupp ta’ gass, bl-ewwel grupp ikun kompost mill-metan, mill-etan u mill-etilene, bit-tieni grupp, mill-propan u mill-propilene u, bit-tielet grupp, mill-butan u mill-butilene. |
27 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-provi deskritti mill-qorti tar-rinviju dwar l-akkwist ta’ LPG minn oriġini differenti, jidher li, fil-grupp kompost mill-propan jew mill-propilene, il-kwantità ta’ propilene tista’ tkun ogħla minn dik tal-propan. Għalhekk ma jistax jiġi preżunt li, meta l-ikbar grupp ta’ gass huwa dak kompost mill-propan u mill-propilene, il-propan għandu jitqies bħala l-element dominanti tat-taħlita. |
28 |
Fl-aħħar, ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jinkludu r-Regola 3(c), applikabbli fil-każijiet meta l-oġġett inkwistjoni la jista’ jkun ikklassifikat skont ir-Regola 3(a) u lanqas skont ir-Regola 3(b) tal-imsemmija regoli, li skontha l-oġġetti għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numeriku minn fost dawk li jistgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
29 |
Minn dan jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li wieħed jirrikorri għal preżunzjoni li għandha l-għan li tiddetermina s-sustanza li tagħti lit-taħlita n-natura essenzjali tagħha. |
30 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regola 2(b) u r-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-komponenti kollha ta’ taħlita ta’ gass, bħal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtuha flimkien in-natura essenzjali tagħha, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-komponent li jagħtiha n-natura essenzjali tagħha u li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kwantità eżatta ta’ kull wieħed mill-komponenti tal-LPG inkwistjoni, preżunzjoni li s-sustanza li tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu, fis-sens tar-Regola 3(b) ta’ dawn ir-regoli ġenerali, hija dik li l-perċentwali tagħha hija l-ogħla fit-taħlita ma għandhiex tintuża. |
Fuq it-tielet domanda, dwar il-klassifikazzjoni ta ’ taħlita ta ’ LPG
31 |
Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fil-każ li d-dikjarant doganali ma jkunx indika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza li huwa prinċipalment kompost minnha LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi 0.32 % ta’ metan, ta’ etan u ta’ etilene, 58.32 % ta’ propan u ta’ propilene, u mhux iktar minn 39.99 % ta’ butan u ta’ butilene, in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li dan l-LPG għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 2711 19 00, bħala “Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass, imdewbin, oħrajn”, jew fis-subintestatura 2711 12 97, bħala “Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass, imdewbin, propan, oħrajn, għal għanijiet oħrajn: oħrajn”. |
32 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 1982, Wünsche, 145/81, EU:C:1982:254, punt 12; tal‑20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI, C‑338/95, EU:C:1997:552, punt 10; tal‑15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 47; tal‑20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, EU:C:2008:645, punt 43, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2015, TSI, C‑183/15, EU:C:2015:808, punt 24). |
33 |
Dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-mument tar-rilaxx doganali (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Foods Import, C‑38/95, EU:C:1996:488, punt 17; tas‑27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, EU:C:2007:553, punt 36, u tat‑23 ta’ April 2015, ALKA, C‑635/13, EU:C:2015:268, punt 37). |
34 |
F’dan il-każ, is-subintestatura 2711 12 tan-NM hija dwar il-propan. Madankollu, bħalma jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, minkejja li l-propan huwa l-gass li l-perċentwali tiegħu hija l-ogħla f’LPG bħal dak deskritt mill-qorti tar-rinviju, dan il-gass ma jistax jiġi preżunt li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu. |
35 |
L-istess jgħodd għall-gassijiet l-oħrajn li jikkostitwixxu dan l-LPG, b’mod li dan lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestaturi 2711 13 (“Butani”) jew 2711 14 00 (Etilene, propilene, butilene u butadina”). |
36 |
Peress li r-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM ma tippermettix li ssir il-klassifikazzjoni ta’ taħlita ta’ gass bħal-LPG kif deskritt mill-qorti nazzjonali, għandha tiġi applikata r-Regola 3(c) ta’ dawn ir-regoli, imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li skontha l-oġġetti għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numeriku minn fost dawk li jistgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, bħalma tipproponi l-Kummissjoni, fis-subintestatura 2711 19 00 tan-NM, bħala “gass likwifikat miż-żejt ieħor”. |
37 |
Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi 0.32 % ta’ metan, ta’ etan u ta’ etilene, 58.32 % ta’ propan u ta’ propilene, u mhux iktar minn 39.99 % ta’ butan u ta’ butilene, u li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata liema waħda mis-sustanzi li jikkomponuh tagħtih in-natura essenzjali tiegħu, jaqa’ taħt is-subintestatura 2711 19 00, bħala “Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass, imdewbin, oħrajn”. |
Fuq it-tieni domanda
38 |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament Nru 2454/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimplika l-obbligu, għal dikjarant ta’ LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza li minnha huwa prinċipalment magħmul dan l-LPG. |
39 |
Bħalma jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, ma huwiex possibbli li jiġi preżunt li, fil-każ li LPG, bħal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun kompost minn diversi sustanzi, dik is-sustanza li għandha l-ogħla perċentwali tagħti lil dan l-LPG in-natura essenzjali tiegħu. |
40 |
Barra minn hekk, bħalma jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda u bħalma tirrileva l-Kummissjoni, l-assenza ta’ indikazzjoni preċiża tal-perċentwali tas-sustanzi li jikkomponu LPG, bħal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli ta’ klassifikazzjoni tariffarja. |
41 |
Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimplikax l-obbligu, għal dikjarant ta’ LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza li minnha huwa prinċipalment magħmul dan l-LPG. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.