Kawża C‑273/15
ZS “Ezernieki”
vs
Lauku atbalsta dienests
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa Administratīvo lietu departaments)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija — Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 — Għajnuna għall-iżvilupp rurali — Irkupru tal-pagamenti żejda — Żieda tal-wiċċ iddikjarat matul il-perijodu ta’ impenji ta’ ħames snin lil hinn mil-limitu previst — Sostituzzjoni tal-impenn inizjali b’impenn ġdid — Nuqqas ta’ osservanza mill-benefiċjarju tal-obbligu tal-preżentata tat-talba annwali ta’ ħlas tal-għajnuna — Leġizlazzjoni nazzjonali li teħtieġ ir-rimbors tal-għajnuna kollha mħallsa għal diversi snin — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Artikoli 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016
Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEGG – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Għajnuna agroambjentali – Irkupru tal-pagamenti żejda – Leġizlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-obbligu, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija inkambju għall-impenji agroambjentali tiegħu li jirrigwardaw diversi snin, li jirrimborsa l-għajnuna kollha mħallsa fis-snin preċedenti f’każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ talba annwali ta’ ħlas – Perijodu ġdid ta’ impenji agroambjentali wara ż-żieda sostanzjali tal-wiċċ iddikjarat – Ammissibbiltà – Osservanza mill-benefiċjarju tal-obbligi tiegħu dwar il-wiċċ inizjalment iddikjarat – Assenza ta’ effett
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17 u 52; Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003; Regolamenti tal-Kummissjoni Nri 796/2004 u 817/2004, Artikoli 37(3) u 71(2))
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Dritt għall-proprjetà – Ħlas lura ta’ għajnuna mħallsa indebitament minħabba l-fatt ta’ ksur ta’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà – Ksur – Assenza
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17)
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Supremazija – Dritt nazzjonali konformi – Possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tiċħad fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ekwità – Esklużjoni
(Dikjarazzjoni Nru 17 anness mat-Trattati UE u FUE)
L-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 817/2004, li jġib modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-FAEGG, għandu, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 1783/2003, u tar-Regolament Nru 817/2004, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġi interpretat f’dan is-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bis-saħħa ta’ liema l-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija inkambju għall-impenji agroambjentali tiegħu li jirrigwardaw diversi snin huwa obbligat li jirrimborsa l-għajnuna kollha diġà mħallsa, minħabba li ma ppreżentax talba annwali għal ħlas ta’ din l-għajnuna għall-aħħar sena tal-perijodu ta’ ħames snin tal-impenji tiegħu, meta, minn naħa, dan il-perijodu ta’ ħames snin ġie sostitwit għal wieħed preċedenti minħabba ż-żieda tal-wiċċ tal-operat tiegħu u li, min-naħa l-oħra, dan il-benefiċjarju ma waqafx milli jissodisfa l-obbligi tiegħu dwar l-operat tal-wiċċ iddikjarat qabel din iż-żieda. Fil-fatt, wara ż-żieda sostanzjali tal-wiċċ tal-operat ikkonċernat u l-bidu ta’ perijodu ġdid ta’ impenji ta’ ħames snin, il-benefiċjarju huwa obbligat, matul dan, fl-osservanza tal-obbligi kollha li jirriżultaw u dan għall-wiċċ kollu miżjud matul il-ħames snin. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet irendi inġustifikata u mingħajr bażi legali l-għotja u ż-żamma tal-benefiċċju tal-għajnuna, u dan fl-intier tagħha.
(ara l-punti 38, 46, 57 u d-dispożittiv)
L-obbligu tal-ħlas lura ta’ għajnuna tal-Unjoni indebitament imħallsa minħabba l-fatt tal-ksur ta’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għal din l-għajnuna ma tistax tiġi assimilata għal ksur tad-dritt għall-proprjetà, rikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod li benefiċjarju li għandu l-obbligu li jħallas lura l-għajnuna indebitament riċevuta, bħala sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tal-ħlas tagħha, ma jistax japprofitta mill-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Artikolu 17.
(ara l-punti 47, 49)
Ara t-test tad-deċiżjoni
(ara l-punti 46, 52-54, 56)